Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet14 Lulju 202114 min qari

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: Il-Kummissjoni tipproponi t-trasformazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi

teasing_fb_transport.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' proposti sabiex il-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni tagħmilhom tajbin biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
 

Għall-Ewropa, huwa kruċjali li dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet jintlaħaq fid-deċennju li ġej sabiex tkun l-ewwel kontinent fid-dinja newtrali għall-klima sal-2050 u sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir realità. Bil-proposti tal-lum, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-għodod leġiżlattivi biex twettaq dawn il-miri li ntlaħaq qbil dwarhom fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u biex tittrasforma fundamentalment l-ekonomija u s-soċjetà tagħna għal ġejjieni li jkun ġust, li jkun favur l-ambjent u li joffri l-ġid.

Sett ta' proposti komprensivi u interkonessi

Il-proposti tal-lum se jippermettu li nħaffu l-pass fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tul id-deċennju li jmiss. Huma jiġbru flimkien: l-applikazzjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għal setturi ġodda u l-issikkar tas-Sistema tal-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet tal-UE eżistenti; iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli; effiċjenza akbar fl-enerġija; użu aċċellerat ta' forom ta' trasport b'emissjonijiet baxxi u ta' infrastruttura u fjuwil li jappoġġawhom; allinjament tal-politiki dwar it-tassazzjoni mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; miżuri li jipprevjenu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; u għodod li jippreżervaw il-bjar tal-karbonju naturali tagħna u li jkabbruhom.

  • L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tagħti prezz lill-karbonju u tbaxxi l-limitu tal-emissjonijiet minn ċerti setturi ekonomiċi kull sena. Tul dawn l-aħħar 16-il sena rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-enerġija u mill-industriji intensivi fl-enerġija b'42,6 %. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi  li tbaxxi iktar il-limitu ġenerali tal-emissjonijiet u li tkabbar ir-rata annwali tagħha tat-tnaqqis. Il-Kummissjoni qed tipproponi  wkoll l-eliminazzjoni gradwali tal-kwoti tal-emissjonijiet b'xejn għall-avjazzjoni u l-allinjament  mal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Interna (CORSIA), u l-inklużjoni tal-emissjonijiet mit-trasport tal-bastimenti għall-ewwel darba fl-EU ETS. Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet fit-trasport bit-triq u fil-binjiet, qed tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet separata u ġdida għad-distribuzzjoni tal-fjuwil għat-trasport bit-triq u l-binjiet. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tkabbar id-daqs tal-Fondi għall-Innovazzjoni u l- Modernizzazzjoni.
  • Sabiex jikkumplementaw in-nefqa sostanzjali fuq il-klima fil-baġit tal-UE, l-Istati Membri għandhom jonfqu t-totalità tad-dħul mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet fuq proġetti relatati mal-klima u mal-enerġija, Parti ddedikata mid-dħul mis-sistema l-ġdida għat-trasport bit-triq u l-binjiet għandha tindirizza l-impatt soċjali fuq il-familji vulnerabbli, il-mikrointrapriżi u l-utenti tat-trasport
  • Ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi  jassenja miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet msaħħa lil kull Stat Membrugħall-binjiet, it-trasport marittimu domestiku u tat-triq, l-agrikoltura, l-iskart u l-industriji ż-żgħar. Filwaqt li jirrikonoxxu l-punt tat-tluq u l-kapaċitajiet ta' kull Stat Membru, dawn il-miri huma bbażati fuq il-PDG per capita, b'aġġustamenti li saru biex jittieħed kont tal-kosteffiċjenza.
  • L-Istati Membri jikkondividu wkoll ir-responsabbiltà li jneħħu l-karbonju mill-atmosfera, u għalhekk ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija  jistabbilixxi mira ġenerali għall-UE għat-tneħħija tal-karbonju permezz ta' bjar naturali, ekwivalenti għal 310 miljun tunnellata ta' emissjonijiet CO2 sal-2030. Il-miri nazzjonali se jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu ħsieb u jespandu l-bjar tal-karbonju tagħhom biex jilħqu din il-mira. Sal-2035, l-UE għandha timmira li tilħaq in-newtralità klimatika fis-settur tal-użu tal-art, tal-forestrija u tal-agrikoltura, inkluż ukoll l-emissjonijiet mhux tas-CO2 tal-agrikoltura, bħal dawk mill-użu tal-fertilizzanti u mill-bhejjem. L-Istrateġija tal-UE għall-Forestigħandha l-mira li ttejjeb il-kwalità, il-kwantità u r-reżiljenza tal-foresti tal-UE. Tappoġġa lill-forestieri u lill-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti filwaqt li żżomm il-ħsad u l-użu tal-bijomassa sostenibbli, tippreżerva l-bijodiversità u tistabbilixxi pjan għat-tħawwil ta' tliet biljun siġra mal-Ewropa kollha sal-2030.
  • Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jammontaw għal 75 % tal-emissjonijiet tal-UE, jiġifieri huwa kruċjali li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn sistema enerġetika iktar ekoloġika. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli  se tistabbilixxi mira ikbar li 40% tal-enerġija tagħna tiġi prodotta minn sorsi rinnovabbli sal-2030. L-Istati Membri kollha se jikkontribwixxu għal dan il-għan, u qed jiġu proposti miri speċifiċi għall-użu ta' enerġija rinnovabbli fit-trasport, it-tisħin u t-tkessiħ, il-binjiet u l-industrija. Sabiex nilħqu l-għanijiet kemm klimatiċi kif ukoll ambjentali tagħna, il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-użu tal-bijoenerġija ġew imsaħħa u l-Istati Membri jridu jfasslu kwalunkwe skemi ta' appoġġ għall-bijoenerġija b'mod li jirrispetta l-prinċipju ta' użu kaskata għall-użu tal-bijomassa tal-injam.
  • Sabiex jitnaqqas l-użu tal-enerġija ġenerali, jitnaqqsu l-emissjonijiet u jittieħed kont tal-faqar enerġetiku, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija  se tistabbilixxi mira annwali vinkolanti iktar ambizzjuża għat-tnaqqis tal-użu tal-enerġija fil-livell tal-UE. Se tiggwida kif il-kontribuzzjonijiet nazzjonali se jkunu stabbiliti u kważi tirdoppja l-obbligu għall-iffrankar tal-enerġija annwali għall-Istati Membri. Is-settur pubbliku se jintalab jirrinnova 3 % tal-binjiet tiegħu kull sena sabiex imexxi 'l quddiem il-mewġa ta' rinnovazzjoni, joħloq l-impjiegi u jrażżan l-użu tal-enerġija u l-ispejjeż għall-kontribwenti tat-taxxa.
  • Hija meħtieġa taħlita ta' miżuri sabiex jiġu indirizzati l-emissjonijiet li qed jiżdiedu tat-trasport bit-triq sabiex jikkumplementaw l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Standards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet iktar stretti  se jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn mobbiltà b'emissjonijiet żero billi jirrikjedu li l-karozzi ġodda jnaqqsu l-emissjonijiet medji tagħhom b'55 % mill-2030 u b'100 % mill-2035 meta mqabbla mal-livelli tal-2021. B'riżultat ta' dan, il-karozzi kollha ġodda rreġistrati mill-2035 se jkunu ta' emissjonijiet żero. Sabiex jiġi żgurat li s-sewwieqa jkunu kapaċi jiċċarġjaw jew jagħtu l-fjuwil lill-vetturi tagħhom f'network affidabbli fl-Ewropa kollha, ir-Regolament rivedut dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi  se jirrikjedi li l-Istati Membri jestendu l-kapaċità tagħhom tal-iċċarġjar skont il-bejgħ tal-karozzi b'emissjonijiet żero, u li jinstallaw punti ta' ċċarġjar f'intervalli regolari fuq l-awtostradi ewlenin: kull 60 kilometru għall-iċċarġjar elettriku u kull 150 kilometru għar-riforniment tal-idroġenu.
  • Il-fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni jikkawżaw tniġġis sinifikanti u jirrikjedu wkoll azzjoni ddedikata, li tikkumplementa l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi jirrikjedi li l-ajruplani u l-bastimenti jkollhom aċċess għal provvista ta' elettriku nadif fil-portijiet u l-ajruporti ewlenin. L-Inizjattiva ReFuelEU Aviation  se tobbliga lill-fornituri tal-fjuwil biex iħalltu livelli dejjem ikbar ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli fil-fjuwil tal-ġettijiet li jidħol fl-ajruporti tal-UE, inkluż il-fjuwils sintetiċi baxxi fil-karbonju, magħrufa bħala e-fjuwils. B'mod simili, l-Inizjattiva FuelEU Maritime  li tistimola l-użu ta' fjuwils marittimi sostenibbli u teknoloġiji b'emissjonijiet żero billi timponi limitu massimu fuq il-kontenut ta' gass serra tal-enerġija użata mill-vapuri li jaslu fil-portijiet Ewropej.
  • Is-sistema tat-taxxa għall-prodotti tal-enerġija trid tissalvagwardja u ttejjeb is-Suq Uniku u tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika billi tistabbilixxi l-inċentivi t-tajbin. Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija  tipproponi li t-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija tiġi allinjata mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, biex jiġu promossi teknoloġiji nodfa u jitneħħew eżenzjonijiet skaduti u rati mnaqqsa li bħalissa jinkoraġġixxu l-użu tal-fjuwils fossili. Ir-regoli l-ġodda għandhom il-mira li jnaqqsu l-effetti dannużi tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq l-enerġija, u jiżguraw dħul għall-Istati Membri mit-taxxi ekoloġiċi, li huma inqas detrimentali għat-tkabbir mit-taxxi fuq il-manodopera.
  • Finalment, Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera  ġdid se jpoġġi prezz fuq l-importazzjonijiet ta' għażla mmirata ta' prodotti sabiex jiżgura li l-azzjoni klimatika ambizzjuża fl-Ewropa ma twassalx għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan se jiżgura li t-tnaqqis tal-emissjonijiet Ewropej jikkontribwixxi għal tnaqqis tal-emissjonijiet globali, minflok ma jimbotta l-produzzjoni intensiva fil-karbonju barra mill-Ewropa. Jimmira wkoll li jinkoraġġixxi l-industrija barra mill-UE u s-sħab internazzjonali tagħna biex jieħdu passi fl-istess direzzjoni.

Dawn il-proposti huma lkoll konnessi u komplementarji. Għandna bżonn ta' dan il-pakkett ibbilanċjat, u tad-dħul li se jiġġenera, sabiex niżguraw tranżizzjoni li tagħmel lill-Ewropa ġusta, ekoloġika u kompetittiva, billi r-responsabbiltà tinqasam b'mod indaqs bejn setturi u Stati Membri differenti, u billi jiġi pprovdut appoġġ ulterjuri fejn ikun meħtieġ.

Tranżizzjoni Soċjalment Ġusta

Filwaqt li fuq medda medja ta' żmien u fit-tul, il-benefiċċji tal-politika klimatika tal-UE jisbqu biċ-ċar l-ispejjeż ta' din it-tranżizzjoni, il-politiki klimatiċi jġorru r-riskju li fuq medda qasira ta' żmien jagħmlu pressjoni żejda fuq il-familji vulnerabbli, il-mikrointrapriżi u l-utenti tat-trasport. Għaldaqstant, it-tfassil tal-politiċi fil-pakkett tal-lum jifrex b'mod ġust l-ispejjeż involuti biex nieħdu ħsieb u nadattaw għat-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, l-istrumenti għall-ipprezzar tal-karbonju jiġġeneraw dħul li jista' jiġi investit mill-ġdid biex jixpruna l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti f'teknoloġiji nodfa. Qed jiġi propost Fond Soċjali għall-Azzjoni Klimatika ġdid biex jipprovdi finanzjament dedikat lil Stati Membri li jgħin liċ-ċittadini jiffinanzjaw investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fis-sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ ġodda, u f'mobbiltà iktar nadifa. Il-Fond Soċjali għall-Azzjoni Klimatika jkun finanzjat mill-baġit tal-UE, billi jintuża ammont ekwivalenti għal 25 % tad-dħul mistenni mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-binjiet u għall-fjuwils tat-trasport bit-triq. Se jipprovdi €72.2 biljun f'finanzjament lill-Istati Membri, għall-perjodu 2025-2032, ibbażati fuq emenda mmirata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Bi proposta biex jieħu minn finanzjament pariġġ tal-Istati Membri, il-Fond jimmobilizza €144.4 biljun għal tranżizzjoni soċjalment ġusta.

Il-benefiċċji li naġixxu issa biex nipproteġu lin-nies u lill-pjaneta huma ċari: arja iktar nadifa, bliet u rħula iktar friski u ħodor, ċittadini iktar f'saħħithom, użu tal-enerġija u kontijiet iktar baxxi, postijiet tax-xogħol, teknoloġiji u opportunitajiet industrijali Ewropej, iktar spazju għan-natura, u pjaneta iktar f'saħħitha x'ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri. L-isfida fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ewropa hija li niżguraw li l-benefiċċji u l-opportunitajiet li jiġu magħha jkunu disponibbli għal kulħadd, malajr u bl-iktar mod ġust possibbli. Billi nużaw l-għodod ta' politika differenti disponibbli fil-livell tal-UE, nistgħu niżguraw li l-pass tal-bidla jkun biżżejjed, iżda ma joħloqx wisq tfixkil.

Sfond

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-11 ta' Diċembru 2019, jistabbilixxi l-mira li nagħmlu l-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tidħol fis-seħħ dan ix-xahar, tnaqqax f'leġiżlazzjoni vinkolanti l-impenn tal-UE għan-newtralità klimatika u l-mira intermedja li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra netti b'mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990. L-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 55 % sal-2030 ġie kkomunikat lill-UNFCCCf'Diċembru 2020 bħala l-kontribuzzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi.

B'riżultat tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE diġà tnaqqsu b'24 %meta mqabbel mal-1990, filwaqt li l-ekonomija tal-UE, fuq l-istess perjodu kibret b'madwar 60 % b'mod illi jifred it-tkabbir minn mal-emissjonijiet. Dan il-qafas leġiżlattiv ittestjat u ppruvat huwa l-bażi għal dan il-pakkett ta' leġiżlazzjoni.

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjonijiet tal-impatt estensivi qabel ma ppreżentat dawn il-proposti, sabiex tkejjel l-opportunitajiet u l-kostijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika. F'Settembru 2020, valutazzjoni tal-impatt komprensiva kienet il-bażi għall-proposta tal-Kummissjoni li titkabbar il-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-UE għall-2030 għal mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Din uriet li din il-mira hija kemm fattibbli, kif ukoll ta' benefiċċju. Il-proposti leġiżlattivi tal-lum huma appoġġati minn valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati, li jieħdu kont tal-interkonnessjoni ma' partijiet oħra tal-pakkett.

Il-baġit fit-tul tal-UE għas-seba' snin li ġejjin se jipprovdu appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. 30 % tal-programmi taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 ta' €2 triljuni u NextGenerationEU huma ddedikati biex jappoġġaw l-azzjoni klimatika; 37 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza  ta' € 723.8 biljun fi prezzijiet attwali), li se jiffinanzjaw il-programmi ta' rkupru nazzjonali tal-Istati Membri taħt NextGenerationEU, huma allokati għall-azzjoni klimatika.

Membri tal-Kulleġġ qalu: 

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, qalet: “L-ekonomija tal-fjuwils fossili laħqet il-limiti tagħha. Irridu nħallu lill-ġenerazzjoni li jmiss pjaneta f'saħħitha kif ukoll impjiegi tajbin u tkabbir li ma jagħmilx ħsara lin-natura tagħna. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija ta' tkabbir tagħna li riesqa 'l quddiem lejn ekonomija dekarbonizzata. L-Ewropa kienet l-ewwel kontinent li ddikjara li jrid isir newtrali għall-klima fl-2050, u llum aħna l-ewwel li qed inpoġġu pjan konkret fuq il-mejda. L-Ewropa qed taġixxi wkoll fuq il-politiki dwar il-klima li tfassal, permezz tal-innovazzjoni, l-investiment u l-kumpens soċjali.”

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans, qal: “Dan huwa d-deċennju tas-suċċess jew tal-falliment tal-ġlieda tagħna kontra l-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità. L-Unjoni Ewropea stabbiliet miri ambizzjużi u llum qed nippreżentaw kif nistgħu nilħquhom. Biex naslu għal futur ekoloġiku u f'saħħtu għal kulħadd irid isir sforz konsiderevoli f'kull settur u f'kull Stat Membru. Flimkien, il-proposti tagħna se jixprunaw il-bidliet neċessarji, se jippermettu liċ-ċittadini kollha jesperjenzaw il-benefiċċji tal-azzjoni klimatika malajr kemm jista' jkun, u se jipprovdu l-appoġġ lill-familji l-iktar vulnerabbli. It-tranżizzjoni tal-Ewropa se tkun ġusta, ekoloġika u kompetittiva. 

Il-Kummissarju għall-Ekonomija Paolo Gentiloni qal: “L-isforzi tagħna biex nikkumbattu t-tibdil fil-klima jridu jkunu ambizzjużi politikament, koordinati globalment u ekwi soċjalment. Qed naġġornaw ir-regoli dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija tagħna, li issa għandhom mal-għoxrin sena, biex niżguraw l-użu ta' fjuwils iktar ekoloġiċi u nnaqqsu l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fuq l-enerġija. U qed nipproponu mekkaniżmu ta' aġġustament fil-fruntiera għall-karbonju li se jallinja l-prezz tal-karbonju fuq l-importazzjonijiet ma' dak applikabbli fl-UE. B'rispett sħiħ lejn l-impenji tagħna mad-WTO, dan se jiżgura li l-ambizzjoni tagħna għall-klima ma tiġix imminata minn azjendi barranin suġġetti għal rekwiżiti ambjentali iktar laxki. Se jinkoraġġixxi wkoll standards iktar ekoloġiċi barra mill-fruntieri tagħna. Dan huwa l-mument tas-suċċess jew tal-falliment. Ma' kull sena li tgħaddi r-realtà terribbli tat-tibdil fil-klima qed tidher dejjem iktar: Illum nikkonfermaw id-determinazzjoni tagħna biex naġixxu qabel ma jkun tard wisq.”

Il-Kummissarju għall-Enerġija, Kadri Simson, qalet: L-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma nagħtu sura ġdida lis-sistema tal-enerġija tagħna - dan huwa fejn qed jiġu ġġenerati l-iktar l-emissjonijiet. Sabiex niksbu newtralità klimatika sal-2050, irridu nibdlu l-evoluzzjoni tar-rinnovabbli f'rivoluzzjoni u niżguraw li ma tinħela l-ebda enerġija aħna u nagħmlu dan. Il-proposti tal-lum jistabbilixxu miri iktar ambizzjużi, ineħħu l-ostakli u jżidu l-inċentivi sabiex noqorbu dejjem iktar malajr lejn sistema ta' enerġija newtrali.”

Il-Kummissarju għat-Trasport, Adina Vălean, qalet: “Bit-tliet inizjattivi speċifiċi għat-trasport tagħna - ReFuel Aviation, FuelEU Maritime u r-Regolament dwar l-Infrastruttura għall-Karburanti Alternattivi - se nappoġġaw it-tranżizzjoni tas-settur tat-trasport lejn sistema li tibqa' valida fil-futur. Se noħolqu suq għall-fjuwils alternattivi sostenibbli u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li npoġġu l-infrastruttura adatta biex niżguraw li jibdew jintużaw vetturi u bastimenti b'emissjonijiet żero b'mod wiesa'. Dan il-pakkett se jeħodna lil hinn mill-mobbiltà u l-loġistika tal-ekoloġizzazzjoni. Huwa opportunità biex l-UE ssir suq pilota għal teknoloġija mill-aktar avvanzata.”

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius, qal: Il-foresti huma parti kbira mis-soluzzjoni għal ħafna mill-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom meta niġu biex nindirizzaw il-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità. Huma wkoll kruċjali biex inwasslu l-miri klimatiċi tal-UE għall-2030. Iżda l-istatus attwali tal-konservazzjoni tal-foresti mhux favorevoli fl-UE. Irridu nżidu l-użu tal-prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-bijodiversità u niżguraw is-saħħa u r-reżiljenza tal-ekosistemi tal-foresti. L-Istrateġija tal-Foresti għandha rwol importanti fil-mod kif nipproteġu, nimmaniġġjaw, u nkabbru l-foresti tagħna, għall-pjaneta, in-nies u l-ekonomija tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Janusz Wojciechowski, qal: “Il-Foresti huma essenzjali fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima. Jipprovdu wkoll impjiegi u tkabbir fiż-żoni rurali, materjal sostenibbli biex tiġi żviluppata l-bijoekonomija, u servizzi ta' ekosistema ta' valur lis-soċjetà tagħna. L-Istrateġija tal-Foresti, peress li tindirizza l-aspetti soċjali, ekonomiku u ambjentali f'daqqa, għandha l-mira li tiżgura u li ssaħħaħ il-funzjonalità tal-foresti tagħna u taċċentwa r-rwol fundamentali ta' miljuni ta' forestieri li jaħdmu fihom. Il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida se tkun opportunità għal appoġġ iktar immirat għall-forestieri tagħna u għall-iżvilupp sostenibbli tal-foresti tagħna”.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Lulju 2021