
Hawn min iħobbha friska, f’xi minestra jew soppa tal-armla, hawn min iħobbha niexfa jew tal-bżar, imqattgħa f’xi ftira bħala parti mit-taħlita, jew ma’ xi tazza nbid – hu x’inhu, il-ġbejna tan-nagħaġ maħbuba sew mill-Maltin u min iżur il-gżejjer.
U llum, bis-saħħa tat-tikketta tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta, kull min iħobb il-ġbejna tan-nagħaġ se jkollu moħħu mistrieħ li qed jiekol il-prodott awtentiku.
Il-protezzjoni għall-ġbejna tan-nagħaġ, li ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta’ Jannar 2025, tispeċifika kif għandhom isiru l-ġbejniet tan-nagħaġ, u li kull parti tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-preparazzjoni jridu jsiru fil-gżejjer Maltin. Tipproteġi tliet tipi ta’ ġbejna: il-ġbejna tan-nagħaġ friska, il-ġbejna tan-nagħaġ niexfa, u l-ġbejna tan-nagħaġ tal-bżar.
Għall-membri Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż, li ppreżentaw l-applikazzjoni biex il-ġbejna tan-nagħaġ tiġi rikonoxxuta u protetta mill-Unjoni Ewropea, dan kien mezz biex jipproteġu t-tradizzjoni tal-ġbejniet, mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-familji tar-rgħajja u r-raħħala:
“Id-DOP importanti għax qed tissalvagwardja lir-raħħal, lill-merħla Maltija, u lill-prodott agrikolu Malti,” qal Jason Vella, produttur tal-ġbejniet mill-Imġarr, u membru tal-kumitat tax-Xirka.
“Qegħdin nissalvagwardjaw ’il-merħla għax fid-DOP għedna li l-ħalib tan-nagħaġ irid ikun ta’ nagħaġ Maltin jew bgħula tiegħu, li jinsabu biss hawn Malta.”
“Tissalvagwardja wkoll lill-klijent għax jaf li dak li se ntih huwa ġenwin.”
Għal ħafna mill-produtturi, il-merħla u l-ġbejniet ilhom magħġuna fihom mindu kienu żgħar. Daniel Borg, produttur żagħżugħ, wiret in-namra u l-għarfien tal-merħla mingħand nanntu u familtha fl-Imġarr -- “kważi kollha kienu nisa!” jiftakar.
“Ġo fija kienet, minn dejjem! Niftakar meta kont żgħir kont immur għand in-nanna, għand il-bużnanna, għand il-kuġini tagħha, biex ngħid ħa nara n-nagħaġ, għax ommi ma kinitx tħallini nrabbi nagħaġ,” jgħidilna.
“Imbagħad in-nanna kif waslet lejn l-aħħar qaltli ‘la tħobbhom tant il-bhejjem, għax ma trabbix waħda?’” U mill-ħaruf li tatu nanntu, rabba merħla, li issa tgħodd fuq sebgħin ras.
Alexandra Spagnol, minn Ħaż-Żabbar, kellha tmien snin meta bdiet trabbi. Familtha kienet fix-xogħol tat-tiben u meta kienu jmorru fl-irziezet bin-nagħaġ kienet dejjem tgħid lil zijuwha li tixtieq tibda trabbihom. Zijuwha xtralha l-ewwel żewġ nagħġiet meta kellha xi tmien snin, u llum il-ġurnata taħdem ta’ bidwija u raħħala: “Għandi ċertu raba’ li fih inkabbar il-magħlef għan-nagħaġ tiegħi stess. Naħsduh bis-sbula b’kollox... meta jkun midrus in-nagħġa ma tantx tieħu pjaċir, għax l-iktar li tfittex il-qamħa.”
Tabilħaqq, id-dokument jispeċifika li mhux inqas minn 55% tal-għalf tan-nagħaġ għandu jkun tkabbar Malta, għax id-dieta tan-nagħaġ taffettwa t-togħma tal-ħalib, imbagħad tal-ġbejniet. Minbarra l-qamħ, in-nagħaġ jiekol ukoll is-silla, x-xgħir, il-ġulbiena, ful, piżelli u saħansitra l-pal tal-bajtar.
Biex issir l-applikazzjoni, inġieb lura wkoll l-użu tat-tames (rennet) tan-nagħaġ, biex b’hekk il-proċess sħiħ ikun jinvolvi biss prodotti tan-nagħaġ.
It-tipi ta’ ġbejniet huma wkoll xhieda taċ-ċirkostanzi tal-gżejjer Maltin u tal-poplu tagħhom. “In-nanniet tagħna kienu jgħidu li żmien il-ġbejniet ix-xhur tal-erre, jiġifieri minn Settembru sa April,” jgħidilna Jason, minħabba li s-sħana u l-umdità tax-xhur sajfin ma jgħinux fil-produzzjoni. Jekk ġbejna ma tinxifx sew, għas-sodisfazzjon tal-produttur, xorta mhijiex se tintilef, għax tista’ mbagħad issir ġbejna tal-bżar, u tibqa’ tajba għal xhur sħaħ. Dan jixhed ukoll il-mentalità tal-Maltin tal-imgħoddi, li kienet tistmerr il-ħela.
Bis-saħħa ta’ din l-indikazzjoni ġeografika, jittamaw ukoll li ż-żgħażagħ jaraw li hemm futur għall-ġbejna tan-nagħaġ, u li jidħlu għax-xogħol huma stess. Din it-tikketta tista’ tgħin ukoll biex il-prodott jinbiegħ madwar id-dinja, minħabba li l-konsumaturi jkunu jafu li l-prodott ikun tassew awtentiku.
Il-proċess tal-applikazzjoni kellu effetti sekondarji sbieħ: waqt ir-riċerki li saru biex isostnu l-applikazzjoni, instabu riċetti antiki ta’ ġobon differenti li kien isir fil-gżejjer Maltin, li madankollu ma baqax isir. Bis-saħħa ta’ din ir-riċerka, issa l-ġobon Malti tal-imgħoddi għandu tama għal ġejjieni sabiħ.
X’inhuma l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE?
L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tipproteġi l-ismijiet ta’ prodotti speċifiċi biex tippromwovi l-karatteristiċi uniċi tagħhom, marbutin mal-oriġini ġeografika tagħhom kif ukoll mal-għarfien tradizzjonali involut fil-produzzjoni tagħhom.
Dan ifisser li l-ebda prodott ma jkun jista’ juża l-isem protett jekk ma jimxix sew mal-kriterji li jistipula l-istandard.
Is-sistema ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE tipproteġi l-ismijiet ta’ prodotti li joriġinaw minn reġjuni speċifiċi u li jkollhom karatteristiċi speċifiċi, jew inkella jgawdu minn fama marbuta mat-territorju. Id-differenza bejn id-DOP u IĠP hija marbuta primarjament ma’ kemm mill-materja prima tal-prodott tiġi miż-żona, jew kemm mill-proċess ta’ produzzjoni jrid isir fir-reġjun speċifiku.
Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta:
L-ismijiet ta’ prodotti rreġistrati bħala DOP huma dawk li għandhom l-aktar rabta b’saħħitha mal-post li jsiru fih.
Prodotti: ikel, prodotti agrikoli, u nbejjed
Speċifikazzjonijiet: kull parti mill-proċess tal-produzzjoni, proċessar u preparament iridu jsiru fir-reġjun speċifiku. Għall-inbejjed, dan ifisser li l-għeneb irid jiġi biss miż-żona ġeografika li fiha jsir l-inbid.
Eżempju: Iż-żejt taż-żebbuġa ta’ Kalamata DOP isir fir-reġjun ta’ Kalamata fil-Greċja, u jintużaw biss varjetajiet ta’ żebbuġ minn dik iż-żona.
Tikketta: bilfors għal prodotti tal-ikel u agrikoli, fakultattiva għall-inbid.
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)
Prodotti: ikel, prodotti agrikoli, inbejjed.
Speċifikazzjonijiet: għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, mill-inqas stadju wieħed mill-produzzjoni, proċessar u preparazzjoni jsir fir-reġjun. Fil-każ tal-inbid, dan ifisser li mill-inqas 85% tal-għeneb użat irid jiġi miż-żona ġeografika li fiha jsir l-inbid.
Eżempju: il-perżut Westfälischer Knochenschinken IĠP isir fil-Westphalia bl-użu ta’ tekniki antiki, iżda l-laħam użat mhux bilfors jiġi esklussivament minn bhejjem imrobbija f’dak ir-reġjun tal-Ġermanja.
Tikketta: bilfors għall-prodotti tal-ikel u agrikoli, fakultattiva għall-inbid.
Indikazzjoni ġeografika għall-isprti (ĠI)
Il-ĠI tipproteġi l-isem ta’ spirtu li joriġina fl-pajjiż, reġjun jew post fejn il-kwalità partikolari, reputazzjoni jew karatteristika oħra hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika.
Prodotti: xorb spirituż
Speċifikazzjonijiet: għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, mill-inqas wieħed mill-istadji ta’ distillazzjoni jew preparazzjoni ssir fir-reġjun. Madankollu, il-materja prima m’għandhiex għalfejn tiġi mir-reġjun.
Eżempju: Il-Wiski Irlandiż IĠ ilu jsir fl-Irlanda mis-6 seklu, iżda l-materja prima mhux bilfors tiġi mill-Irlanda.
Tikketta: fakultattiva għall-prdootti kollha.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 28 Jannar 2025
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta