Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet16 Settembru 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta7 min qari

Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media: Il-Kummissjoni tipproponi regoli biex tipproteġi l-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media fl-UE

press

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, sett ġdid ta' regoli biex jiġu protetti l-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media fl-UE. Ir-Regolament propost jinkludi, fost oħrajn, salvagwardji kontra l-indħil politiku fid-deċiżjonijiet editorjali u kontra s-sorveljanza. Jiffoka fuq l-indipendenza u l-finanzjament stabbli tal-media tas-servizz pubbliku kif ukoll fuq it-trasparenza tas-sjieda tal-media u tal-allokazzjoni tar-reklamar mill-istat. Jistabbilixxi wkoll miżuri biex tiġi protetta l-indipendenza tal-edituri u jiġu żvelati l-kunflitti ta' interess. Finalment, l-Att se jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-media u se joħloq Bord Ewropew indipendenti ġdid għas-Servizzi tal-Media, magħmul mill-awtoritajiet nazzjonali tal-media. Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni komplementari biex tħeġġeġ salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali.

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, stqarret: “Matul dawn l-aħħar snin rajna diversi forom ta' pressjoni fuq il-midja. Wasal iż-żmien li naġixxu. Jeħtieġ li nistabbilixxu prinċipji ċari: ebda ġurnalist ma għandu jsirlu spjunaġġ minħabba l-impjieg tiegħu; ebda media pubblika ma għandha tinbidel f'mezz ta' propaganda. Li qed nipproponu llum għall-ewwel darba huwa dan: salvagwardji komuni għall-protezzjoni tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media fl-UE”.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, żied jgħid: “L-UE hija l-akbar suq uniku demokratiku fid-dinja. Il-kumpaniji tal-media għandhom rwol vitali iżda qed iħabbtu wiċċhom ma' tnaqqis fid-dħul, theddid għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-ħolqien ta' pjattaformi online kbar ħafna, u taħlita ta' regoli nazzjonali differenti. L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media jipprovdi salvagwardji komuni fil-livell tal-UE biex jiggarantixxi pluralità ta' vuċijiet u li l-media tagħna tkun tista' topera mingħajr ebda interferenza, kemm jekk tkun privata kif ukoll jekk tkun pubblika. Gwardjan Ewropew ġdid se jippromwovi l-applikazzjoni effettiva ta' dawn ir-regoli l-ġodda dwar il-libertà tal-media u se jiskrinja l-konċentrazzjonijiet tal-media sabiex ma jfixklux il-pluralità.”

Ebda interferenza politika, ebda spjunaġġ, finanzjament stabbli

L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media se jiżgura li l-media – pubblika u privata – tkun tista' topera b'mod aktar faċli bejn il-fruntieri fis-suq intern tal-UE, mingħajr pressjoni żejda filwaqt li titqies it-trasformazzjoni diġitali tal-ispazju tal-media. 

  • Ħarsien tal-indipendenza editorjali – ir-Regolament se jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw il-libertà editorjali effettiva tal-fornituri tas-servizzi tal-media u jtejbu l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi tal-media se jkollhom jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda, billi jiżvelaw tali informazzjoni pubblikament u jieħdu miżuri bil-ħsieb li jiggarantixxu l-indipendenza ta' deċiżjonijiet editorjali individwali.
  • Ebda użu ta' spyware kontra l-media – l-Att dwar il-Libertà tal-Media jinkludi salvagwardji b'saħħithom kontra l-użu ta' spyware kontra l-media, u kontra l-ġurnalisti u l-familji tagħhom.
  • Midja indipendenti tas-servizz pubbliku – fejn teżisti media tas-servizz pubbliku, il-finanzjament ipprovdut lilha għandu jkun adegwat u stabbli, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza editorjali. Il-Kap u l-bord ta' tmexxija tal-media tas-servizz pubbliku se jkollhom jinħatru b'mod trasparenti, miftuħ u nondiskriminatorju. Il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku għandhom jipprovdu pluralità ta' informazzjoni u opinjonijiet, b'mod imparzjali, f'konformità mal-missjoni tagħhom ta' servizz pubbliku.
  • Testijiet tal-pluraliżmu tal-media – l-Att dwar il-Libertà tal-Media jirrikjedi li l-Istati Membri jivvalutaw l-impatt tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali. Jirrikjedi wkoll li kull miżura leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva li jieħu Stat Membru li tista' taffettwa lill-midja tkun ġustifikata u proporzjonata kif xieraq.
  • Reklamar trasparenti mill-istat – l-Att dwar il-Libertà tal-Media se jistabbilixxi rekwiżiti ġodda għall-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat lill-media, sabiex ikun trasparenti u nondiskriminatorju. L-Att se jtejjeb ukoll it-trasparenza u l-oġġettività tas-sistemi ta' kejl tal-udjenza, li għandhom impatt fuq id-dħul tal-media mir-reklamar, b'mod partikolari online.
  • Protezzjoni tal-kontenut tal-media online – l-Att dwar il-Libertà tal-Media, li jibni fuq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, jinkludi salvagwardji kontra t-tneħħija mhux ġustifikata ta' kontenut tal-media bi produzzjoni li ssir skont standards professjonali. F'każijiet li ma jinvolvux riskji sistemiċi bħad-diżinformazzjoni, il-pjattaformi online kbar ħafna li beħsiebhom ineħħu ċertu kontenut tal-media legali meqjus li jmur kontra l-politiki tal-pjattaforma se jkollhom jinfurmaw lill-fornituri tas-servizzi tal-media dwar ir-raġunijiet, qabel ma sseħħ tali tneħħija. Kull ilment imressaq mill-fornituri tas-servizzi tal-media se jkollu jiġi pproċessat bi prijorità minn dawk il-pjattaformi.
  • Dritt ġdid tal-utent għall-personalizzazzjoni tal-offerta tal-media – l-Att dwar il-Libertà tal-Media se jintroduċi dritt ta' personalizzazzjoni tal-offerta tal-media fuq apparati u interfaċċi, bħal settijiet tat-televiżjoni konnessi, li jippermetti lill-utenti jibdlu s-settings prestabbiliti biex jirriflettu l-preferenzi tagħhom stess.

Il-proposta hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi għadd tal-aħjar prattiki volontarji miġbura mis-settur u mmirati lejn il-promozzjoni tal-indipendenza editorjali u t-trasparenza akbar tas-sjieda. Ir-rakkomandazzjoni tipprovdi sett ta' għodod ta' miżuri volontarji għall-kunsiderazzjoni tal-kumpaniji tal-media, bħall-kundizzjonijiet għall-ħolqien indipendenti ta' kontenut editorjali billi tingħata s-setgħa lill-ġurnalisti biex jipparteċipaw f'deċiżjonijiet kruċjali għall-funzjonament tal-mezzi tal-media, għal strateġiji biex tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-kontenut tal-aħbarijiet.

Gwardjan Ewropew għal-libertà tal-midja 

Il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' Bord Ewropew indipendenti ġdid għas-Servizzi tal-Media magħmul minn awtoritajiet nazzjonali tal-media. Il-Bord se jippromwovi l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-qafas tal-liġi tal-media tal-UE, b'mod partikolari billi jgħin lill-Kummissjoni tħejji linji gwida dwar kwistjonijiet regolatorji tal-media. Se jkun jista' wkoll jippubblika opinjonijiet dwar miżuri u deċiżjonijiet nazzjonali li jaffettwaw is-swieq tal-media u l-konċentrazzjonijiet tas-swieq tal-media.

Il-Bord se jikkoordina wkoll miżuri regolatorji nazzjonali rigward media mhux tal-UE li tippreżenta riskju għas-sigurtà pubblika biex jiġi żgurat li ma jevitawx ir-regoli applikabbli fl-UE. Il-Bord se jorganizza wkoll djalogu strutturat bejn il-pjattaformi online kbar ħafna u s-settur tal-media biex jippromwovi l-aċċess għal diversi offerti tal-media u jimmonitorja l-konformità tal-pjattaformi ma' inizjattivi awtoregolatorji, bħall-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni.

Il-passi li jmiss

Issa huwa f'idejn il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ladarba tiġi adottata, tkun tapplika direttament fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ id-diskussjonijiet, b'mod partikolari bħala parti mill-Forum Ewropew tal-Media tal-Aħbarijiet, dwar prattiki volontarji mill-kumpaniji tal-media marbuta mar-Rakkomandazzjoni li takkumpanjaha.

Kuntest

Il-media indipendenti hija gwardjan pubbliku, pilastru ewlieni tad-demokrazija, kif ukoll parti importanti u dinamika tal-ekonomija tagħna. Dawn huma kruċjali fit-tiswir ta' sfera pubblika, fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u biex il-persuni fil-poter jinżammu responsabbli ta' għemilhom. Fuq skala globali, l-Unjoni Ewropea tibqa' aktar b'saħħitha għal media ħielsa u indipendenti.

Fl-istess ħin, hemm xejriet dejjem aktar inkwetanti madwar l-UE. Il-Kummissjoni ilha timmonitorja mill-qrib dawk l-iżviluppi kollha permezz tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u għodod oħra bħall-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media. Sfidi identifikati mir-rapporti preċedenti dwar l-Istat tad-Dritt wasslu għal diversi inizjattivi tal-UE, inkluża rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti u miżuri sabiex jiġu indirizzati kawżi abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP).

L-att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media tħabbar mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021. Jibni fuq ir-rapporti dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni u fuq id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li tipprevedi koordinazzjoni fl-UE kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-media awdjoviżiva. L-Att jibni wkoll fuq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), kif ukoll fuq il-Kodiċi ta' Prattika l-ġdid dwar id-Diżinformazzjoni. Huwa parti mill-isforzi tal-UE fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika, fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni u fl-appoġġ tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media kif stipulat skont il-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea.

Din il-proposta tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti li ġiet adottata reċentement, kif ukoll id-Direttiva biex il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet jiġu protetti minn litigazzjoni abbużiva (il-pakkett kontra s-SLAPP). L-Att dwar il-Libertà tal-Media jaħdem ukoll flimkien ma' inizjattivi relatati mal-vijabbiltà, ir-reżiljenza u t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-media adottati skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Media u l-Awdjoviżiv u r-regoli riveduti dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-proposta hija bbażata fuq konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati, bl-inklużjoni ta' konsultazzjoni pubblika.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja

Paġna informattiva: Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media

Skeda informattiva: Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media

Proposta u Rakkomandazzjoni tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media

Filmat tal-Viċi President Jourová dwar l-Att dwar il-Libertà tal-Media

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Settembru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta