Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet30 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta10 min qari

Il-Patt Ekoloġiku: Proposti ġodda biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma u tingħata spinta lill-indipendenza tal-Ewropa fejn jidħlu r-riżorsi

sustainable

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett ta' proposti fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma fl-UE, tingħata spinta lill-mudelli ta' negozju ċirkolari u tingħata s-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda biex kważi l-oġġetti fiżiċi kollha fis-suq tal-UE jsiru aktar ekoloġiċi, ċirkolari, u effiċjenti fl-użu tal-enerġija matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom li jinkludi l-fażi tad-disinn, l-użu ta' kuljum, l-adattament għal skop ġdid u t-tmiem tal-ħajja tal-istess prodotti.

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll strateġija ġdida biex it-tessuti jkunu aktar durabbli, u jistgħu jissewwew, jerġgħu jintużaw u jiġu rriċiklati, biex jiġu indirizzati l-moda mgħaġġla u l-qerda tat-tessuti li ma jinbiegħux, u jiġi żgurat li l-produzzjoni tagħhom issir b'rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali.

It-tielet proposta għandha l-għan li tagħti spinta lis-suq intern tal-prodotti għall-bini u tiżgura li l-qafas regolatorju fis-seħħ ikun adattat biex l-ambjent mibni jilħaq l-objettivi tagħna dwar is-sostenibbiltà u l-klima.

Fl-aħħar nett, il-pakkett jinkludi proposta dwar regoli ġodda biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa fit-tranżizzjoni ekoloġika bil-għan li jkunu infurmati aħjar dwar is-sostenibbiltà ambjentali tal-prodotti u jkunu protetti aħjar kontra l-greenwashing.

Bil-proposti tal-lum, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-għodod biex nimxu lejn ekonomija verament ċirkolari fl-UE: maqtugħa mid-dipendenzi fuq l-enerġija u r-riżorsi, aktar reżiljenti għax-xokkijiet esterni u li tirrispetta n-natura u s-saħħa tan-nies. Il-proposti jibnu fuq is-suċċess tar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-Ekodisinn, li ġabu magħhom tnaqqis notevoli fil-konsum tal-enerġija tal-UE u ffrankar sinifikanti għall-konsumaturi. Fl-2021 biss, ir-rekwiżiti eżistenti tal-ekodisinn iffrankaw lill-konsumaturi EUR 120 biljun. Ir-regoli wasslu wkoll għal tnaqqis ta' 10 % fil-konsum annwali tal-enerġija mill-prodotti kkonċernati. Sal-2030, il-qafas il-ġdid jista' jwassal biex jiġu ffrankati 132 mtoe ta' enerġija primarja, li jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor għal 150 bcm ta' gass naturali, kważi ekwivalenti għall-importazzjoni ta' gass Russu fl-UE. 

Biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma

Il-proposta għal Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli tindirizza d-disinn tal-prodott, li jiddetermina sa 80 % tal-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott. Tistabbilixxi rekwiżiti ġodda biex il-prodotti jsiru aktar durabbli u affidabbli, jistgħu jerġgħu jintużaw, jiġu aġġornati u jissewwew, ikunu eħfef biex jiġu mantnuti, rinnovati u rriċiklati, u jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni speċifiċi għall-prodott se jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jafu dwar l-impatti li x-xiri tagħhom ikollu fuq l-ambjent. Il-prodotti rregolati kollha se jkollhom Passaport Diġitali tal-Prodott. Dan se jagħmilha aktar faċli biex il-prodotti jissewwew jew jiġu rriċiklati u se jiffaċilita t-traċċar ta' sustanzi ta' tħassib tul il-katina tal-provvista. Jista' jiġi introdott anki t-tikkettar. Il-proposta tinkludi wkoll miżuri biex oġġetti tal-konsum li ma jinbiegħux ma jibqgħux jinqerdu, kif ukoll biex jiġi estiż l-akkwist pubbliku ekoloġiku u jiġu pprovduti inċentivi għall-prodotti sostenibbli.

Il-proposta tal-lum testendi l-qafas eżistenti tal-Ekodisinn b'żewġ modi: l-ewwel nett, biex tiġi koperta l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' prodotti; u t-tieni, li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti li l-prodotti għandhom jikkonformaw magħhom. L-istabbiliment ta' kriterji mhux biss għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżda wkoll għaċ-ċirkolarità u għal tnaqqis ġenerali tal-impronta ambjentali u klimatika tal-prodotti, se jwassal għal indipendenza akbar fejn jidħlu l-enerġija u r-riżorsi u għal inqas tniġġis. Il-proposta se ssaħħaħ is-Suq Uniku, filwaqt li tevita leġiżlazzjoni diverġenti f'kull Stat Membru, u toħloq opportunitajiet ekonomiċi għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-manifattura mill-ġdid, il-manutenzjoni, ir-riċiklaġġ u t-tiswija. Il-proposta se tistabbilixxi qafas u proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' dawk kollha kkonċernati, se tistabbilixxi progressivament rekwiżiti għal kull prodott jew grupp ta' prodotti. 

Flimkien ma' din il-proposta, il-Kummissjoni adottat ukoll Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 biex ikopri prodotti ġodda relatati mal-enerġija, jaġġorna u jżid l-ambizzjoni għal prodotti li diġà huma rregolati, bħala miżura tranżitorja sakemm jidħol fis-seħħ ir-regolament il-ġdid. Jindirizza b'mod partikolari l-elettronika għall-konsumatur (smartphones, tablets, pannelli solari), li hija l-aktar fluss ta' skart li qed jikber malajr.

Sabiex jiġi appoġġat l-użu ta' prodotti sostenibbli fis-suq kollu tal-UE, illum qed jiġu ppreżentati wkoll inizjattivi settorjali mmirati. L-Istrateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari u r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini se jindirizzaw żewġ gruppi ta' prodotti prijoritarji b'impatti sinifikanti.

Tessuti sostenibbli u ċirkolari

Il-konsum Ewropew tat-tessuti għandu r-raba' l-akbar impatt fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima, wara l-ikel, l-akkomodazzjoni u l-mobbiltà. Huwa wkoll it-tielet l-akbar qasam ta' konsum għall-użu tal-ilma u tal-art, u l-ħames l-akbar wieħed għall-użu tal-materja prima primarja.

L-Istrateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari tistabbilixxi l-viżjoni u l-azzjonijiet konkreti biex jiġi żgurat li sal-2030 il-prodotti tat-tessuti mqiegħda fis-suq tal-UE jkollhom ħajja twila u jkunu riċiklabbli, magħmula kemm jista' jkun minn fibri riċiklati, ħielsa minn sustanzi perikolużi u prodotti b'mod li jħares id-drittijiet soċjali u l-ambjent. Il-konsumaturi se jibbenefikaw aktar fit-tul minn tessuti ta' kwalità għolja, il-moda mgħaġġla ma għandhiex tibqa' tal-moda, u s-servizzi ta' użu mill-ġdid u ta' tiswija ekonomikament profittabbli għandhom ikunu disponibbli b'mod wiesa'. F'settur tat-tessuti kompetittiv, reżiljenti u innovattiv, il-produtturi jridu jerfgħu r-responsabbiltà għall-prodotti tagħhom tul il-katina tal-valur, inkluż meta dawn isiru skart. B'dan il-mod, l-ekosistema tat-tessuti ċirkolari se tirnexxi, u se tkun xprunata minn kapaċitajiet suffiċjenti għar-riċiklaġġ innovattiv minn fibra għal fibra, filwaqt li l-inċinerazzjoni u r-rimi f'landfill tat-tessuti jridu jitnaqqsu kemm jista' jkun.

Il-miżuri speċifiċi se jinkludu rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tessuti, informazzjoni aktar ċara, Passaport Diġitali tal-Prodotti u skema obbligatorja tal-UE ta' responsabbiltà estiża tal-produttur. Jipprevedu wkoll miżuri biex jiġi indirizzat ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi mit-tessuti, tiġi żgurata l-preċiżjoni tal-asserzjonijiet ambjentali, u tingħata spinta lill-mudelli ta' negozju ċirkolari, inklużi s-servizzi ta' użu mill-ġdid u ta' tiswija. Sabiex tindirizza l-moda mgħaġġla, l-Istrateġija tappella wkoll lill-kumpaniji biex inaqqsu l-għadd ta' kollezzjonijiet fis-sena, jerfgħu r-responsabbiltà u jaġixxu biex jimminimizzaw l-impronti tal-karbonju u ambjentali tagħhom, u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta' tassazzjoni li jiffavorixxu s-settur tal-użu mill-ġdid u tat-tiswija. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-bidla wkoll permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

L-Istrateġija għandha wkoll l-għan li tipprovdi appoġġ lill-ekosistema tat-tessuti u li takkumpanjaha matul il-vjaġġ trasformattiv tagħha. Għalhekk, illum il-Kummissjoni qed tniedi l-ħolqien konġunt ta' perkors ta' tranżizzjoni għall-ekosistema tat-tessuti. Din hija għodda kollaborattiva essenzjali biex tgħin lill-ekosistema tirkupra mill-impatti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 li ilhom jaffettwaw lill-kumpaniji fl-operazzjonijiet tagħhom ta' kuljum għal dawn l-aħħar sentejn. Se ssaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tagħhom biex jifilħu kemm għall-kompetizzjoni globali ħarxa kif ukoll għax-xokkijiet futuri sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza fit-tul tagħhom. L-atturi kollha huma mħeġġa jieħdu sehem attiv fil-proċess ta' ħolqien konġunt permezz tal-impenji tagħhom fejn għandhom x'jaqsmu ċ-ċirkolarità u l-mudelli ta' negozju ċirkolari, azzjonijiet li jsaħħu l-kompetittività sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni u r-reżiljenza, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' investimenti speċifiċi meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja. 

Il-prodotti għall-bini ta' għada

L-ekosistema tal-bini tirrappreżenta kważi 10 % tal-valur miżjud tal-UE, u timpjega madwar 25 miljun ruħ f'aktar minn 5 miljun kumpanija. L-industrija tal-prodotti għall-bini għandha 430,000 kumpanija fl-UE, b'fatturat ta' EUR 800 biljun. Dawn huma prinċipalment intrapriżi żgħar u medji. Huma assi ekonomiku u soċjali ewlieni għall-komunitajiet lokali fir-reġjuni u fil-bliet Ewropej.

Il-bini huwa responsabbli għal madwar 50 % tal-estrazzjoni u tal-konsum tar-riżorsi u għal aktar minn 30 % tal-iskart totali ġġenerat kull sena fl-UE. Barra minn hekk, il-bini huwa responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija tal-UE u għal 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra marbuta mal-enerġija.

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini se ssaħħaħ u timmodernizza r-regoli li ilhom fis-seħħ mill-2011. Se toħloq qafas armonizzat biex tkun tista' tiġi vvalutata u kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-prodotti għall-bini. Ir-rekwiżiti l-ġodda tal-prodotti se jiżguraw li d-disinn u l-manifattura tal-prodotti għall-binijkunu bbażati fuq l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku biex dawn isiru aktar durabbli, jistgħu jissewwew u jiġu rriċiklati u jkun eħfef biex jiġu manifatturati mill-ġdid.

Se tagħmilha wkoll aktar faċli għall-korpi tal-istandardizzazzjoni biex jagħmlu xogħolhom biex joħolqu standards Ewropej komuni. Flimkien mal-kapaċitajiet imsaħħa ta' sorveljanza tas-suq u regoli aktar ċari għall-operaturi ekonomiċi tul il-katina tal-provvista, dan se jgħin biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-suq intern. Fl-aħħar nett, ir-Regolament rivedut se joffri soluzzjonijiet diġitali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari fuq l-SMEs, inklużi bażi tad-data tal-prodotti għall-bini u Passaport Diġitali tal-Prodotti.

Fi kliem il-Membri tal-Kulleġġ:

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans qal: “Wasal iż-żmien li ntemmu l-mudell ta' “ħu, agħmel, kisser u armi” li tant jagħmel ħsara lill-pjaneta tagħna, lil saħħitna u lill-ekonomija tagħna. Il-proposti tal-lum se jiżguraw li fl-Ewropa jinbiegħu biss l-aktar prodotti sostenibbli. Dawn jippermettu lill-konsumaturi jiffrankaw l-enerġija, isewwu minflok jissostitwixxu prodotti mkissra, u jagħmlu għażliet ambjentali intelliġenti meta jkunu qed jixtru oħrajn ġodda. B'dan il-mod nistgħu nġibu lura l-bilanċ fir-relazzjoni tagħna man-natura u nnaqqsu l-vulnerabbiltà tagħna għat-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista globali.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton qal: “Il-konsumaturi Ewropej bir-raġun jistennew prodotti li jirrispettaw aktar l-ambjent u li jdumu aktar fit-tul. Aktar sostenibbiltà u effiċjenza fir-riżorsi jfissru wkoll aktar reżiljenza meta kriżi tfixkel il-ktajjen tal-provvista industrijali tagħna. Billi nisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Uniku, nagħmlu l-aħjar użu mill-għodod diġitali u ntejbu s-sorveljanza tas-suq, se nimmassimizzaw l-opportunitajiet kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. Effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija fis-setturi tal-bini u tat-tessuti b'mod partikolari se tiġġenera impjiegi b'ħiliet għolja fl-Ewropa kollha.”

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičiusqal: “Il-proposti tal-ekonomija ċirkolari tagħna jagħtu bidu għal era fejn il-prodotti se jiġu ddisinjati b'mod li jkun ta' benefiċċju għal kulħadd, jirrispetta l-limiti tal-pjaneta tagħna u jipproteġi l-ambjent. Jekk nagħtu ħajja itwal lit-telefons li nużaw, lill-ħwejjeġ li nilbsu u lil ħafna prodotti oħra, nistgħu niffrankaw il-flus għall-konsumaturi Ewropej. U fi tmiem il-ħajja tagħhom, il-prodotti mhux se jkunu sors ta' tniġġis, iżda ta' materjali ġodda għall-ekonomija, u b'hekk titnaqqas id-dipendenza tan-negozji Ewropej fuq l-importazzjonijiet.” 

Għal aktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Inizjattiva għall-prodotti sostenibbli

Skeda informattiva dwar l-Inizjattiva għall-prodotti sostenibbli

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Istrateġija tat-Tessuti

Skeda informattiva dwar l-Istrateġija tat-Tessuti

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Materjal tal-bini

Skeda informattiva dwar il-materjal tal-bini

Stqarrija għall-istampa dwar l-Għoti tas-setgħa lill-konsumaturi

Skeda informattiva dwar l-Għoti tas-setgħa lill-konsumaturi

Komunikazzjoni chapeau biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma

Proposta għal Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli

Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024

Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari

Stħarriġ dwar il-Perkors ta' Tranżizzjoni għall-ekosistema tat-tessuti

Xenarji lejn il-ħolqien konġunt ta' perkors ta' tranżizzjoni għal ekosistema tat-tessuti aktar reżiljenti, sostenibbli u diġitali

Sit web tal-Istrateġija dwar it-Tessuti Sostenibbli

Proposta dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini

L-Ekonomija ċirkolari: stockshots ta' żraben sostenibbli 

L-Ekonomija ċirkolari: stockshots ta' għamara sostenibbli

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
30 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta