Pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Frar: deċiżjonijiet ewlenin - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Sit web uffiċjali tal-Unjoni EwropeaSit web uffiċjali tal-UE
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 12 Frar 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 30 min qari

Pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Frar: deċiżjonijiet ewlenin

Finch Trapping

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 104 każijiet peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet sħaħ. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Maciej Berestecki – Tel.: +32 2 296 64 83; Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija (INFR(2024)2266) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (id-Direttiva (UE) 2019/904). Id-Direttiva hija element essenzjali tal-Istrateġija għall-Plastiks u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari. L-implimentazzjoni sħiħa tal-prattiki sostenibbli minquxa fid-Direttiva hija kruċjali biex jiġu protetti b'mod effettiv saħħet il-bniedem u l-ambjenti naturali u tiġi żgurata tranżizzjoni b'suċċess lejn ekonomija ċirkolari aktar sostenibbli. Ir-Rumanija ma ttrasponietx b'mod korrett u komplut diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss fid-dritt nazzjonali, u dan jista' jirriżulta f'applikazzjoni mhux kompluta tad-Direttiva fil-prattika. Pereżempju, il-liġi Rumena testendi l-eżenzjonijiet sal-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Dan jikkonċerna, pereżempju, ħawwada tax-xorb u stikek tal-plastik li jintużaw darba biss, użati għal skopijiet mediċi. Barra minn hekk, il-liġi Rumena ma tirrikjedix li l-produtturi jkopru l-kostijiet kollha f'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tħeġġeġ l-użu ta' alternattivi sostenibbli għall-plastik li jintuża darba biss għall-ikel. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lil FRANZA u lill-ITALJA biex jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2024)2267) u lill-Italja (INFR(2024)2268) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills (id-Direttiva 1999/31/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/850). Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'landfills tistabbilixxi r-rekwiżiti għar-rimi f'landfills biex tipprevjeni l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem, l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun ġie ttrattat biss jintrema fil-landfills. Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills tistabbilixxi mira biex ir-rimi tal-iskart muniċipali f'landfills jitnaqqas għal 10 % sal-2035; tipprojbixxi, mill-2030, li fil-landfills jintrema skart adattat għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor; u tistabbilixxi r-regoli dwar il-kalkolu tal-ilħuq tal-mira għat-tnaqqis tar-rimi ta' skart f'landfills. L-Italja, fost l-oħrajn, ma ddefinietx b'mod korrett (i) li l-iskart soġġett għall-inċinerazzjoni jrid jiġi rrappurtat bħala mormi f'miżbla; (ii) it-tip ta' skart li jista' jintbagħat f'landfill ta' skart perikoluż; u (iii) l-ispeċifikazzjonijiet għall-ħżin temporanju tal-merkurju metalliku. Barra minn hekk, l-Italja ma ttrasponietx b'mod korrett uħud mill-preskrizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-gass u l-kampjunar tal-ilma tal-qiegħ f'landfills. Franza ma ttrasponietx ir-regoli dwar il-kalkolu tal-ilħuq tal-miri għat-tnaqqis tal-iskart muniċipali mormi f'landfills. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Franza u lill-Italja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-KROAZJA biex timmonitorja u tipprevjeni l-qbid aċċessorju taċ-ċetaċji, tal-fkieren u tal-għasafar tal-baħar mill-bastimenti tas-sajd
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Kroazja (INFR(2024)2223) talli naqset milli timplimenta l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) biex timmonitorja u tipprevjeni l-qbid aċċessorju taċ-ċetaċji, tal-fkieren u tal-għasafar tal-baħar mill-bastimenti tas-sajd. Il-qbid aċċessorju huwa l-qbid inċidentali ta' speċijiet mhux fil-mira waqt l-attivitajiet tas-sajd. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tirrikjedi li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-qbid u l-qtil inċidentali tal-ispeċijiet strettament protetti u jiżguraw li dawn ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ jieħdu l-passi meħtieġa biex jevitaw id-disturb sinifikanti tal-ispeċijiet protetti fis-siti tan-Natura 2000, kif ukoll jissorveljaw l-istat ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet protetti. Il-Kroazja għadha ma stabbilietx sistema għall-monitoraġġ tal-qbid u l-qtil inċidentali tal-ispeċijiet protetti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats waqt l-operazzjonijiet tas-sajd. Il-Kroazja għadha lanqas ħadet il-miżuri meħtieġa biex tipproteġi l-fekruna tal-baħar kontra l-impatt negattiv sinifikanti tal-qbid aċċessorju u milli tieħu l-passi xierqa biex tevita d-disturb sinifikanti ta' ċerti għasafar tal-baħar f'żewġ żoni tan-Natura 2000 ddeżinjati għall-protezzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kroazja għadha ma ssorveljatx l-istat ta' konservazzjoni ta' bosta speċijiet protetti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Kroazja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Ittra ta' intimazzjoni ta' wara s-sentenza (skont l-Artikolu 260 tat-TFUE)

Il-Kummissjoni tappella lil MALTA biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti dwar l-insib għall-għasafar tal-għana
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE lil Malta (INFR(2020)2346), talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Settembru 2024 (C-23/23). F'din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li Malta ma kinitx issodisfat l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) billi adottat skema ta' deroga li tippermetti l-qbid ta' seba' speċijiet ta' għasafar tal-għana selvaġġi waqt li jkunu għadhom ħajjin. Fl-20 ta' Ottubru 2024, Malta adottat skema ta' deroga ġdida, kważi identika għad-deroga li ġiet irrifjutata mill-Qorti. Il-Kummissjoni jidhrilha li d-deroga l-ġdida tonqos għal darba oħra milli tipprovdi dikjarazzjoni preċiża u adegwata tar-raġunijiet biex tispjega għaliex iddevjat mill-mezzi xjentifiċi standard ta' riċerka fil-qasam ornitoloġiku, meħtieġa biex tiġi ġġustifikata l-proporzjonalità tad-deroga. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li Malta naqset milli tispjega n-nuqqas ta' soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Malta, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponilha sanzjonijiet finanzjarji.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil FRANZA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva dwar l-Għasafar
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Franza (INFR(2019)2151) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kaċċa fid-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Franza tawtorizza l-użu ta' xbieki orizzontali u vertikali f'ħames dipartimenti (Gers, Lot-et-Garonne, Gironde, Pyrénées-Atlantiques u les Landes) għall-qbid ta' ħames speċijiet tal-familja tal-għasafar Columbidae — permezz ta' ħames atti regolatorji mill-2006, l-2007 u l-2009. Id-Direttiva dwar l-Għasafar tippermetti l-kaċċa ta' dawk l-ispeċijiet. Madankollu, din tipprojbixxi l-mezzi, l-apparat jew il-metodi għall-qbid mhux selettiv jew fuq skala kbira minħabba l-impatt tiegħu fuq il-bijodiversità peress li hemm ir-riskju li dawk il-prattiki jagħmlu ħsara sinifikanti lill-għasafar mhux fil-mira jew joqtluhom. L-użu tal-ixbieki għall-qbid tal-għasafar huwa pprojbit, dment li l-Istati Membri ma jissodisfawx il-kriterji stretti għad-deroga permessi skont id-Direttiva iżda Franza naqset milli turi li x-xbieki kkontestati jissodisfaw dawk il-kriterji. F'Lulju 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza, imbagħad bagħtet opinjoni motivata f'Lulju 2020 u opinjoni motivata addizzjonali f'Jannar 2023. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata l-isforzi tal-awtoritajiet Franċiżi ma kinux biżżejjed u għalhekk qed tressaq lil Franza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Lea Zuber – Tel.: +32 229-56298; Federica Miccoli – Tel.: +32 229-58300)

Ittra ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni titlob lill-UNGERIJA tiżgura konformità sħiħa mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2270) għan-nuqqas ta' konformità tar-regoli nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva 2014/24/UE). Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku tiżgura t-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi interessati li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist filwaqt li tippreserva l-libertà tal-awtoritajiet kontraenti meta jagħżlu l-aktar proċedura ta' akkwist xierqa li għandha tapplika f'każijiet individwali. L-Att Ungeriż dwar ir-regoli li jirregolaw l-investimenti tal-istat fil-kostruzzjoni jobbliga lill-awtoritajiet kontraenti japplikaw proċedura ta' akkwist speċifika waħda, il-proċedura nnegozjata, fl-akkwisti kollha li jagħmlu parti mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Skont il-Kummissjoni, dan l-obbligu jċaħħad lill-awtoritajiet kontraenti mil-libertà tagħhom, mogħtija mir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, li jagħżlu bejn l-għodod tal-akkwist differenti disponibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex tindirizza dan it-tħassib. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati 

Il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex tiżgura li n-negozji jitħallsu fil-ħin mill-awtoritajiet pubbliċi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lir-Rumanija (INFR(2024)4004) talli ma applikatx b'mod korrett ir-regoli skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard b'mod korrett, id-Direttiva 2011/7/UE. Il-ħlasijiet tard għandhom impatt negattiv fuq in-negozji, u speċjalment fuq l-SMEs, billi jnaqqsu l-likwidità, ixekklu t-tkabbir, u jdgħajfu r-reżiljenza. Skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa jħallsu lill-fornituri tagħhom fil-ħin, u dan jagħti eżempju tajjeb fil-ġlieda kontra l-prattiki ta' ħlas ħżiena fis-settur privat. Skont il-Kummissjoni, l-entità pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa Rumena ddewwem b'mod sinifikanti l-ħlasijiet lill-ispiżeriji indipendenti Rumeni għall-mediċini li jipprovdu lill-pazjenti skont is-sistema nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Id-dewmien fil-ħlasijiet mill-awtoritajiet Rumeni jaffettwa b'mod negattiv il-katina tal-provvista kollha u jpoġġi lill-ispiżeriji fir-Rumanija f'riskju li jfallu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lir-Rumanija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVENJA biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja (INFR(2022)2209) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE), li tikkonċerna r-reklamar mill-avukati. Id-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-swieq tas-servizzi tal-Ewropa billi tneħħi l-ostakli legali u amministrattivi, filwaqt li xorta tippermetti salvagwardji nazzjonali li huma ġustifikati u proporzjonati. Ir-restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-reklamar jipprevjenu lill-operaturi milli jgħarrfu lill-pubbliku dwar is-servizzi tagħhom u jaffettwaw lill-entranti ġodda fis-suq b'mod partikolari. Fis-Slovenja, l-avukati jistgħu jikkomunikaw biss l-informazzjoni fattwali, bħall-indirizz u l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Slovena dwar l-avukati, flimkien mal-Kodiċi tal-kondotta tagħha tikkostitwixxi projbizzjoni fuq ir-reklamar, u b'hekk tikser id-Direttiva dwar is-Servizzi.  Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lis-Slovenja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

3. Ġustizzja

(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Yuliya Matsyk - Tel.: +32 2 226 27 16)

Ittri ta' intimazzjoni 

Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS u lill-PORTUGALL biex jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands (INFR(2024)2274) u lill-Portugall(INFR(2024)2273), talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar it-tisħiħ tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva 2016/343/UE). Id-Direttiva hi waħda minn sitt Direttivi adottati mill-UE biex toħloq standards minimi komuni li jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati għal proċess ġust fil-proċedimenti kriminali jiġu protetti biżżejjed mal-UE kollha. Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati miż-żewġ Stati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. B'mod partikolari, il-Kummissjoni sabet problemi fit-traspożizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva kemm mill-Portugall kif ukoll min-Netherlands. Barra minn hekk, iż-żewġ Stati Membri naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-referenzi pubbliċi għall-ħtija, dwar l-użu tal-miżuri ta' trażżin fiżiku fil-qorti jew fil-pubbliku, dwar l-oneru tal-provi, dwar il-konsegwenzi tal-użu tad-dritt għas-silenzju u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, ċerti dispożizzjonijiet dwar il-proċessi in absentia u d-dritt għal proċess ġdid, kif ukoll dwar ir-rimedji disponibbli f'każ ta' ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittri ta' intimazzjoni lin-Netherlands u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

4. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 229 57501; Giulia Bedini – Tel.: +32 2 295 86 61; Ana Crespo Parrondo – Tel.: +32 2 298 13 25)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA, lil SPANJA, lil FRANZA, lill-ITALJA, lil ĊIPRU, lin-NETHERLANDS, lis-SLOVAKKJA u lill-IŻVEZJA biex jittrasponu r-regoli tal-UE li jħaffu l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2024)0211), lil Spanja (INFR(2024)0224), lil Franza (INFR(2024)0227), lill-Italja (INFR(2024)0232), lil Ċipru (INFR(2024)0213), lin-Netherlands (INFR(2024)0241), lis-Slovakkja (INFR(2024)0252) u lill-Iżvezja (INFR(2024)0249) talli ma ttrasponewx ir-regoli tal-UE li jħaffu l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2023/2413 fid-dritt nazzjonali. Din id-Direttiva temenda d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (id-Direttiva (UE) 2018/2001) li tipprovdi regoli ġodda biex tissimplifika u tqassar il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi kemm għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-proġetti tal-infrastruttura li huma meħtieġa biex tiġi integrata l-kapaċità addizzjonali fis-sistema tal-elettriku. Din id-Direttiva tinkludi limiti ta' żmien ċari għall-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi mmirati lejn teknoloġiji jew tipi ta' proġetti speċifiċi. Barra minn hekk, tintroduċi l-preżunzjoni li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin u l-infrastruttura tal-grilja relatata huma ta' interess pubbliku prevalenti. Hemm ukoll obbligu għall-Istati Membri li jfasslu “żoni ta' aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” fejn il-proġetti jistgħu jibbenefikaw minn skadenzi iqsar għall-permessi minħabba l-impatti ambjentali baxxi. L-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali kienet l-1 ta' Lulju 2024. F'Settembru 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 26 Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali. Wara li eżaminat it-tweġibiet mit-tmien Stati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lil Spanja, lill-Italja, lil Ċipru, lis-Slovakkja u lill-Iżvezja talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni u lill-Bulgarija, lil Franza u lin-Netherlands talli naqsu milli jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed dwar kif il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom jittrasponu kull waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. It-tmien Stati Membri issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA u lill-POLONJA biex tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar is-suq intern tal-elettriku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Ungerija (INFR(2021)0052) u lill-Polonja (INFR(2022)2037) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE għas-suq intern tal-elettriku stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944, li temenda d-Direttiva 2012/27/UE. Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli ewlenin rigward l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku tal-UE biex jinħolqu swieq tal-elettriku integrati, kompetittivi u ffokati fuq il-konsumaturi fl-Unjoni kollha. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet il-31 ta' Diċembru 2020. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija fi Frar 2021 u lill-Polonja f'Mejju 2022, wara li kkonkludiet li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva kienu ġew trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Wara li eżaminat it-tweġibiet tagħhom kif ukoll il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati, il-Kummissjoni jidhrilha li dawn l-Istati Membri xorta għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva bis-sħiħ. Iż-żewġ Stati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Opinjonijiet motivati addizzjonali

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BELĠJU, lill-ESTONJA, lil-LATVJA u lir-RUMANIJA mill-ġdid biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2018
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati addizzjonali lill-Belġju (INFR(2021)0145), lill-Estonja (INFR(2021)0200), lil-Latvja (INFR(2021)0293) u lir-Rumanija (INFR(2021)0333) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ, u fit-trasport fl-UE. Hi tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u tinkludi regoli speċifiċi għall-garanziji tal-oriġini. Il-garanziji tal-oriġini huma ċertifikati elettroniċi biex il-klijenti finali jiġu infurmati dwar is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-taħlita enerġetika ta' fornitur. Id-Direttiva tinkludi wkoll il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijofjuwils, għall-bijolikwidi u għall-fjuwils tal-bijomassa, u r-regoli dwar il-verifika tal-konformità ta' dawk il-fjuwils ma' dawn il-kriterji. Tiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija billi tippermetti l-awtokonsum u l-istabbiliment ta' komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil dawn l-erba' Stati Membri talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ. Il-Kummissjoni mbagħad segwiet dan b'opinjonijiet motivati minħabba n-nuqqas kontinwu tagħhom li jittrasponu id-Direttiva bis-sħiħ. Wara li eżaminat it-tweġibiet tagħhom u l-miżuri nnotifikati sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati addizzjonali għall-Belġju, għall-Estonja, għal-Latvja u għar-Rumanija minħabba t-traspożizzjoni mhux kompluta. Dawn l-erba' Stati Membri issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

 

5. Tassazzjoni

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 229-57501; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)

Opinjoni motivata

Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tneħħi l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għall-ħwienet ħielsa mit-taxxa fil-fruntieri fuq l-art ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2020)2268) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, li tistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa. Il-Greċja teżenta, mid-dazju tas-sisa, l-oġġetti li jinbiegħu lill-vjaġġaturi minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fil-fruntieri fuq l-art tagħha mal-Albanija, mal-Maċedonja ta' Fuq u mat-Turkija. Sa Jannar 2017, il-leġiżlazzjoni tal-UE kienet tippermetti lill-Istati Membri li kellhom ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu barra minn ajruport jew port fl-1 ta' Lulju 2008 li jużaw dawn l-eżenzjonijiet. Għalkemm dan ma għadux permess skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Greċja għad għandha ħwienet mingħajr dazju fil-fruntieri fuq l-art tagħha ma' pajjiżi mhux tal-UE. Wara li dehrilha li t-tweġiba tal-Greċja għall-ittra ta' intimazzjoni mhix sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Mobbiltà u Trasport

(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tiżgura li l-awditi tas-sikurezza fit-toroq jitwettqu minn awdituri mħarrġa kif suppost u ċċertifikati
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)4012), talli naqset milli torganizza programmi ta' taħriġ u ta' ċertifikazzjoni għall-awdituri tas-sikurezza fit-toroq u talli ma wettqitx awditi tas-sikurezza fit-toroq b'awdituri ċċertifikati. Id-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq tistabbilixxi r-regoli għat-taħriġ inizjali u ta' aġġornament għall-awdituri, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom. Mid-19 ta' Diċembru 2013, huma biss l-awdituri li għandhom ċertifikat professjonali li huma intitolati jwettqu l-awditi tas-sikurezza tat-toroq għall-proġetti ta' infrastruttura li huma parti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri l-awtostradi u t-toroq primarji. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw li l-infrastruttura tat-toroq tkun imfassla kif xieraq filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-sikurezza fit-toroq tal-utenti kollha tat-triq u li din ma toħloq l-ebda riskju. Għalkemm l-Italja ttrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni jidhrilha li l-Italja ma tapplikahomx fil-prattika.  Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għoti kompetittiv tal-kuntratti tat-trasport ferrovjarju pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lin-Netherlands (INFR(2023)4011) talli naqsu milli japplikaw b'mod korrett ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. Il-kompetizzjoni regolata fis-suq ferrovjarju hija essenzjali biex il-passiġġieri jiġu pprovduti b'servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos, filwaqt li jinżammu l-kompiti tas-servizz pubbliku. Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni għar-raġuni li n-Netherlands kienu ddeċidew li jagħtu l-kuntratt ta' konċessjoni għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri għall-perjodu mill-2025 sal-2033 direttament lill-operatur preeżistenti Nederlandse Spoorwegen. Abbażi tar-Regolament 1370/2007, in-Netherlands kellhom jużaw proċedura kompetittiva ta' għażla. Minkejja t-tħassib tal-Kummissjoni, il-kuntratt ingħata fil-21 ta' Diċembru 2023. Fit-13 ta' Marzu 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni addizzjonali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku stabbiliti f'dak il-kuntratt. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-obbligi tas-servizz pubbliku jirrikjedu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw li operatur jassumi s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fl-interess ġenerali, minkejja li dawn is-servizzi mhumiex fl-interess kummerċjali tiegħu. Il-Kummissjoni dehrilha li n-Netherlands ma kinux analizzaw biżżejjed liema servizzi tat-trasport setgħu jiġu pprovduti mill-operaturi tas-suq bil-kundizzjonijiet kummerċjali u ta' aċċess miftuħ. In-Netherlands ma pprovdewx tweġibiet sodisfaċenti għal dawn iż-żewġ ittri ta' intimazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU u lil FRANZA biex jittrasponu l-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2023)0186) u lil Franza (INFR(2023)0218), talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri kollha għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2021/1187 (id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni). Id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni għandha l-għan li tħaffef it-tlestija tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, trans-European transport network) billi tissimplifika u tiċċara l-proċeduri tal-permessi u tal-akkwist. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha sal-10 ta' Awwissu 2023. Id-Direttiva għandha fil-mira tagħha l-proġetti ta' prijorità għolja tan-network ewlieni TEN-T, l-inizjattivi transfruntiera, u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport b'baġits ta' 'l fuq minn EUR 300 miljun. Sabiex dan jinkiseb, id-Direttiva tistabbilixxi erba' rekwiżiti ewlenin għall-Istati Membri: li jassenjaw awtorità maħtura għal kull proġett, li jissimplifikaw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi biex permess ma jiħux aktar minn 4 snin biex jinħareġ, li jagħmlu l-proċeduri trasparenti, u li jtejbu l-koordinazzjoni transfruntiera. F'Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju u lil Franza talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali. Il-Belġju u Franza naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħuda biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-Belġju u lil Franza, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lil-LITWANJA biex tittrasponi bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-pedaġġi u l-vinjetti biex jintużaw għall-infrastruttura tat-toroq
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil-Litwanja (INFR(2024)0163) talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar il-Eurovignette (id-Direttiva 1999/62/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2022/362). Id-Direttiva dwar il-Eurovignette tistabbilixxi r-regoli komuni dwar l-impożizzjoni ta' tariffi abbażi tad-distanza (pedaġġi) u ta' tariffi għall-utent abbażi tal-ħin (vinjetti), li jippermettu lill-Istati Membri jirkupraw il-kostijiet marbutin mal-infrastruttura (il-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni) permezz ta' pedaġġi u vinjetti. L-emendar tad-Direttiva (UE) 2022/362 issa jinkludi l-karozzi tal-passiġġieri, ix-xarabanks u l-kowċis, u l-vetturi heavy-duty żgħar. Id-Direttiva riveduta tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jinkludu l-kostijiet ambjentali tat-tniġġis tal-arja fis-sistemi tal-imposti tagħhom biex jimponu tariffi abbażi tal-emissjonijiet tas-CO2 ta' vettura, bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jitħeġġew vetturi heavy-duty aktar nodfa. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet il-25 ta' Marzu 2024. F'Mejju 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Litwanja talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali. Il-Litwanja naqset milli tikkomunika l-miżuri kollha ta' traspożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata. Il-Litwanja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli riveduti tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija (INFR(2023)2113) talli naqset milli timplimenta b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (id-Direttiva (UE) 2019/1936). Id-Direttiva tagħti importanza kbira lill-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq u tal-ħtiġijiet tagħhom, li għandhom jitqiesu fil-proċeduri kollha tas-sikurezza tat-toroq. F'Ottubru 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali. Filwaqt li sar xi progress, l-Awstrija għad trid tadotta bis-sħiħ l-istandards tas-sikurezza tal-UE biex tiżgura li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli waqt il-valutazzjoni tar-riskji tas-sikurezza tat-toroq. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Awstrija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lis-SLOVAKKJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar is-sorveljanza tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja (INFR(2024)2029) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha fl-ambitu tar-Regolamenti li ġejjin fil-qasam tas-sorveljanza tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili: (UE) 965/2012, (UE) 376/2014, (UE) 2018/1139, (KE) Nru 1321/2014, (KE) Nru 748/2012, (UE) Nru 923/2012, (UE) 2017/373 u (KE) Nru 2150/2005). Is-Slovakkja ma tiżgurax verifika sistemika tal-miżuri tas-sikurezza għall-operaturi tal-ajru u ma għandhiex persunal kwalifikat biex jissorvelja s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Is-Slovakkja lanqas għandha sistema funzjonali li tinvestiga u tindirizza l-inċidenti u l-aċċidenti tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, is-Slovakkja ma ddeżinjatx kif suppost spazju tal-ajru ristrett għall-użu militari, u dan joħloq riskju potenzjali għat-traffiku tal-ajru ċivili. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lis-Slovakkja. Din l-opinjoni motivata ssegwi l-ittra ta' intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni f'Mejju 2024. Is-Slovakkja issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata, inkella l-Kummissjoni tista' tressaqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Opinjonijiet motivati addizzjonali

Il-Kummissjoni tappella lill-ESTONJA biex tittrasponi l-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Estonja (INFR(2023)0206), talli naqset milli tinnotifika l-miżuri kollha għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2021/1187dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura koordinazzjoni aħjar u twettiq effettiv tal-proġetti ewlenin tan-network ewlieni tat-TEN-T billi tiċċara l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u tal-akkwist pubbliku. Hi għandha fil-mira tagħha l-proġetti ta' prijorità għolja tan-network ewlieni TEN-T, l-inizjattivi transfruntiera, u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport b'baġits ta' 'l fuq minn EUR 300 miljun. Sabiex dan jinkiseb, id-Direttiva tistabbilixxi erba' rekwiżiti ewlenin għall-Istati Membri: li jassenjaw awtorità maħtura għal kull proġett, li jissimplifikaw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi biex permess ma jiħux aktar minn 4 snin biex jinħareġ, li jagħmlu l-proċeduri trasparenti, u li jtejbu l-koordinazzjoni transfruntiera. L-Istati Membri kellhom sal-10 ta' Awwissu 2023 biex jittrasponuha fid-dritt nazzjonali. F'Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja segwita mill-ewwel opinjoni motivata f'April 2024. L-Estonja għadha ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, naqset milli tinnotifika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata addizzjonali lill-Estonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lil-LITWANJA biex timplimenta bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi ta' ċertu vetturi tat-triq
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lil-Litwanja (INFR(2020)2284) talli naqset milli tittrasponi kif suppost ir-regoli tal-UE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi ta' ċerti vetturi tat-triq (id-Direttiva (UE) 2015/719). Fost miżuri oħra, id-Direttiva tintroduċi d-derogi għall-vetturi tqal tal-merkanzija involuti fl-operazzjonijiet tat-trasport intermodali biex tħeġġeġ dawn l-operazzjonijiet. Wara l-opinjoni motivata li ħarġet f'Settembru 2023 u wara li vvalutat il-leġiżlazzjoni nazzjonali nnotifikata mil-Litwanja fi Frar 2024, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni Litwana, b'mod partikolari d-definizzjoni tagħha tal-operazzjonijiet tat-trasport intermodali, xorta għadha mhijiex konformi mad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata addizzjonali lil-Litwanja. Il-Litwanja issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq lil-Litwanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

7. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Olof Gill - Tel.: +32 2 296 59 66; Marta Perez-Cejuela Romero Tel.: +32 2 296 37 70)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Franza (INFR (2023)2164) minħabba t-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (id-Direttiva 2014/17) b'mod partikolari dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment tal-intermedjarji tal-kreditu awtorizzati fi Stati Membri oħrajn. Id-Direttiva tirrikjedi li dawn l-intermedjarji tal-kreditu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi transfruntiera jew billi jistabbilixxu fergħa fi Franza f'perjodu ta' żmien speċifiku. Huma għandhom ikunu jistgħu joperaw abbażi tal-awtorizzazzjoni miksuba fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom u irrispettivament minn kwalunkwe verifika minn qabel jew reġistrazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi. Id-Direttiva tirrikjedi wkoll li s-superviżjoni tagħhom titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, u li s-superviżjoni mill-awtoritajiet Franċiżi jeħtieġ li tkun limitata fi qbil mad-Direttiva. Barra minn hekk, id-Direttiva tirrikjedi li r-remunerazzjoni tal-persunal tal-kredituri, tal-intermedjarji tal-kreditu jew tar-rappreżentanti maħturin li jipprovdu servizzi ta' konsulenza ma tridx tkun kontinġenti fuq il-miri tal-bejgħ. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza fi Frar 2024, li l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għaliha f'April 2024. Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li Franza naqset milli tittrasponi b'mod korrett dawn l-aspetti tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tappella lil ħames Stati Membri biex ilestu t-traspożizzjoni tal-emendi tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2024)2175), lil Spanja (INFR(2024)2178), lill-Awstrija (INFR(2024)2174), lill-Portugall (INFR(2024)2185) u lis-Slovakkja (INFR(2024)2186) talli naqsu milli jittrasponu l-emendi tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (id-Direttiva 2014/59/UE, “BRRD”) introdotta bir-Regolament (UE) 2022/2036, li jikkonċerna t-trattament prudenzjali tal-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u l-kapaċità tal-assorbiment tat-telf u tar-rikapitalizzazzjoni tal-gruppi bankarji. L-emendi huma importanti biex jiġi żgurat allinjament sħiħ fl-UE mal-istandards tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar il-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC, Total Loss Absorbing Capacity) għall-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs, global systemically important institutions). B'mod partikolari, il-bidliet huma meħtieġa biex jirriflettu kif suppost l-esponiment tal-G-SIIs tal-UE għas-sussidjarji tagħhom li jinsabu f'pajjiżi terzi u biex ikomplu jtejbu l-kapaċità tal-akbar gruppi bankarji tal-UE li jifilħu għax-xokkijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-bidliet għandhom jiksbu armonizzazzjoni sħiħa tat-trattament prudenzjali tar-riżorsi interni għall-assorbiment tat-telf u għar-rikapitalizzazzjoni tal-entitajiet intermedji fi grupp bankarju, li huwa importanti għar-riżolvibbiltà tal-banek. Fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' dawn il-miżuri tekniċi, mhux se jkun possibbli li jinkiseb il-livell meħtieġ ta' armonizzazzjoni fil-qafas tal-UE għas-settur bankarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-ħames Stati Membri kkonċernati, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA, lil SPANJA, lill-UNGERIJA, lin-NETHERLANDS, lill-AWSTRIJA, lill-PORTUGALL u lill-FINLANDJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar is-Self Improduttiv
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2024)0013), lil Spanja (INFR(2024)0047), lill-Ungerija (INFR(2024)0067), lin-Netherlands (INFR(2024)0103), lill-Awstrija (INFR(2024)0000), lill-Portugal (INFR(2024)0117) u lill-Finlandja (INFR(2024)0054) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar is-Self Improduttiv (id-Direttiva (UE) 2021/2167). Id-Direttiva għandha l-għan li trawwem l-iżvilupp ta' suq sekondarju li jiffunzjona tajjeb għas-self improduttiv billi tistabbilixxi r-regoli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tax-xerrejja u tas-servizzjanti tal-kreditu. Id-Direttiva tipprovdi wkoll sett ta' kriterji armonizzati li jippermettu lis-servizzjanti tal-kreditu jikkummerċjalizzaw is-self improduttiv b'mod transfruntier. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu din id-Direttiva sad-29 ta' Diċembru 2023. Sal-lum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE ddikjaraw it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva. Madankollu, il-Bulgarija, Spanja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja xorta għadhom ma nnotifikawx il-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil dawn l-Istati Membri fl-24 ta' Jannar 2024 u wara, opinjonijiet motivati fil-25 ta' Lulju 2024. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali ta' dawn l-Istati Membri ma kinux biżżejjed u għalhekk qed tressaq dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba għal pagamenti ta' penali finanzjarji. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa. 

 

8. Impjiegi u drittijiet soċjali

(Għal aktar informazzjoni: Eva Hrncirova - Tel.: +32 2 298 84 33; Anna Gray – Tel.: +32 2 298 08 73)

Ittra ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA ttemm id-diskriminazzjoni tal-għalliema għal żmien fiss fl-iskejjel pubbliċi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)2277) talli naqset milli tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien fiss (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE). Skont il-liġi Taljana, l-għalliema tal-iskola għal żmien fiss mhumiex intitolati għal progressjoni gradwali fis-salarju bbażata fuq il-perjodi tas-servizz preċedenti, għall-kuntrarju tal-għalliema permanenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li dawn il-kundizzjonijiet diskriminatorji tal-impjieg jiksru kemm il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien fiss, kif ukoll id-dritt tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
12 Frar 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta