Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet26 April 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: liġi ġdida tippromwovi fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli biex jonqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni

Aviation

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim politiku dwar il-proposta ReFuelEU Aviation, li ntlaħaq il-bieraħ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE. Ladarba jidħlu fis-seħħ, ir-regoli l-ġodda se jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni billi jeżiġu li mill-2025 'il quddiem il-fornituri tal-fjuwil iħalltu ammonti dejjem akbar ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF) mal-pitrolju.

Waħedha, din il-miżura mistennija tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni b'madwar żewġ terzi sal-2050 meta mqabbla max-xenarju li jibqa' kollox kif inhu, apparti li se tnaqqas emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 u b'hekk tipprovdi bosta benefiċċji għall-klima u għall-kwalità tal-arja.

Il-patt jimmarka l-aħħar ftehim dwar il-proposti tat-trasport fi ħdan il-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”, peress li kienu diġà ntlaħqu ftehimiet dwar regoli aġġornati dwar l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni u fis-settur marittimu, dwar il-promozzjoni ta' fjuwils sostenibbli għat-trasport marittimu, kif ukoll dwar il-varar aċċellerat ta' infrastruttura ta' fjuwils alternattivi. 

Ammonti dejjem akbar ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF)

Ir-regoli l-ġodda se jeżiġu li:

1) il-fornituri tal-fjuwils tal-avjazzjoni jfornu sehem minimu ta' SAF fl-ajruporti tal-UE, li jibda minn 2% tal-fjuwil kollu fornut sal-2025 u jilħaq is-70% sal-2050. It-taħlita l-ġdida tal-UE għall-fjuwils tal-ġettijiet jeħtieġ ikun fiha wkoll sehem minimu tal-aktar fjuwils sintetiċi moderni u favur l-ambjent, u dan is-sehem ikompli jiżdied maż-żmien; 
 

2) l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jitilqu mill-ajruporti tal-UE jimlew l-ajruplani biss bil-fjuwil meħtieġ għat-titjira. Hekk jevitaw l-emissjonijiet relatati mal-piż żejjed jew l-illikjar tal-karbonju minħabba l-prattiki tat-“tankering” (meta l-operaturi jġorru fjuwil żejjed apposta biex jevitaw ir-riforniment bis-SAF);

3) l-ajruporti jiżguraw li l-infrastruttura tal-għoti tal-fjuwil tagħhom tkun disponibbli u adattata għad-distribuzzjoni tas-SAF.

l-mandat tat-taħlit ikopri l-bijofjuwils, il-fjuwils tal-karbonju riċiklat u l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi (e-fjuwils) skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, iżda jeskludi l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, u li jappoġġa l-objettivi tas-sostenibbiltà. Peress li se japplika fl-UE kollha, il-mandat il-ġdid se jiżgura ambjent ekwu fis-suq intern tal-UE, jagħti ċ-ċertezza legali lill-produtturi tal-fjuwil, u jgħin biex jixpruna l-produzzjoni fuq skala kbira madwar il-kontinent. Se jżid ukoll is-sigurtà tal-enerġija tal-UE billi jnaqqas id-dipendenzi fuq il-prodotti tal-enerġija minn pajjiżi terzi u joħloq eluf ta' impjiegi ġodda fis-settur tal-enerġija. Il-linji tal-ajru tal-UE se jkollhom aċċess għal ammonti dejjem akbar ta' fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli madwar l-UE. 

Passi li jmiss

Il-ftehim politiku tal-bieraħ issa jeħtieġ l-adozzjoni formali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE. Ladarba jitlesta dan il-proċess, din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tidħol fis-seħħ minnufih.

Kuntest

Dan il-ftehim hu pass importanti fl-implimentazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta' 55%” tal-Kummissjoni, u se jgħin biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Bejn l-2013 u l-2019, l-emissjonijiet tal-avjazzjoni fl-Ewropa żdiedu b'medja ta' 5% sena wara l-oħra. Filwaqt li naqsu bil-kbir waqt il-pandemija, xorta waħda hu mbassar li l-emissjonijiet tal-avjazzjoni se jkomplu jiżdiedu. Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tas-settur tal-avjazzjoni se tkun kruċjali biex l-UE tilħaq l-objettivi klimatiċi tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi u twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Biex tikseb in-newtralità klimatika, l-UE jeħtieġ tnaqqas l-emissjonijiet tat-trasport, inkluż tal-avjazzjoni, b'90% sal-2050 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). ReFuelEU Aviation se tgħin lis-settur tal-avjazzjoni biex jikkontribwixxi għal dik il-mira, flimkien mar-regoli riveduti dwar l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni.

Għal aktar Informazzjoni

Proposti “Lesti għall-mira ta' 55%”

Il-proposta ta' ReFuelEU Aviation

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 April 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta