Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet4 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Spazju Ewropew tad- Data dwar is-Saħħa għan-nies u għax-xjenza

EHDS

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (European Health Data Space, EHDS), wieħed mill-elementi kostitwenti u ċentrali ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa b'saħħitha. L-EHDS se tgħin lill-UE tikseb qabża kwalitattiva enormi fil-mod kif il-kura tas-saħħa tingħata lin-nies fl-Ewropa. Dan jagħti s-setgħa lin-nies biex jikkontrollaw u jużaw id-data tagħhom dwar is-saħħa f'pajjiżhom jew fi Stati Membri oħra. Irawwem suq uniku ġenwin għal servizzi u prodotti tas-saħħa online. Joffri qafas konsistenti, affidabbli u effiċjenti biex id-data dwar is-saħħa tintuża għar-riċerka, għall-innovazzjoni, għat-tfassil tal-politika u għall-attivitajiet regolatorji, filwaqt li jiżgura konformità sħiħa mal-istandards ta' kwalità għolja tal-UE tal-protezzjoni tad-data.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Margaritis Schinas, qal: Jiena kburi li qed inħabbar l-ewwel spazju komuni tad-data tal-UE f'qasam speċifiku. L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa se jkun “bidu ġdid” għall-politika tas-saħħa online tal-UE, u permezz tiegħu d-data dwar is-saħħa se jiffunzjona għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tax-xjenza. Illum, qed nistabbilixxu l-pedamenti għal aċċess sigur u affidabbli għad-data dwar is-saħħa b'mod li jkun kompletament konformi mal-valuri fundamentali li jirfdu l-UE.”

Fi kliem il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Stella Kyriakides: “Illum qed nistabbilixxu pilastru ieħor għall-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Il-viżjoni tagħna qed issir realtà. L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa huwa bidla fundamentali għat-trasformazzjoni tal-kura tas-saħħa fl-UE. Dan iqiegħed liċ-ċittadini fiċ-ċentru tiegħu, u jagħtihom is-setgħa b'kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom biex jiksbu kura tas-saħħa aħjar fl-UE kollha. Bl-aċċess għal din id-data prottetta minn salvagwardji b'saħħithom għas-sigurtà u l-privatezza, id-data se tkun ukoll teżor tassew għax-xjenzati, għar-riċerkaturi, għall-innovaturi u għal dawk li jfasslu l-politika fil-ħidma tagħhom għat-trattament li jmiss biex tissalva l-ħajja. L-UE qed tagħmel pass verament storiku 'l quddiem lejn il-kura tas-saħħa online fl-UE.”

In-nies ikollhom is-setgħa li jikkontrollow huma stess id-datatagħhom dwar is-saħħa, kemm f'pajjiżhom kif ukoll b'mod transfruntier

  • Bis-saħħa tal-GDPR, in-nies se jkollhom aċċess immedjat, u faċli għad-data f'forma elettronika, u mingħajr ħlas. Huma jkunu jistgħu jikkondividu faċilment din id-data ma' professjonisti tas-saħħa oħrajn fl-Istati Membri u bejniethom biex itejbu l-għoti tal-kura tas-saħħa. Iċ-ċittadini se jkollhom il-kontroll sħiħ tad-data tagħhom u se jkunu jistgħu jżidu informazzjoni, jirrettifikaw data żbaljata, jirrestrinġu l-aċċess għall-oħrajn u jiksbu informazzjoni dwar kif tintuża d-data tagħhom u għal liema skop.
  • L-Istati Membri se jiżguraw li s-sommarji tal-pazjenti, l-e-Preskrizzjonijiet, l-istampi u r-rapporti tal-immaġnijiet, ir-riżultati tal-laboratorju, ir-rapporti ta' rilaxx jinħarġu u jiġu aċċettati f'format Ewropew komuni.
  • L-interoperabbiltà u s-sigurtà se jsiru rekwiżiti obbligatorji. Il-manifatturi tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa se jkollhom bżonn jiċċertifikaw il-konformità ma' dawn l-istandards.
  • Biex jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu ssalvagwardjati, l-Istati Membri kollha jridu jaħtru awtoritajiet tas-saħħa online. Dawn l-awtoritajiet se jipparteċipaw fl-infrastruttura diġitali transfruntiera (MyHealth@EU) li se tappoġġa lill-pazjenti biex jikkondividu d-datatagħhom bejn il-fruntieri.

It-titjib tal-użu tad-data dwar is-saħħa għar-riċerka, għall-innovazzjoni u għat-tfassil tal-politika

  • L-EHDS joħloq qafas legali b'saħħtu għall-użu tad-data dwar is-saħħa online għar-riċerka, għall-innovazzjoni, għas-saħħa pubblika, għat-tfassil tal-politika u għal skopijiet regolatorji. Skont kundizzjonijiet stretti, ir-riċerkaturi, l-innovaturi, l-istituzzjonijiet pubbliċi jew l-industrija se jkollhom aċċess għal ammonti kbar ta' data dwar is-saħħa ta' kwalità għolja, kruċjali biex jiġu żviluppati trattamenti, vaċċini jew apparat mediku li jsalvaw il-ħajja, u dan jżgura aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa kif ukoll sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti.
  • Għall-aċċess għat-tali data, minn riċerkaturi, minn kumpaniji jew minn istituzzjonijiet se jkun meħtieġ permess minn korp ta' aċċess għad-data dwar is-saħħa, li għandu jiġi stabbilit fl-Istati Membri kollha. L-aċċess jingħata biss jekk id-data mitluba tintuża għalskopijiet speċifiċif'ambjenti magħluqa u siguri u mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-individwu. Huwa wkoll strettament ipprojbit li d-data tintuża għal deċiżjonijiet, li huma ta' detriment għaċ-ċittadini, bħat-tfassil ta' prodotti jew servizzi ta' ħsara li jżidu l-primjum tal-assigurazzjoni.
  • Il-korpi tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa se jkunu konnessi mal-infrastruttura deċentralizzata l-ġdida tal-UE għall-użu sekondarju (HealthData@EU) li se tiġi stabbilita biex tappoġġa proġetti transfruntiera.

Kuntest

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet b'mod ċar l-importanza tas-servizzi diġitali fil-qasam tas-saħħa. L-użu tal-għodod diġitali żdied b'mod sinifikanti matul dan il-perjodu. Madankollu, il-kumplessità tar-regoli, l-istrutturi u l-proċessi fl-Istati Membri tagħmilha diffiċli li wieħed jaċċessa faċilment u jikkondividi d-data dwar is-saħħa, speċjalment bejn il-fruntieri. Barra minn hekk, is-sistemi tas-saħħa issa jinsabu fil-mira ta' attakki ċibernetiċi li kulma jmur qed jiżdiedu.

L-EHDS tkompli tibni fuq il-GDPR, l-Att propost dwar il-Governanza tad-Datal-abbozz tal-Att dwar id-Data u d-Direttiva NIS. Jikkomplementa dawn l-inizjattivi u jipprovdi regoli mfassla apposta għas-settur tas-saħħa. Bejn it-3 ta' Mejju u s-26 ta' Lulju 2021 saret konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-EHDS li ġabret firxa wiesgħa ta' fehmiet li kkontribwew għat-tfassil ta' dan il-qafas legali.

L-EHDS se tagħmel użu mill-iskjerament kontinwu u li jmiss ta' oġġetti diġitali pubbliċi fl-UE, bħall-Intelliġenza Artifiċjali, il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, il-cloud u l-middleware intelliġenti. Barra minn hekk, l-oqfsa għall-IA, għall-Identità elettronika u għaċ-ċibersigurtà, se jappoġġaw l-EHDS.

Il-Passi li jmiss

Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea issa se tiġi diskussa mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-Komunikazzjoni Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa: L-isfruttar tas-setgħa tad-data dwar is-saħħa għan-nies, għall-pazjenti u għall-innovazzjoni

Proposta għal Regolament dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva

Strateġija għad-Data tad-19 ta' Frar 2020

Paġna web

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta