Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa25 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Il-Ġejjieni tal-Ewropa: L-Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima bħala l-isfida ewlenija għall-UE

youth

Illum, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni qed jippubblikaw stħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru konġunt dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

-Disgħa minn kull 10 Ewropej żgħażagħ jaqblu li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jista' jgħin itejjeb is-saħħa u l-benesseri tagħha stess (91 % minn dawk b'età bejn il-15-24 sena) filwaqt li 87 % ta' dawk kollha li wieġbu jaqblu wkoll ma' dan is-sentiment

- 81 % minn dawk li wieġbu jgħidu li huma ferħanin jgħixu fl-UE

- 68 % tal-Ewropej jaqblu li l-UE hi post ta' stabbiltà f'dinja mqallba; filwaqt li 67 % jaqblu li l-proġett tal-UE joffri perspettiva għall-ġejjieni għaż-żgħażagħ tal-Ewropa

Il-Ġejjieni tal-Ewropa

Hekk kif tibda s-sena 2022 - ipproklamata s-Sena Ewropea għaż-Żgħażagħ - l-istħarriġ tal-lum jenfasizza l-fehmiet taż-żgħażagħ Ewropej dwar l-isfidi li l-Unjoni Ewropea qiegħda tħabbat wiċċa magħhom flimkien mar-rwol ewlieni li għandhom iż-żgħażagħ fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

L-istħarriġ Ewrobarometru tal-lum juri li 91 % ta' dawk li għandhom bejn il-15-24 sena jemmnu li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jista' jgħin itejjeb is-saħħa u l-benesseri tagħhom stess, filwaqt li 84 % ta' dawk li għandhom 55 sena jew iżjed jaqblu. Kważi wieħed minn kull żewġ Ewropej (49 %) iqis it-tibdil fil-klima bħala l-isfida globali ewlenija għall-ġejjieni tal-UE, b'appoġġ kbir għall-objettivi ambjentali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew: 88 % tal-Ewropej jaħsbu li hu importanti li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-ekonomija tagħna u li jkun hemm effiċjenza fl-użu tal-enerġija akbar, filwaqt li 80 % jaqblu dwar l-importanza li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050 u li jiġi promoss it-tkabbir tas-suq tal-vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi.

Sfidi globali oħra tal-ġejjieni enfasizzati minn dawk li wieġbu jinkludu s-saħħa (34 %) u l-migrazzjoni u l-ispostament furzati (msemmija minn madwar 30 %).

Standard tal-għajxien komparabbli (31 %) u politika tas-saħħa komuni (22 %) huma l-aktar żewġ aspetti utli għall-ġejjieni tal-Ewropa. L-Ewropej jagħtu prijorità wkoll lil solidarjetà akbar fost l-Istati Membri (21 %) u lill-indipendenza enerġetika (20 %).

Assi, sfidi u valuri tal-UE

L-aktar erba' sfidi msemmija li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE stess huma l-inugwaljanzi soċjali (36 %), il-qgħad (32 %), segwiti mill-kwistjonijiet tal-migrazzjoni (31 %). Bħall-isfidi globali, il-kwistjonijiet ambjentali u t-tibdil fil-klima jinsabu fost l-ewwel fil-lista tal-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, u huma msemmija minn 32 % minn dawk li wieġbu.

L-Ewropej iqisu l-ħarsien mill-UE tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-istat tad-dritt (27 %) bħala l-ass ewlieni tal-UE, segwit mis-setgħa ekonomika, industrijali u kummerċjali tagħha (25 %).

Skont dawk li wieġbu, il-paċi (49 %), il-libertà tal-opinjoni (47 %), l-ugwaljanza soċjali u s-solidarjetà (45 %), u t-tolleranza u l-attitudni miftuħa lejn l-oħrajn (44 %) huma l-aktar valuri personifikati mill-UE - meta mqabbla ma' pajjiżi oħra.

Ħajja fl-Unjoni Ewropea

Maġġoranza kbira tal-Ewropej jaqblu li ferħanin jgħixu fl-UE (81 %) u f'pajjiżhom (89 %), kif ukoll li ferħanin bil-ħajja familjari tagħhom (89 %).

Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

Madwar 43 % tal-Ewropej jistqarru li l-benefiċċju ewlieni tal-involviment tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fil-Konferenza huwa li l-kwistjonijiet ta' interess għalihom jitqiegħdu taħt il-lenti. Benefiċċji oħra tar-rwol ewlieni tagħhom fil-Konferenza huma l-enerġija u l-motivazzjoni għar-riforma u l-bidla li jġibu (kif indikaw 35 %) u l-attenzjoni tagħhom li jagħmlu l-ġejjieni tal-Ewropa aktar rilevanti għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum (33 %).

Iċ-ċittadini Ewropej jibqgħu kontinwament interessati li jikkontribwixxu u jieħdu sehem fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Għalkemm li jwieġbu għal stħarriġ hija l-mezz favorit kif jagħmlu dan, kif indikaw aktar minn nofs l-Ewropej (59 %), kważi wieħed minn kull żewġ Ewropej (46 %) jistgħu jimmaġinaw lilhom infushom jieħdu sehem f'laqgħa fil-lokalità tagħhom. Is-sehem f'konsultazzjonijiet online (40 %), it-tressiq ta' ideat u ta' proposti lill-politiċi Ewropej u nazzjonali (39 %) u l-parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali u sportivi Ewropej marbuta mal-Konferenza (39 %) huma l-aktar forom attraenti ta' involviment taċ-ċittadini.

B'mod ġenerali, l-Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima u l-ambjent (44 %), is-saħħa (40 %), kif ukoll ekonomija aktar b'saħħitha, il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi (40 %) bħala kwistjonijiet ewlenin għall-Konferenza.

Hemm aspettattiva ċara li l-Konferenza għandha twassal għal riżultati tanġibbli. Tabilħaqq, dawk li wieġbu jkunu l-aktar mħeġġa jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Konferenza jekk ikunu konvinti li sehemhom għandu jkollu impatt reali (53 %).

Leħen iċ-Ċittadini fl-UE

90 % tal-Ewropej jaqblu li l-ilħna taċ-ċittadini tal-UE għandhom jitqiesu aktar fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġejjieni tal-Ewropa. 55 % tal-Ewropej jsemmu l-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej bħala wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jiggarantixxu li l-ilħna jinstemgħu minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

Kuntest

B'mod parallel mal-ħidma għaddejja tal-Panels taċ-Ċittadini li jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, l-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru 517 “Il-Ġejjieni tal-Ewropa” tal-lum jipprovdi għarfien dwar il-fehmiet u l-attitudnijiet Ewropej lejn il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u l-isfidi ewlenin li l-Unjoni tagħna qed tħabbat wiċċha magħhom.

Ikkummissjonat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni, l-istħarriġ twettaq bejn is-16 ta' Settembru u s-17 ta' Ottubru 2021 (iċ-ċiklu EB 96.1) fis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ twettaq wiċċ imb'wiċċ u tlesta b'intervisti online fejn meħtieġ minħabba l-pandemija tal-coronavirus. B'kollox ġew intervistati madwar 26,530 persuna.

L-Ewropej kollha jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom dwar kif isawru l-ġejjieni komuni tagħna fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

L-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru tal-lum huwa disponibbli fuq sit web iddedikat ġdid tal-Ewrobarometru li jipprovdi aċċess għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru u għad-data ppubblikata miż-żewġ istituzzjonijiet mill-1974.

Għal aktar informazzjoni

Stħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa (Jannar 2022)

Ewrobarometru - Opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
25 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta