Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet9 Marzu 20216 min qari

Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa: il-Kummissjoni tistabbilixxi l-perkors lejn Ewropa b'awtonomizzazzjoni diġitali sal-2030

2030_digital_compass.jpg
© EU
Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta viżjoni, miri u perkorsi għal trasformazzjoni diġitali ta' suċċess għall-Ewropa sal-2030: Fost l-oħrajn, din hi kruċjali biex titwettaq it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u reżiljenti.

L-UE għandha l-ambizzjoni ta' sovranità diġitali f'dinja miftuħa u interkonnessa, u li jitħaddmu politiki diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji ħalli jsawru futur diġitali ffukat fuq il-bniedem, sostenibbli u aktar prosperu. Għandha l-ambizzjoni wkoll li jingħelbu l-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi u li jitħaffef l-investiment.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tagħti widen għas-sejħa tal-President von der Leyen biex is-snin li ġejjin isiru d-“Deċennju Diġitali” tal-Ewropa; twieġeb l-appell tal-Kunsill Ewropew għal “Kumpass Diġitali”; u tibni fuq l-istrateġija diġitali tal-Kummissjoni ta' Frar 2020. Il-Komunikazzjoni tipproponi li jintlaħaq qbil dwar sett ta' prinċipji diġitali, biex jitnedew malajr proġetti multinazzjonali importanti u biex titħejja proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi qafas ta' governanza soda ħalli jiġi segwit il-progress – il-Kumpass Diġitali.

Il-Kumpass Diġitali tal-Ewropa

Il-Kummissjoni tipproponi Kumpass Diġitali biex issarraf l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f'azzjonijiet konkreti. Dawn huma msejsa fuq erba' punti fundamentali:

1) Ċittadini b'ħiliet diġitali u professjonisti b'livell għoli ta' kwalifiki diġitali; Sal-2030, mill-inqas 80 % tal-adulti kollha fl-UE għandu jkollhom ħiliet diġitali bażiċi, l-UE għandha tħaddem 20 miljun speċjalist fl-ICT, u jiżdied l-għadd ta' nisa impjegati f'dan il-qasam;

2) Infrastrutturi diġitali, siguri, effettivi u sostenibbli; Sal-2030, id-djar kollha fl-UE għandu jkollhom konnettività tal-Gigabits u ż-żoni popolati kollha għandu jkollhom aċċess għall-5G; il-produzzjoni ta' semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa għandha tkun 20 % tal-produzzjoni dinjija; fl-UE jiġu installati 10,000 nodu tat-tarf mill-aktar siguri u newtrali għall-klima; u l-Ewropa għandu jkollha l-ewwel kompjuter kwantistiku tagħha;

3) Trasformazzjoni diġitali tan-negozji; Sal-2030, tlieta minn kull erba' kumpaniji għandhom jużaw servizzi tal-cloud computing, tal-Big Data u tal-Intelliġenza Artifiċjali; aktar minn 90 % tal-SMEs għandhom jiksbu mill-anqas livell bażiku ta' intensità diġitali; u l-għadd ta' unicorns tal-UE għandu jirdoppja;

4) Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi; Sal-2030, is-servizzi pubbliċi ewlenin kollha għandhom ikunu disponibbli online; iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għar-rekords mediċi elettroniċi tagħhom; u 80 % taċ-ċittadini għandu jkollhom soluzzjoni tal-eID.

Il-Kumpass jistabbilixxi struttura ta' governanza soda u konġunta mal-Istati Membri, ibbażata fuq sistema ta' monitoraġġ b'rappurtar annwali bil-għamla ta' sinjali tat-traffiku. Il-miri se jitnaqqxu fi Programm ta' Politika li jrid jiġu miftiehem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Il-proġetti multinazzjonali

Biex tindirizza aħjar il-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi tal-UE, il-Kummissjoni se tiffaċilita t-tnedija ta' proġetti multinazzjonali li jikkombinaw investimenti mill-baġit tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija, abbażi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE. Fil-Pjanijiet tal-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, l-Istati Membri huma impenjati li jiddedikaw mill-inqas 20 % għall-prijorità diġitali. Fost il-proġetti multinazzjonali possibbli hemm infrastruttura pan-Ewropea interkonnessa għall-ipproċessar tad-data; id-disinn u l-iskjerament tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' proċessuri fdati b'potenza baxxa; jew amministrazzjonijiet pubbliċi konnessi.

Drittijiet u Prinċipji Diġitali għall-Ewropej

Id-drittijiet u l-valuri tal-UE huma fil-qalba tal-approċċ Ewropew għal diġitalizzazzjoni bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha. Dawn għandhom jiġu riflessi bis-sħiħ fl-ispazju online kif inhuma fid-dinja reali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa qafas għall-prinċipji diġitali, bħal aċċess għal konnettività ta' kwalità għolja, għal ħiliet diġitali suffiċjenti, għas-servizzi pubbliċi, għal servizzi online ġusti u nondiskriminatorji, u – b'mod aktar ġenerali – biex tiżgura li d-drittijiet applikabbli offline ikunu jistgħu jiġu eżerċitati bis-sħiħ online. Dawn il-prinċipji jeħtieġ jiġu diskussi b'dibattitu wiesa' mas-soċjetà u jistgħu jitnaqqxu f'dikjarazzjoni solenni interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Din l-inizjattiva se tkun ibbażata u tikkumplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Finalment, il-Kummissjoni tipproponi li jsir stħarriġ tal-Ewrobarometru kull sena biex tibqa' tħoss il-polz tal-Ewropej b'rabta mar-rispett tad-drittijiet diġitali tagħhom.

Ewropa diġitali fid-dinja

It-trasformazzjoni diġitali toħloq sfidi dinjin. L-UE se taħdem biex tippromwovi l-aġenda diġitali pożittiva tagħha, bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali u permezz ta' sħubiji diġitali internazzjonali sodi. Bil-kombinament ta' investimenti interni tal-UE u l-finanzjament sinifikanti disponibbli bl-istrumenti ta' kooperazzjoni esterna, l-UE se tkun tista' taħdem ma' sħab madwar id-dinja biex jintlaħqu objettivi globali komuni. Il-Kummissjoni diġà pproponiet li jitwaqqaf Kunsill ġdid għall-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-Komunikazzjoni tal-lum tenfasizza l-importanza ta' investiment f'konnettività aħjar mas-sħab esterni tal-UE, pereżempju bit-twaqqif ta' Fond għall-Konnettività Diġitali.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet: “L-Ewropa għandha opportunità unika biex tqum fuq saqajha aħjar. Bil-baġit pluriennali l-ġdid u bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, immobilizzajna riżorsi bla preċedent biex ninvestu fit-tranżizzjoni diġitali. Il-pandemija ħarġet fid-dieher l-importanza tat-teknoloġiji u l-ħiliet diġitali biex naħdmu, nistudjaw u ninvolvu ruħna – u fejn hemm lok għal titjib. Issa rridu nwettqu dan id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa biex iċ-ċittadini u n-negozji kollha jkollhom l-aqwa aċċess għad-dinja diġitali. Il-Kumpass Diġitali mħabbar illum jagħtina stampa ċara ta' kif nistgħu naslu hemm.”

Il-Viċi President Eżekuttiv għal “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” Margerethe Vestager qalet: “Id-dokument tal-lum iniedi proċess inklużiv. Se naħdmu mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati oħra biex l-Ewropa ssir is-sieħeb prosperu, kunfidenti u miftuħ li rridu nkunu fid-dinja. Se niżguraw li kull wieħed u waħda minna tibbenefika bis-sħiħ mill-ġid li toħloq soċjetà diġitali inklużiva.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton qal: “Bħala kontinent, l-Ewropa trid tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji tagħha jkollhom aċċess għall-aqwa għażla ta' teknoloġiji tal-ogħla livell ħalli titjieb il-kwalità ta' ħajjithom, issir aktar sikura, u saħansitra aktar ekoloġika – diment li jkollhom ukoll il-ħiliet biex jużawhom. Fid-dinja ta' wara l-pandemija, dan hu l-mod kif se nsawru flimkien Ewropa reżiljenti u diġitalment sovrana. Dan hu d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa.”

Il-Kuntest

It-teknoloġiji diġitali kienu kritiċi biex tibqa' għaddejja l-ħajja ekonomika u soċjali tul il-kriżi tal-coronavirus. Dawn se jkunu l-fattur ewlieni ta' divrenzjar biex tkun tista' tirnexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà post-pandemiċi sostenibbli. In-negozji u ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali akbar, li jrawwmu r-reżiljenza u jtaffu d-dipendenzi f'kull livell, mis-setturi industrijali sat-teknoloġiji individwali. L-approċċ Ewropew għat-trasformazzjoni diġitali hu wkoll fattur ewlieni li jirfed l-influwenza dinjija tal-UE.

Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2020, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen appellat biex l-Ewropa turi tmexxija diġitali akbar, b'viżjoni komuni għall-2030 ibbażata fuq miri u prinċipji ċari, bħal konnettività universali u r-rispett tad-dritt tal-privatezza u tal-libertà tal-espressjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta Kumpass Diġitali komprensiv li jistabbilixxi l-ambizzjonijiet tal-UE għall-2030.

Il-livell ta' finanzjament tal-UE disponibbli permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti l-iskala u l-intensità bla preċedent ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri li hi meħtieġa biex tinkiseb trasformazzjoni diġitali ta' suċċess. Ġiet stabbilita mira ta' 20 % għan-nefqa diġitali ta' kull pjan nazzjonali li jakkumpanja l-komponent diġitali tal-baġit Ewropew 2021-2027.

Għal Aktar Informazzjoni

Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa – Paġna informattiva:

Komunikazzjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-Approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”

Il-Kumpass Diġitali tal-Ewropa – Paġna ta' politika

Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
9 Marzu 2021