
Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew minn meta r-riforma ambizzjuża u komprensiva tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-UE daħlet fis-seħħ f'April 2024. Huwa pass essenzjali fit-twettiq tal-objettivi tar-riforma biex il-qafas jiġi ssemplifikat, isir aktar trasparenti u effettiv, b'sjieda nazzjonali akbar.
Il-qafas il-ġdid jappoġġa lill-Istati Membri fil-kisba tal-istabbiltà makroekonomika, it-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali, li huma karatteristiċi kruċjali għas-saħħa ekonomika tal-UE fl-ambjent dinji tal-lum mimli sfidi kif inhu. Huwa jinkoraġġixxi wkoll riformi u investimenti li ser jistabbilixxu l-pedamenti għal stabbiltà ekonomika fit-tul u tkabbir sostenibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jgħin biex tinbena ekonomija tal-UE aktar reżiljenti, ġusta, kompetittiva u sigura għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
Il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew qed jitħabbar hekk kif l-ekonomija tal-UE qed tirritorna lejn tkabbir modest wara perjodu twil ta' staġnar. Meta wieħed iħares 'il quddiem, filwaqt li l-Istati Membri jkomplu jsegwu aġġustament fiskali fejn meħtieġ, l-investiment pubbliku huwa mistenni li jiżdied fl-2025 fi kważi l-Istati Membri kollha, b'kontribuzzjoni sinifikanti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tan-NextGenerationEU u mill-fondi tal-UE f'diversi Stati Membri.
Regoli aktar sempliċi li jqisu l-isfidi fiskali differenti
Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jistabbilixxi regoli fiskali aktar sempliċi u trasparenti. Juża indikatur operazzjonali uniku, jiġifieri l-perkors tan-nefqa netta pluriennali tal-Istat Membru, li jiffaċilita t-traċċar tal-konformità. Il-qafas jintroduċi wkoll sorveljanza bbażata fuq ir-riskju mfassla għas-sitwazzjoni fiskali individwali ta' kull Stat Membru u jippermetti aġġustament fiskali aktar gradwali jekk ikun sostnut minn riformi u investimenti speċifiċi.
Il-qafas il-ġdid jippermetti tnaqqis gradwali u realistiku tal-livelli tad-dejn pubbliku, li żdiedu b'mod sinifikanti wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-enerġija sussegwenti. Il-finanzi pubbliċi sodi huma prerekwiżit għall-istabbiltà makroekonomika u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Il-promozzjoni ta' riformi u investimenti li jsaħħu t-tkabbir
Skont il-qafas il-ġdid, l-Istati Membri kollha jinkludu riformi u investimenti fil-pjanijiet ta' terminu medju tagħhom li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE u l-isfidi strutturali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dawn jinkludu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.
Valutazzjoni tal-pjanijiet fuq terminu medju
Il-pjanijiet fuq terminu medju huma l-pedament tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. L-integrazzjoni tal-objettivi fiskali, ta' riforma u ta' investiment fi pjan uniku ta' terminu medju toħloq proċess koerenti u simplifikat.
Il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tagħha għal 21 mit-22 pjan ippreżentat.
Mill-21 pjan, il-Kummissjoni vvalutat li 20 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-qafas il-ġdid u jistabbilixxu perkors fiskali kredibbli biex jiġi żgurat li l-livell tad-dejn tal-Istat Membru rispettiv jitqiegħed fuq perkors ta' tnaqqis sostenibbli jew jinżamm f'livelli prudenti. Dan jikkonċerna l-Istati Membri li ġejjin: Il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja. Fil-każ ta' dawn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill japprova l-perkors tan-nefqa netta inkluż f'dawn il-pjanijiet. Fil-każ tan-Netherlands, il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jirrakkomanda perkors tan-nefqa netta konsistenti mal-informazzjoni teknika li l-Kummissjoni bagħtet f'Ġunju.
Il-Kummissjoni għadha qed tivvaluta l-pjan ta' terminu medju tal-Ungerija.
Fi-każ ta' ħamsa mill-20 pjan ta' terminu medju li ġew ivvalutati b'mod pożittiv mill-Kummissjoni, il-perkors tan-nefqa netta huwa bbażat fuq estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn erba' għal seba' snin. L-estensjoni hija mirfuda minn sett ta' impenji ta' riforma u investiment inklużi fil-pjanijiet. Fil-ħames każijiet kollha, il-Kummissjoni vvalutat li l-miżuri inklużi fil-pjanijiet tagħhom issodisfaw il-kriterji biex jiġġustifikaw estensjoni. Dan jikkonċerna l-pjanijiet fuq terminu medju tal-Finlandja, Franza, l-Italja, Spanja u r-Rumanija.
Valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji għall-2025
Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji (APB) għall-2025 ippreżentati minn 17-il Stat Membru taż-żona tal-euro u eżaminat jekk dawn jirrappreżentawx l-ewwel passi xierqa biex jiġu implimentati l-pjanijiet rispettivi fuq terminu medju.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-APB hija ffukata fuq it-tkabbir tan-nefqa netta fl-2024-2025, filwaqt li tivvaluta jekk in-nefqa netta hijiex fil-limiti massimi stabbiliti fil-pjanijiet ta' terminu medju tal-Istati Membri, dment li tali pjan ikun disponibbli u meqjus konformi mal-qafas il-ġdid.
Tmien Stati Membri taż-żona tal-Euro jitqiesu li huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet fiskali, filwaqt li sebgħa mhumiex għal kollox konformi, wieħed mhux konformi, u wieħed qiegħed fir-riskju li ma jkunx konformi:
- Il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Italja, il-Kroazja u Franza huma vvalutati li huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet, peress li n-nefqa netta tagħhom hija pproġettata li tkun fil-limiti massimi.
- L-Estonja, il-Ġermanja, il-Finlandja u l-Irlanda huma vvalutati li mhumiex kompletament konformi peress li n-nefqa netta annwali (il-Finlandja, l-Irlanda) u/jew kumulattiva (l-Estonja, il-Ġermanja, l-Irlanda) tagħhom hija pproġettata li tkun ogħla mil-limiti massimi rispettivi.
- Il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall huma vvalutati li mhumiex kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni: filwaqt li n-nefqa netta tagħhom hija pproġettata li tkun fi ħdan il-limiti massimi, dawn mhux qegħdin jeliminaw gradwalment il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza tal-enerġija sax-xitwa 2024-2025, kif irrakkomandat mill-Kunsill.
- In-Netherlands huma vvalutati li mhumiex konformi mar-rakkomandazzjoni, peress li n-nefqa netta hija pproġettata li taqbeż il-limiti massimi.
- Il-Litwanja hija vvalutata li tinsab fir-riskju li ma tkunx konformi mar-rakkomandazzjoni, peress li n-nefqa netta hija pproġettata li taqbeż ir-rati li l-Kummissjoni tqis bħala l-ewwel pass xieraq fl-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika.
Il-passi li jmiss skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv
Il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (EDP, Excessive Deficit Procedure) hija l-hekk imsejħa “fergħa korrettiva” tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
Dan il-Pakkett tal-Ħarifa jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal perkorsi ta' nefqa netta pluriennali biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv fi-każ ta' tmien Stati Membri (il-Belġju, Franza, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) li bħalissa huma soġġetti għall-EDP.
Fi-każ tal-biċċa l-kbira ta' dawn l-Istati Membri, il-perkorsi korrettivi huma bbażati fuq il-perkorsi tan-nefqa netta li l-Istat Membru stabbilixxa fil-pjanijiet ta' terminu medju tiegħu. Dan huwa konformi mal-enfasi qawwija fuq is-sjieda nazzjonali tal-impenji fiskali skont il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika.
Fin-nuqqas ta' pjan jew rakkomandazzjoni dwar il-pjan ta' terminu medju, kif inhu l-każ għall-Belġju u l-Ungerija, il-perkors korrettiv fir-rakkomandazzjoni tal-EDP huwa bbażat fuq it-trajettorja referenzjarja ta' erba' snin tal-Kummissjoni, aġġornata abbażi tal-aktar data reċenti.
Il-pakkett jinkludi wkoll rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-Awstrija u l-Finlandja li jivvaluta l-konformità ta' dawn l-Istati Membri mal-kriterju tad-defiċit.
L-Awstrija rrappurtat defiċit ippjanat ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG fl-2024 u t-tbassir tal-Kummissjoni ma jipprojettax tnaqqis GĦAL taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG fl-2025 jew fl-2026, bis suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika. Il-Kummissjoni għalhekk se tikkunsidra li tipproponi lill-Kunsill biex jistabbilixxi li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Awstrija. L-awtoritajiet Awstrijaċi esprimew l-intenzjoni tagħhom li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex iġibu d-defiċit taħt it-3 % fl-2025. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tivvaluta miżuri ġodda hekk kif jintlaħaq qbil formali mill-gvern u li jkun biżżejjed dettaljat.
Fil-każ tal-Finlandja, li wkoll irrappurtat defiċit ippjanat ta' aktar minn 3 % tal-PDG għall-2024, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tipproponi l-ftuħ ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv, peress li, diġà mill-2025, id-defiċit ma għadux previst li jaqbeż il-valur ta' referenza, u dan mingħajr miżuri ta' politika addizzjonali.
Rapporti dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm
Ir-rapporti ta' sorveljanza ta' wara l-programm jivvalutaw is-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja tal-Istati Membri li bbenefikaw minn programmi ta' assistenza finanzjarja (Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja), b'enfasi fuq il-kapaċità ta' ħlas lura tagħhom. Ir-rapporti jikkonkludu li l-ħames Stati Membri kollha għad għandhom il-kapaċità li jħallsu lura d-dejn tagħhom.
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill u l-Grupp tal-Euro issa ser jiddiskutu l-elementi ppreżentati fil-Pakkett Fiskali tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew.
Ladarba l-pjanijiet ta' terminu medju jkunu ġew approvati mill-Kunsill, il-Kummissjoni se timmonitorja jekk l-Istati Membri ikunux irrispettaw l-impenji li jinsabu f'dawk il-pjanijiet għall-perjodu kollu kopert mill-pjan. L-Istati Membri se jippreżentaw rapporti ta' progress annwali biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ u l-infurzar effettivi.
Il-Kummissjoni se tippreżenta t-tieni parti tal-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew, inkluż l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija u l-proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, fil-ġimgħat li ġejjin.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 26 Novembru 2024
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta