Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet29 Settembru 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Skema taċ-ċittadinanza b'investiment: Il-Kummissjoni tressaq lil MALTA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Maltese Passport

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment tagħha, imsejħa wkoll “passaporti tad-deheb”. Il-Kummissjoni tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE bħala kumpens għal pagamenti jew investimenti predeterminati mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li jinsab minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u mal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li jinsab previst fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fl-20 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Malta, fejn ħeġġitha ttemm l-iskema tagħha ta' ċittadinanza b'investiment. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni oħra lil Malta fid-9 ta' Ġunju 2021, wara l-introduzzjoni ta' skema ġdida fi tmiem l-2020.

Wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, Malta ssospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi. Minkejja li dan kien pass pożittiv, Malta għadha tħaddem din l-iskema għan-nazzjonalitajiet l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha.

Fis-6 ta' April 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Malta. It-tweġiba ta' Malta ma indirizzatx b'mod sodisfaċenti t-tħassib tal-Kummissjoni. Malta hija l-uniku Stat Membru li għadu jopera skema bħal din.

Minħabba f'hekk, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE skont l-Artikolu 258(2)) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Iċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li tagħti jinsabu fil-qalba tal-UE. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE. Iċ-ċittadinanza tal-UE awtomatikament tagħti d-dritt għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq intern tal-UE, u d-dritt li tivvota u li tiġi eletta fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità, li huma rregolati mid-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru, iridu jirrispettaw id-dritt tal-UE kif xieraq.

Skemi ta' ċittadinanza b'investiment jippermettu li persuna tikseb nazzjonalità ġdida bbażata fuq pagamenti jew investimenti predeterminati, u fin-nuqqas ta' rabta ġenwina mal-pajjiż ta' naturalizzazzjoni, bħar-residenza fit-tul. Dawn l-iskemi huma differenti mill-iskemi ta' residenza tal-investituri (jew il-“viżi tad-deheb”) li jippermettu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jiksbu permess ta' residenza biex jgħixu f'pajjiż tal-UE. Iż-żewġ tipi ta' skemi joħolqu riskji serji, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-korruzzjoni.

Il-Kummissjoni kienet qed issegwi l-iskemi ta' ċittadinanza b'investiment fi Stati Membri oħra wkoll.

F' Ottubru 2020 il-Kummissjoni kienet bdiet ukoll proċedura ta' ksur kontra Ċipru fir-rigward tal-iskema tiegħu ta' ċittadinanza b'investiment. Ċipru ssospenda l-iskema tiegħu u ma baqax jirċievi applikazzjonijiet ġodda fl-1 ta' Novembru 2020. Madankollu, peress li kompla jipproċessa l-applikazzjonijiet pendenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru fid-9 ta' Ġunju 2021. Ċipru lesta l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet pendenti kollha f'Lulju 2021. Il-Kummissjoni qed tanalizza s-sitwazzjoni f'Ċipru mill-qrib qabel ma tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss.

Il-Kummissjoni kienet ukoll f'kuntatt mal-Bulgarija dwar l-iskema tagħha ta' ċittadinanza b'investiment. Il-Bulgarija neħħiet l-iskema mill-5 ta' April 2022.

Mit-tnedija tal-ewwel skema fl-2014 (il-“programm ta' investituri individwali”), Malta nnaturalizzat diversi eluf ta' investituri u l-membri tal-familja tagħhom. Fi tmiem l-2020, Malta ħolqot skema ġdida (l-iskema “Ċittadinanza Maltija bin-Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b'Investiment Dirett”), wara li dik oriġinali qarrbet il-limitu tagħha tal-1,800 applikazzjoni ta' suċċess. L-iskema l-ġdida żżomm il-prinċipju li n-nazzjonalità tista' tingħata sistematikament, għal pagamenti determinati minn qabel, mingħajr il-ħtieġa li tiġi stabbilita ebda rabta ġenwina bejn l-applikant u Malta. Fit-2 ta' Marzu 2022 Malta ħabbret li, sakemm jingħata avviż ieħor, kienet issospendiet l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet minn ċittadini tal-Federazzjoni Russa u tal-Belarussja.

Għal aktar informazzjoni

Ittra ta' initimazzjoni – 20 ta' Ottubru 2020

Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali – 9 ta' Ġunju 2021

Opinjoni motivata — 6 ta' April 2022

Bażi tad-data dwar il-ksur

Proċedura ta' ksur tal-UE

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
29 Settembru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta