Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum juri li ċ-ċittadini Ewropej huma tal-fehma li t-tibdil fil-klima huwa l-aktar problema serja li qed tiffaċċja d-dinja.
Aktar minn disgħa minn kull għaxar persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja (93 %), filwaqt li kważi tmienja minn kull għaxra (78 %) jqisuh bħala problema serja ħafna. Meta ntalbu jidentifikaw l-aktar problema serja li qed tiffaċċja d-dinja, aktar minn kwart (29 %) għażlu t-tibdil fil-klima (18 %), id-deterjorament tan-natura (7 %) jew il-problemi tas-saħħa kkawżati mit-tniġġis (4 %).
F'termini ta' rispons ta' politika, disgħa minn kull għaxar Ewropej (90 %) jaqblu li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jitnaqqsu għal livell minimu, filwaqt li jiġu kkumpensati l-emissjonijiet li jifdal biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej (87 %) jaħsbu li huwa importanti li l-UE tistabbilixxi miri ambizzjużi biex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u l-istess perċentwal jemmen li huwa importanti li l-UE tipprovdi appoġġ għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans, stqarr: “Minkejja l-pandemija u t-tbatija ekonomika li qed jiffaċċjaw l-Ewropej, l-appoġġ għall-azzjoni klimatika għadu b'saħħtu. L-Ewropej jirrikonoxxu r-riskji fit-tul ikkawżati mill-kriżi klimatika u l-kriżi tal-bijodiversità, u jistennew li l-industrija, il-gvernijiet u l-Unjoni Ewropea jieħdu azzjoni. Iċ-ċifri f'dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru jservu bħala sejħa għal azzjoni għall-politiċi u n-negozji. Dawn iżidu wkoll il-motivazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tiffinalizza l-leġiżlazzjoni “Fit for 55”, li se nippreżentaw aktar tard dan ix-xahar biex niżguraw li nilħqu l-miri tagħna dwar il-klima.”
Il-biċċa l-kbira (64 %) taċ-ċittadini tal-UE diġà qed jieħdu azzjoni klimatika individwali, u qed jagħmlu għażliet sostenibbli konxjament fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Meta ġew mistoqsija min hu responsabbli biex jindirizza t-tibdil fil-klima, iċ-ċittadini enfasizzaw li hemm bżonn li l-azzjoni individwali tiġi akkumpanjata minn riforma strutturali, u indikaw il-gvernijiet nazzjonali (63 %), in-negozji u l-industrija (58 %), u l-UE (57 %). Aktar minn tmienja minn kull għaxar Ewropej li rrispondew għat-taħriġ (81 %) jaqblu li l-enerġiji nodfa għandhom jirċievu aktar appoġġ finanzjarju pubbliku, anki jekk dan iwassal għal tnaqqis fis-sussidji għall-fjuwils fossili. Tliet kwarti tal-Ewropej (75 %) huma tal-fehma li l-investiment fl-irkupru ekonomiku għandu jkun immirat prinċipalment lejn l-ekonomija ekoloġika l-ġdida.
Huwa rikonoxxut b'mod ċar li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ġġib magħha opportunitajiet kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għall-ekonomija Ewropea. Kważi tmienja minn kull għaxar Ewropej (78 %) jaqblu li t-teħid ta' azzjoni dwar il-klima jwassal għal innovazzjoni li żżid il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Kważi tmienja minn kull għaxra (78 %) jaqblu li l-promozzjoni tal-għarfien espert tal-UE b'rabta mat-teknoloġiji nodfa f'pajjiżi barra mill-UE tista' tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda fl-UE. Sebgħa minn kull għaxar Ewropej (70 %) huma tal-fehma li t-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili jista' jkun ta' benefiċċju ekonomiku għall-UE. Aktar minn sebgħa minn kull għaxar Ewropej (74 %) jaqblu li l-kostijiet tad-danni kkawżati mit-tibdil fil-klima huma ħafna ogħla mill-investimenti meħtieġa għal tranżizzjoni ekoloġika.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 5 Lulju 2021