Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet27 April 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta7 min qari

Il-proprjetà intellettwali: regoli armonizzati tal-UE dwar il-privattivi jagħtu spinta lill-innovazzjoni, l-investiment u l-kompetittività fis-Suq Uniku

Carbon 14 Determination Laboratory, JRC Karlsruhe, Germany

Illum, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tgħin lill-kumpaniji, speċjalment lill-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jagħmlu l-aħjar użu mill-invenzjonijiet tagħhom, jelevaw teknoloġiji ġodda u jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-UE.

Ir-Regolamenti proposti dwar il-privattivi standard essenzjali, il-liċenzjar obbligatorju tal-privattivi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari se joħolqu qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali aktar trasparenti, effettiv u li jiflaħ għall-pressjonijiet li għad iġib miegħu l-futur.

Assi intanġibbli bħal ditti, disinni, privattivi u data qed isiru dejjem aktar importanti fl-ekonomija tal-għarfien tal-lum il-ġurnata. Il-proprjetà intellettwali (PI) hija mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku peress li tgħin lill-kumpaniji jiggwadanjaw valur mill-assi intanġibbli tagħhom. L-industriji intensivi fil-proprjetà intellettwali jammontaw għal kważi nofs il-PDG kollu u aktar minn 90% tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE. Fil-perjodu 2017–2019, kważi 76 % tal-kummerċ intra-UE kien iġġenerat minn industriji intensivi fil-privattivi.

Il-proposti tal-lum se jikkomplementaw is-sistema tal-Privattiva Unitarja, li se tkun operattiva mill-1 ta' Ġunju. Il-punti ta' tluq rispettivi tagħhom huma d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji eżistenti tal-liġi internazzjonali u tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, iżda kull wieħed minnhom għandu l-għan li jagħmel is-sistema tal-privattivi aktar effettiva billi jkompli jelimina l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku, inaqqas il-burokrazija, u jtejjeb l-effiċjenza. Dan il-qafas solidu tal-privattivi se jagħti s-setgħa lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproteġu aħjar l-innovazzjoni filwaqt li jiżguraw aċċess ġust, inkluż matul sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Dawn l-inizjattivi dwar il-privattivi jindirizzaw l-oqsma ewlenin li ġejjin:

Privattivi Standard Essenzjali

Il-privattivi essenzjali għall-istandards (SEPs) huma privattivi li jipproteġu t-teknoloġija li tkun ġiet iddikjarata essenzjali għall-implimentazzjoni ta' standard tekniku adottat minn organizzazzjoni li tiżviluppa standard (SDO). Tali standards jirrigwardaw pereżempju l-konnettività (eż. 5G, Wi-Fi, Bluetooth, NFC) jew standards ta' kompressjoni u dekompressjoni tal-awdjo/vidjo.

Biex prodott ikun magħmul konformi mal-istandard, l-implimentatur huwa obbligat juża l-privattivi “essenzjali” rilevanti. Il-monopolju mogħti minn privattivi speċifiċi bħal dawn huwa bbilanċjat mill-impenn tad-detenturi tal-SEP li jilliċenzjaw dawn il-privattivi fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), li jippermettu aċċess għas-suq lill-implimentaturi.

Għal ħafna snin, is-sistema attwali sofriet minn nuqqas ta' trasparenza, prevedibbiltà, u tilwim u litigazzjoni twal, kif rikonoxxut għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 dwar privattivi essenzjali għall-istandards. Miżuri preċedenti biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, bħall-awtoregolamentazzjoni, ma wrewx li huma effettivi. Fil-pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-proprjetà intellettwali tal-2020, il-Kummissjoni enfasizzat l-ħtieġa għal “qafas ħafna aktar ċar u aktar prevedibbli, li jinċentiva negozjati bona fide aktar milli rikors għal litigazzjonijiet”.

L-applikabbiltà tal-SEPs (b'mod partikolari għall-istandards tal-konnettività) se tiżdied biż-żieda tal-“Internet tal-Oġġetti” (IoT). Għaldaqstant, sistema li tiffunzjona tajjeb li tiffaċilita l-aċċess għat-teknoloġiji, filwaqt li tippremja l-innovazzjoni, hija kruċjali għas-sovranità teknoloġika tal-UE.

Il-qafas ta' liċenzjar tal-SEPs propost għandu l-għan li joħloq sistema bbilanċjata, li tistabbilixxi benchmark globali għat-trasparenza tal-SEPs, it-tnaqqis tal-kunflitti u n-negozjati effiċjenti. Għandu ż-żewġ objettivi ewlenin li ġejjin:

  • L-iżgurar li kemm is-sidien kif ukoll l-implimentaturi tal-SEPs tal-UE jinnovaw fl-UE, jimmanifatturaw u jbigħu prodotti fl-UE u jkunu kompetittivi fis-swieq globali.
  • L-iżgurar li l-utenti finali, inklużi l-SMEs u l-konsumaturi, jibbenefikaw minn prodotti bbażati fuq l-aħħar teknoloġiji standardizzati bi prezzijiet ġusti u raġonevoli.

Il-qafas tal-liċenzjar tal-SEP propost se jipprovdi trasparenza addizzjonali fir-rigward tal-portafolli tal-SEP, royalties aggregati (meta jkunu involuti privattivi ta' diversi detenturi) u jippermetti mezzi aktar effiċjenti għall-partijiet biex jaqblu dwar termini FRAND tal-liċenzji tagħhom. Il-proposta tintroduċi miżuri dwar l-aspetti li ġejjin: reġistru tal-SEP, bażi tad-data u verifiki tal-essenzjalità; opinjonijiet esperti dwar ir-royalty aggregata tal-SEP; determinazzjoni FRAND permezz ta' konċiljazzjoni minflok litigazzjoni għalja; miżuri ta' appoġġ għall-SMEs; u l-istabbiliment ta' “Ċentru ta' kompetenza” fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Ir-Regolament propost se japplika għall-istandards kollha li se jiġu ppubblikati wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni se tiddetermina liema mill-istandards, l-implimentazzjonijiet jew il-każijiet ta' użu tagħhom jiġu esklużi mill-iffissar aggregat tar-royalties u l-proċess ta' konċiljazzjoni FRAND, f'sitwazzjonijiet fejn il-liċenzjar rispettiv tal-SEPs ma joħloqx diffikultajiet jew ineffiċjenzi sinifikanti li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, l-istandards ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament mhux se jkunu soġġetti għalih, sakemm ma jkunx hemm distorsjonijiet speċifiċi tas-suq minħabba ineffiċjenzi fil-liċenzjar tal-SEPs li jwasslu lill-Kummissjoni biex tinkludihom fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

Liċenzar Obbligatorju

Il-liċenzjar obbligatorju tal-privattivi jippermetti li gvern jawtorizza l-użu ta' invenzjoni bi privattiva mingħajr il-kunsens tad-detentur tal-privattiva. Il-ftehimiet ta' liċenzjar volontarju mal-manifatturi huma ġeneralment l-għodda ppreferuta biex tiżdied il-produzzjoni, iżda jekk il-ftehimiet volontarji ma jkunux disponibbli jew ma jkunux adegwati, il-liċenzjar obbligatorju jista' jgħin biex jingħata aċċess għal prodotti u teknoloġiji ewlenin rilevanti għall-kriżi bħala l-aħħar għażla fi żminijiet ta' kriżi. Bħalissa hemm taħlita ta' 27 reġim nazzjonali ta' liċenzjar obbligatorju minkejja li ħafna ktajjen tal-valur joperaw madwar l-UE. Dan jista' jkun sors ta' inċertezza legali kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għall-utenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Ir-regoli l-ġodda jipprevedu strument ta' liċenzjar obbligatorju ġdid għall-UE kollha li jikkomplementa l-istrumenti tal-UE għall-kriżijiet, bħall-Istrument għas-Suq Uniku ta' Emerġenza, ir-regolamenti tal-HERA u l-Att dwar iċ-Ċipep. Wara l-kriżi tal-COVID-19, dawn ir-regoli l-ġodda jkomplu jsaħħu r-reżiljenza tal-Unjoni għall-kriżijiet, billi jiżguraw l-aċċess għal prodotti u teknoloġiji ewlenin bi privattiva fi kriżijiet, jekk il-ftehimiet volontarji ma jkunux disponibbli jew adegwati.

Iċ-Ċertifikati ta' Protezzjoni Supplimentari

Ċertifikat Supplimentari ta' Protezzjoni (SPC) huwa dritt tal-proprjetà intellettwali li jestendi t-terminu ta' privattiva (sa ħames snin) għal prodott farmaċewtiku uman jew veterinarju, jew prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li jkun ġie awtorizzat mill-awtoritajiet regolatorji. Dan huwa intiż biex jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi f'dawn is-setturi. Madankollu, il-protezzjoni tal-SPC hija disponibbli biss fil-livell nazzjonali. B'riżultat ta' dan, is-sistema attwali tbati minn frammentazzjoni, li twassal għal proċeduri kumplessi u għaljin, kif ukoll inċertezza legali.

Din l-inizjattiva tintroduċi SPC unitarju biex jikkomplementa l-Privattiva Unitarja.  Ir-riforma tal-SPC tintroduċi wkoll proċedura ta' eżami ċentralizzata, implimentata mill-EUIPO, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali tal-UE. Taħt dan ir-reġim, applikazzjoni waħda se tkun soġġetta għal proċess ta' eżami uniku li, jekk ikollu eżitu pożittiv, jirriżulta fl-għoti ta' SPCs nazzjonali għal kull wieħed mill-Istati Membri nnominati fl-applikazzjoni. L-istess proċedura tista' tirriżulta wkoll fl-għoti ta' SPC unitarju.

Fond tal-UE għall-SMEs tal-2023

Biex ikompli jappoġġa l-innovazzjoni, flimkien mal-proposti tal-lum, il-Fond għall-SMEs tal-2023 issa se jagħmel disponibbli wkoll servizzi ġodda ta' vawċers li jikkonċernaw, għall-ewwel darba, privattivi Ewropej u varjetajiet ġodda ta' pjanti. Dawn is-servizzi l-ġodda se jippermettu lill-SMEs jiffrankaw sa €1,500 fuq l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni tal-privattivi tagħhom u €225 fuq ir-reġistrazzjoni ta' varjetajiet ġodda ta' pjanti għal kull applikazzjoni.

Il-Passi li Jmiss

Ir-Regolamenti proposti se jkun għad hemm bżonn li jiġu diskussi u maqbula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom.

Kuntest

Il-valur miżjud tal-proprjetà intellettwali qed jikber fil-biċċa l-kbira tal-ekosistemi industrijali Ewropej. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), u b'mod partikolari l-privattivi li huma assi intanġibbli kritiċi, huma mitluba jaqdu rwol kruċjali fiż-żieda tal-innovazzjoni ekoloġika, filwaqt li jsawru każ ta' negozju għal teknoloġija nadifa, u jrawmu wkoll it-trasformazzjoni diġitali sostenibbli. Il-privattivi għandhom ukoll il-potenzjal li jneħħu r-riskju tal-investiment, li jiffunzjonaw bħala kollateral ta' finanzjament solidu u li jibnu pjattaforma għall-innovaturi segwenti, u b'hekk isaħħu l-kapaċità tal-UE li tattira u żżomm ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment.

L-Istrateġija Industrijali tal-UE l-ġdida adottata fl-10 ta' Marzu 2020 irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-politika tal-UE dwar il-Proprjetà Intellettwali tgħin biex issostni u ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa u tippromwovi kundizzjonijiet ekwi globali. Fil-25 ta' Novembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar il-Proprjetà Intellettwali biex tgħin lill-kumpaniji, speċjalment l-SME, jagħmlu l-aħjar użu mill-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet tagħhom u tiżgura li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-proposti attwali huma bbażati fuq proċess robust ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, li jinvolvi bosta sessjonijiet ta' ħidma, laqgħat mal-partijiet ikkonċernati u konsultazzjonijiet pubbliċi. 

Fir-rigward tal-politika dwar il-privattivi, waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-Pjan ta' Azzjoni hija relatata mat-tnedija tas-Sistema tal-Privattiva Unitarja. Il-Privattiva Unitarja, flimkien mal-Qorti Unifikata tal-Privattivi (UP), se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2023. Din l-għodda b'saħħitha ġdida għall-kumpaniji Ewropej, u speċjalment l-SMEs, se toħloq punt uniku ta' servizz għall-protezzjoni u l-infurzar tal-privattivi fl-UE. Dan se jkompli jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE, u lill-isforzi ta' rkupru ekonomiku kif ukoll lit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
27 April 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta