Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa15 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali

First buds of spring

Illum, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva ġdida tal-UE biex tiġġieled kontra l-kriminalità ambjentali, filwaqt li tissodisfa l-impenn ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-proposta għandha l-għan li tagħmel il-ħarsien tal-ambjent aktar effettiv billi tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri tal-liġi kriminali. Hija tiddefinixxi reati ambjentali ġodda, tistabbilixxi livell minimu għas-sanzjonijiet u ssaħħaħ l-effettività tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Tobbliga wkoll lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jassistu lin-nies li jirrapportaw reati ambjentali u jikkooperaw mal-infurzar. Din il-proposta se tgħin biex tipproteġi n-natura u r-riżorsi naturali, kif ukoll is-saħħa pubblika u l-benesseri.

Għanijiet ewlenin tal-proposta

Il-proposta tistabbilixxi reati kriminali ambjentali ġodda tal-UE,inkluż il-kummerċ illegali tal-injam, ir-riċiklaġġ illegali tal-bastimenti jew l-estrazzjoni illegali tal-ilma. Barra minn hekk, il-proposta tiċċara d-definizzjonijiet eżistenti ta' reati kriminali ambjentali, u tipprovdi għal aktar ċertezza legali. 

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi denominatur minimu komuni għal sanzjonijiet għal reati ambjentali. Fejn ir-reat jikkawża jew x'aktarx jikkawża mewt jew korriment serju lil kwalunkwe persuna, l-Istati Membri għandhom jipprovdu mill-inqas priġunerija sa għaxar snin. L-abbozz ta' liġi jipproponi wkoll sanzjonijiet addizzjonali, inkluż ir-restawr tan-natura, l-esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku u l-proċeduri ta' akkwist jew l-irtirar ta' permessi amministrattivi.

Il-proposta għandha l-għan ukoll li tagħmel l-investigazzjonijiet rilevanti u l-proċedimenti kriminali aktar effettivi. Hija tipprovdi appoġġ lill-ispetturi, il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin permezz ta' taħriġ, għodod investigattivi, koordinazzjoni u kooperazzjoni, kif ukoll ġbir aħjar ta' data u statistika. Il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru jiżviluppa strateġiji nazzjonali li jiżguraw approċċ koerenti fil-livelli kollha tal-infurzar u d-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa.

Il-proposta se tgħin fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni transfruntiera. Ir-reati ambjentali spiss ikollhom impatt fuq diversi pajjiżi (pereżempju t-traffikar illeċitu ta' organiżmi selvaġġi) jew ikollhom effetti transfruntiera (pereżempju fil-każ ta' tniġġis transfruntier tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija). L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jistgħu jindirizzaw dawn ir-reati biss meta jaħdmu flimkien bejn il-fruntieri.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri billi toffri lill-prattikanti tal-infurzar tal-liġi u n-networks professjonali tagħhom pjattaforma għal diskussjonijiet strateġiċi u tipprovdilhom assistenza finanzjarja. Fl-aħħar nett, peress li l-kriminalità ambjentali hija fenomenu globali, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Fi kliem il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans“Il-qerda intenzjonata tal-ambjent naturali tagħna thedded is-sopravivenza tagħna stess bħala umanità. Dawk li jitħallew jiksru l-liġi b'impunità jkunu qed idgħajfu l-isforzi kollettivi tagħna biex nipproteġu n-natura u l-bijodiversità, niġġieldu kontra l-kriżi klimatika, innaqqsu t-tniġġis, u neliminaw l-iskart. L-abbużi serji jridu jiġu indirizzati b'rispons serju, u l-proposta tal-lum tħejji l-bażi għal dan.”

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová qalet: “L-ambjent m'għandux fruntieri u r-reati kontrih juru l-effetti negattivi tagħhom madwar l-Istati Membri. Irridu nużaw kull mezz possibbli biex nipproteġu l-ambjent fil-livell tal-Unjoni. Il-liġi kriminali hija waħda minnhom, u din il-proposta se tagħti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-ġudikatura l-għodod biex jaġixxu b'mod aktar effettiv kontra r-reati ambjentali madwar l-Unjoni.” 

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius, qal: “Ir-reati ambjentali jikkawżaw ħsara irriversibbli u fit-tul lis-saħħa tan-nies u lill-ambjent. Madankollu, huma diffiċli biex jiġu investigati u mressqa quddiem il-Qorti, waqt li s-sanzjonijiet għandhom it-tendenza li jkunu dgħajfa. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nsaħħu l-liġi kriminali ambjentali tagħna. Fi żmien meta l-komunità internazzjonali tiddiskuti r-reat tal-ekoċidju, livell għoli ta' protezzjoni ambjentali mhux biss huwa importanti għall-ġenerazzjonijiet preżenti iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri hekk kif nirduppjaw l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni ambjentali.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, qal: “M'hemmx ħin x'nitilfu. Irridu niżguraw li r-regoli tagħna dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali jkunu mmirati u li l-ambizzjonijiet ikunu biżżejjed biex tinħoloq bidla reali. B'din id-direttiva l-ġdida, għandna għodda b'saħħitha oħra biex nipproteġu l-ambjent u fl-aħħar mill-aħħar il-pjaneta tagħna. Il-proposta tal-lum tibni fuq it-tagħlimiet meħuda u l-esperjenza miksuba matul dawn l-aħħar snin u se tindirizza direttament il-kawżi ewlenin li pprevenew il-protezzjoni tal-ambjent milli tkun effettiva daqs kemm għandha tkun.

Il-passi li jmiss

Din il-proposta leġiżlattiva issa se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Kuntest

L-impatt tal-kriminalità ambjentali fuq l-ambjent naturali fl-Ewropa u fid-dinja jimmanifesta ruħu f'livelli dejjem akbar ta' tniġġis, degradazzjoni tal-organiżmi selvaġġi, tnaqqis fil-bijodiversità u tfixkil tal-bilanċ ekoloġiku.

Il-kriminalità ambjentali tħalli ħafna qligħ — tista' tkun profittabbli daqs it-traffikar illegali tad-droga — iżda s-sanzjonijiet huma ħafna aktar baxxi, u jkun hemm prosekuzzjoni inqas ta' spiss. Dawn il-fatturi jagħmluha attraenti ħafna għall-gruppi tal-kriminalità organizzata.

Il-proposta tikkontribwixxi għall-Pjan ta' Azzjoni għal Tniġġis Żero, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u tippromwovi l-istat tad-dritt ambjentali.

Il-proposta tal-lum issegwi l-pubblikazzjoni fl-2020 tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali tal-2008 (id-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali). Ir-riżultati jindikaw li l-għadd ta' każijiet ambjentali li għaddew minn prosekuzzjoni b'suċċess kien baxx, is-sanzjonijiet kienu insuffiċjenti wisq biex ikunu deterrent u l-kooperazzjoni transfruntiera kienet dgħajfa. 

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u tweġibiet

Skeda informattiva dwar it-tisħiħ tad-dritt tal-Unjoni biex niġġieldu kontra r-reati ambjentali

Proposta għal Direttiva ġdida dwar ir-reati ambjentali

Komunikazzjoni li takkumpanja l-proposta

Fuljett dwar il-ġlieda kontra r-reati ambjentali u ksur relatat

Gwida fil-Qosor dwar il-ġlieda kontra r-reati ambjentali u l-ksur relatat

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta