Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet3 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Futur tal-Ewropa: Il-Plenarja tal-Konferenza taqbel dwar sett finali ta' proposti

Conference on the Future of Europe

Fid-29 u t-30 ta' April, is-sessjoni Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ltaqgħet għall-aħħar darba u qablet fuq sett ta' 49 proposta dettaljata li jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti mit-tibdil fil-klima sas-saħħa, il-migrazzjoni u l-UE fid-dinja. Dan isegwi vjaġġ straordinarju ta' sena sħiħa ta' diskussjonijiet, ta' deliberazzjonijiet u ta' kollaborazzjoni ma' ċittadini minn madwar l-Ewropa dwar it-tip ta' Ewropa li jixtiequ jgħixu fiha.

Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tar-rappreżentanti mill-Parlamenti nazzjonali esprimew kunsens dwar il-proposti. Iċ-ċittadini li pparteċipaw fil-Plenarja esprimew ukoll il-pożizzjonijiet tagħhom dwar dawn il-proposti.

Il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, bħala kopresident tal-Konferenza, mexxiet il-kontribut li tat il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' dan ir-riżultat ewlieni tal-mandat attwali. Hija qalet: “Il-Konferenza tagħna tinsab fl-aħħar kapitlu tagħha. Jiena kburija ngħid li aħna u naħdmu flimkien matul dan il-proċess innovattiv ta' demokrazija deliberattiva, qegħdin flimkien inwasslu riżultati konkreti. L-impenn u l-ispirazzjoni taċ-ċittadini tagħna wrewna d-direzzjoni li jixtiequ li tieħu l-Ewropa. Issa huwa l-kompitu tagħna, tal-Istituzzjonijiet tal-UE, li dan inwettquh. Wara l-pandemija u bir-realtà ta' gwerra brutali ta' aggressjoni fit-territorju Ewropew, kien importanti aktar minn qatt qabel li naraw id-demokrazija taħdem u liċ-ċittadini attivi f'isimha.”

Il-Viċi Presidenti Maroš Šefčovič, li jippresiedi l-grupp ta' ħidma dwar is-saħħa, qal: “Qatt ma nistgħu nkunu ċerti mill-futur. L-Avvenimenti reċenti – il-pandemija dinjija, il-gwerra illegali fuq l-għatba tagħna, it-tellieqa biex inwaqqfu t-tibdil fil-klima qabel ma jkun tard wisq – juru kemm il-ġejjieni jaf ikun inċert. Il-qawwa tal-Ewropa quddiem kwalunkwe sfida tinsab fil-kapaċità tagħna li niddiskutu u niskambjaw l-ideat, sabiex ningħaqdu u nissudaw il-valuri prinċipali tagħna, li min-naħa tagħhom isaħħu d-demokrazija u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Il-Konferenza hija xempju ta' dan. Nixtieq nirringrazzja b'mod speċjali liċ-ċittadini parteċipanti tagħna, li daħlu b'ruħhom u b'ġisimhom għal dan il-proċess b'determinazzjoni u entużjażmu. Ħidma flimkien maċ-ċittadini dwar il-politiki futuri tal-UE hija esperjenza speċjali ħafna li tgħin biex inwessgħu l-ħsieb tagħna. Mingħajrhom, il-Konferenza ma setgħetx tkun ta' suċċess.

Il-Viċi President Věra Jourová, li kienet qed tippresiedi l-grupp ta' ħidma dwar il-valuri, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà, ikkummentat: “Nixtieq nifraħ l-ewwel u qabel kollox liċ-ċittadini li l-enerġija u l-kreattività tagħhom għamlu l-Konferenza suċċess. Iċ-ċittadini wrew id-direzzjoni li jridu li l-UE tieħu. Huma jridu UE aktar ambizzjuża, deċiżiva u assertiva, aktar iffukata fuq il-problemi tan-nies u inqas fuq il-proċessi tagħha. In-nies iridu li d-demokrazija u l-valuri tagħha jiġu protetti u rispettati b'mod attiv. Issa rridu niżguraw li dawn it-talbiet nistgħu nissodisfawhom konkretament. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri għandhom jeħduhom bis-serjetà. Ma nistgħux nippermettu li nxejnu l-fiduċja li ċ-ċittadini wrew fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa”.

Il-passi li jmiss

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se tagħlaq uffiċjalment fid-9 ta' Mejju – Jum l-Ewropa – fi Strasburgu, meta l-Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza se jippreżentaw ir-rapport finali li se jkun fih dawn il-proposti lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. It-tliet istituzzjonijiet se jeżaminaw malajr kif isegwuhom b'mod effettiv, kull waħda fl-isfera ta' kompetenzi tagħha u f'konformità mat-Trattati.

Sfond

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet proċess ġdid u innovattiv, li fetaħ spazju ġdid għal dibattitu maċ-ċittadini biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Ewropa.

Għal aktar informazzjoni

Pjattaforma Diġitali Multilingwi

Is-siltiet mid-dibattiti tal-Ġimgħa u s-Sibt tal-Plenarja tal-Konferenza huma disponibbli fuq l-EbS.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
3 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta