Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 18 Novembru 2020
  • 9 min qari

Il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew: L-appoġġ għal irkupru sostenibbli u inklużiv fost livell għoli ta' inċertezza

soteu_eugreendeal_rectangular_2.jpg
© EU
Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett ta' politika ekonomika tagħha tal-ħarifa, inklużi l-Opinjonijiet dwar l-Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji taż-żona tal-euro (APB) għall-2021 u rakkomandazzjonijiet ta' politika għaż-żona tal-euro.

Dan huwa t-tieni pass fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2021, li beda f'Settembru bil-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli  (ASGS) bil-kunċett ta' sostenibbiltà kompetittiva fil-qalba tiegħu. L-ASGS ipprovdiet ukoll gwida strateġika lill-Istati Membri fl-abbozzar tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom u stabbiliet ir-relazzjoni bejn il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u s-Semestru. Il-pakkett tal-lum huwa bbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020  - imħejji f'kuntest ta' inċertezza kbira - li pprojetta li x-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-coronavirus iħalli l-output fiż-żona tal-euro u fl-UE taħt il-livell ta' qabel il-pandemija sal-2022.

 

Opinjonijiet dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ta' Stati Membri taż-żona tal-euro

L-Opinjonijiet dwar l-APB tal-2021  iqisu l-kriżi tas-saħħa li għaddejja bħalissa, il-livell għoli ta' inċertezza u t-tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19. Minħabba l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali maħruġa mill-Kunsill f'Lulju 2020 kienu ta' natura kwalitattiva. L-Opinjonijiet tal-lum għalhekk iħarsu b'mod speċjali lejn jekk il-miżuri baġitarji ta' appoġġ ippjanati għall-2021 humiex temporanji u jekk le, jekk humiex ippjanati miżuri ta' kumpens.

Il-Kummissjoni vvalutat li l-APB kollha huma ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta' inċertezza konsiderevoli. Xi miżuri stabbiliti fl-Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji ta' Franza, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovakkja ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma' miżuri ta' tpaċija. Il-Litwanja ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha bbażat fuq xenarju ta' ebda bidla fil-politika u hija mistiedna tippreżenta Abbozz ta' Pjan Baġitarju aġġornat.

Għall-Belġju, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja, minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tagħhom u l-isfidi għoljin tas-sostenibbiltà fit-terminu medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li jiġi żgurat li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta' appoġġ, is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju tiġi ppreservata.

 

Passi skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'rabta mar-Rumanija

Ir-Rumanija ilha taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP) minn April 2020 minħabba l-ksur tal-limitu tad-defiċit tat-Trattat fl-2019. Fid-dawl tal-inċertezza għolja kontinwa minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li f'dan l-istadju ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar passi ulterjuri fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv tar-Rumanija . Hija se tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni baġitarja tar-Rumanija fir-rebbiegħa tal-2021.

 

Rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-Euro, Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija u proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi

Ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro  tippreżenta pariri mfassla apposta lill-Istati Membri taż-żona tal-euro dwar dawk is-suġġetti li jaffettwaw il-funzjonament taż-żona tal-euro b'mod ġenerali. Din is-sena jipprovdi wkoll gwida politika dwar il-prijoritajiet li l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom isegwu fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom. Ir-rakkomandazzjoni tappella lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiżguraw li l-politiki fiskali tagħhom jibqgħu ta' appoġġ fl-2021. Hija tappella wkoll lill-Istati Membri biex jorjentaw mill-ġdid il-politiki fiskali lejn il-kisba ta' pożizzjonijiet prudenti fuq terminu medju ladarba l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu. Hija tħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali u jimplimentaw riformi prijoritarji u investimenti li jistgħu jagħmlu ż-żona tal-euro u l-membri tagħha aktar sostenibbli u reżiljenti. Dawn ir-riformi u miżuri ta' investiment għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-irkupru ekonomiku li jkun konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Hija tappella wkoll għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR) , strument ta' skrinjar biex jiġu identifikati żbilanċi makroekonomiċi potenzjali, isib li filwaqt li l-iżbilanċi makroekonomiċi kienu qed jonqsu sat-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19, ir-riskji ta' żbilanċi jidhru li qed jiżdiedu fl-Istati Membri li diġà kienu qed jesperjenzaw żbilanċi qabel il-pandemija tal-COVID-19. Huwa jirrakkomanda li l-analiżijiet fil-fond biex tiġi identifikata u vvalutata s-severità tal-iżbilanċi makroekonomiċi possibbli għandhom jitħejjew għat-12-il Stat Membru li kienu diġà ġew identifikati bi żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fi Frar 2020. Dawn huma il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja.

Il-proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tanalizza l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa. Il-kriżi tal-COVID-19 kissret xejra pożittiva ta' sitt snin fis-suq tax-xogħol. L-għadd totali ta' persuni f'impjieg u r-rata ta' impjieg naqsu b'mod sinifikanti, għalkemm iż-żieda fir-rata tal-qgħad kienet moderata sa issa grazzi għall-adozzjoni rapida ta' skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili. L-Istati Membri li diġà esperjenzaw sfidi soċjoekonomiċi serji qabel il-pandemija issa huma saħansitra aktar esposti għall-vulnerabbiltajiet. Ix-xokk ekonomiku għas-suq tax-xogħol qed jiġi esperjenzat b'mod differenti fis-setturi u l-kategoriji ta' ħaddiema. It-tnaqqis fl-impjiegi affettwa aktar lill-ħaddiema f'forom mhux standard ta' impjieg. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b'mod aktar sinifikanti mill-qgħad għal gruppi ta' etajiet oħra. Is-sehem ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ żdied drastikament. Il-ħaddiema li twieldu barra mill-UE ntlaqtu wkoll b'mod sever. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi soċjali u tas-suq tax-xogħol kollha, filwaqt li taġġorna regolarment il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni fil-Qasam tal-Impjiegi u l-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali . Fis-Semestru Ewropew eċċezzjonali tal-2021, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi se jgħin ukoll lill-Istati Membri jidentifikaw oqsma ta' prijorità għar-riformi u l-investiment li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, fl-isfond tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.

Il-Kummissjoni hija impenjata li ssegwi strateġija ta' tkabbir sostenibbli li se tgħin lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-dokument ta' ħidma tal-persunal dwar it-twettiq tal-SDGs  jispjega kif il-Kummissjoni qed tmexxi ‘l quddiem l-impenn tagħha għall-iżvilupp sostenibbli, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs fit-tfassil tal-politika tagħha. 

 

Rapport ta' sorveljanza msaħħa u rapporti ta' sorveljanza ta' wara l-programm

It-tmien rapport ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja  jsib li, minkejja ċ-ċirkostanzi avversi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-awtoritajiet Griegi ħadu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiksbu l-impenji miftiehma tagħhom, filwaqt li wettqu għadd ta' riformi fundamentali. Ir-rapport jista' jservi bħala bażi għall-Grupp tal-Euro biex jiddeċiedi dwar ir-rilaxx tas-sett li jmiss ta' miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika.

Mir-rapporti ta' sorveljanza ta' wara l-programm għal Ċipru , l-Irlanda , il-Portugall  u Spanja  jirriżulta li l-kapaċitajiet ta' ħlas lura ta' kull wieħed minnhom jibqgħu sodi.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija li taħdem għan-Nies qal: “Bl-Ewropa li bħalissa tinsab maħkuma mit-tieni mewġa tal-pandemija, jeħtieġ li nibnu fuq l-isforzi tagħna biex nappoġġaw lil xulxin biex nirreżistu din il-maltempata. Dan il-Pakkett tal-Ħarifa għandu l-għan li jiggwida lill-ekonomiji tal-UE lejn ilmijiet aktar kalmi u jipprovdi gwida politika għall-irkupru kollettiv tagħna. Biex l-Ewropa tirkupra bħala forza kompetittiva fuq livell globali, jeħtieġ li jkollna miżuri ta' appoġġ fiskali mmirati u temporanji, kif ukoll riformi u investimenti magħżula sew li se jixprunaw irkupru ġust, inklużiv u sostenibbli. Issa neħtieġu ftehim politiku rapidu dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tipprovdi ankra finanzjarja matul din il-maltempata. Inħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu aġendi ta' politika ambizzjużi fil-pjanijiet ta' rkupru u reżiljenza tagħhom, għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “F'dan l-isfond ta' rkupru interrott u inċertezza għolja ħafna, il-gvernijiet iridu jkomplu jindirizzaw il-kriżi u jappoġġaw l-irkupru. Il-maġġoranza tal-miżuri inklużi fil-baġits tal-2021 tal-pajjiżi taż-żona tal-euro ġustament jappoġġaw l-attività ekonomika. Iżda rkupru b'saħħtu u bbilanċjat jiddependi fuq dħul fis-seħħ rapidu ta' Next Generation EU: biex nibnu mill-ġdid il-kunfidenza, inniedu mill-ġdid l-investiment, u nimxu ‘l quddiem b'riformi trasformattivi biex nippreservaw il-pjaneta tagħna, nibnu soċjetajiet aktar ġusti u nagħmlu suċċess mid-diġitalizzazzjoni. Għalhekk nappella lill-gvernijiet tal-UE biex juru sens qawwi ta' responsabbiltà għaċ-ċittadini tagħhom stess u għall-Ewropej kollha f'dan il-mument kruċjali. Ejjew inlestu dan il-pjan ta' rkupru.”

Nicolas Schmit, il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali qal: “Il-kriżi tal-COVID-19 kissret xejra pożittiva ta' 6 snin fis-suq tax-xogħol, li affettwat lill-Ewropej kollha, b'mod partikolari liż-żgħażagħ, u lil dawk b'kuntratti temporanji jew atipiċi. L-UE ser tkompli timmobilizza r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tagħha u tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kriżi, jipproteġu lill-ħaddiema, jippreservaw l-impjiegi u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet tal-impjiegi lejn l-ekonomija ekoloġika u diġitali. Irridu niffukaw l-isforzi tagħna fuq il-ħiliet u t-taħriġ biex nadattaw għas-suq tax-xogħol ta' wara l-COVID-19. Huwa kruċjali li fi kriżi, nilħqu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, u nagħmlu aktar enfasi fuq il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni u l-inugwaljanzi.”

 

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tistieden lill-Grupp tal-Euro u lill-Kunsill biex jiddiskutu l-pakkett u japprovaw il-gwida offruta llum. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa li tinvolvi ruħha fi djalogu kostruttiv mal-Parlament Ewropew dwar il-kontenut ta' dan il-pakkett u dwar kull pass sussegwenti fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew.

 

Aktar informazzjoni 

Il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2021: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Komunikazzjoni dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021

Opinjonijiet dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji

Rakkomandazzjoni tal-2021 għaż-żona tal-euro

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2021

Proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2021

Komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni fiskali fir-Rumanija

Rapport dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm: Ċipru

Rapport dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm: L-Irlanda

Rapport dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm: Il-Portugall

Rapport dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm: Spanja

Rapport ta' sorveljanza msaħħa: Il-Greċja

Dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti

Strateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021

Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020

Is-Semestru Ewropew

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Novembru 2020