Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet20 Ottubru 20202 min qari

Skemi taċ-ċittadinanza b'investiment: Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra Ċipru u Malta talli “jbigħu” ċ-ċittadinanza tal-UE

89841433_2895776670469794_3454528409051332608_o.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi proċeduri ta' ksur kontra Ċipru u Malta billi ħarġet ittri ta' intimazzjoni dwar l-iskemi tagħhom ta' ċittadinanza b'investiment, imsejħa wkoll skemi tal-“passaporti tad-deheb”.

Il-Kummissjoni tqis li l-għoti, minn dawn l-Istati Membri, tan-nazzjonalità tagħhom – u b'hekk taċ-ċittadinanza tal-UE – bi skambju għal pagament jew investiment determinat minn qabel u mingħajr rabta ġenwina mal-Istati Membri kkonċernati, mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan idgħajjef ukoll l-integrità tal-istatus taċ-ċittadinanza tal-UE previst fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Minħabba n-natura taċ-ċittadinanza tal-UE, skemi bħal dawn għandhom implikazzjonijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali. Meta Stat Membru jagħti ċ-ċittadinanza, il-persuna kkonċernata awtomatikament issir ċittadin tal-UE u tgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma' dan l-istatus, bħad-dritt li tiċċaqlaq, tgħix u taħdem liberament fl-UE, jew id-dritt li tivvota fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Konsegwentement, l-effetti tal-iskemi ta' ċittadinanza b'investiment la huma limitati għall-Istati Membri li joperawhom, u lanqas ma huma newtrali fir-rigward ta' Stati Membri oħra u tal-UE kollha kemm hi.

Il-Kummissjoni tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE għal pagamenti jew investimenti determinati minn qabel mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istati Membri kkonċernati, idgħajjef l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE. .

 

Il-passi li jmiss

Il-Gvernijiet Ċiprijotti u Maltin għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittri ta' intimazzjoni. Jekk it-tweġibiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' toħroġ Opinjoni Motivata dwar din il-kwistjoni.

 

Sfond

L-iskemi taċ-ċittadinanza b'investiment jippermettu lil persuna tikseb nazzjonalità ġdida abbażi ta' pagament jew investiment biss. Dawn l-iskemi huma differenti mill-iskemi ta' residenza tal-investituri (jew il-“viżi tad-deheb”) li jippermettu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jiksbu permess ta' residenza biex jgħixu f'pajjiż tal-UE.

Il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf taċ-ċittadinanza nazzjonali huma rregolati mid-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għar-rispett dovut lejn id-dritt tal-UE. Peress li n-nazzjonalità hija l-unika prekundizzjoni għaċ-ċittadinanza tal-UE u għall-aċċess għad-drittijiet mogħtija mit-Trattati, il-Kummissjoni kienet qed tissorvelja mill-qrib l-iskemi tal-investituri li jagħtu n-nazzjonalità tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni ta' spiss esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar skemi ta' ċittadinanza b'investiment u dwar ċerti riskji li huma inerenti fi skemi bħal dawn. Kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Jannar 2019, dawn ir-riskji huma relatati b'mod partikolari mas-sigurtà, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, u l-Kummissjoni kienet qed tissorvelja kwistjonijiet aktar wesgħin ta' konformità mad-dritt tal-UE li jinħolqu minn skemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment. F'April 2020, il-Kummissjoni kitbet lill-Istati Membri kkonċernati fejn spjegat it-tħassib tagħha u talbet aktar informazzjoni dwar l-iskemi.

F'riżoluzzjoni adottata fl-10 ta' Lulju 2020, il-Parlament Ewropew tenna t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Istati Membri biex kemm jista' jkun malajr jeliminaw gradwalment l-iskemi kollha eżistenti ta' ċittadinanza b'investiment (CBI, citizenship by investment) jew residenza b'investiment (RBI, residency by investment). Kif iddikjarat mill-President von der Leyen fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tas-16 ta' Settembru 2020, il-valuri Ewropej mhumiex għall-bejgħ.

Il-Kummissjoni qed terġa' tikteb ukoll lill-Bulgarija biex tenfasizza t-tħassib tagħha rigward skema ta' ċittadinanza b'investiment imħaddma minn dan l-Istat Membru u qed titlob aktar dettalji. Il-Gvern Bulgaru għandu xahar biex iwieġeb għall-ittra li titlob aktar informazzjoni, u wara dan il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
20 Ottubru 2020