Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet28 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: maqbula liġi ambizzjuża ġdida biex tiġi implimentata infrastruttura tal-fjuwils alternattivi suffiċjenti

Solar Panel

Il-Kummissjoni tilqa' l-qbil politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jikber l-għadd ta' stazzjonijiet aċċessibbli pubblikament tal-irriċarġjar u r-riforniment tal-idroġenu b'mod partikolari fl-aktar kuriduri passaġġużi u n-nodi ewlenin tat-trasport fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa ftehim storiku li se jippermetti t-tranżizzjoni lejn trasport b'emissjonijiet żero u jikkontribwixxi għall-mira li nnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55 % sal-2030.

Ir-Regolament il-ġdid għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi (AFIR) jistabbilixxi miri obbligatorji għall-implimentazzjoni għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu għas-settur tat-toroq, għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma navigabbli intern, u għall-provvista tal-elettriku tal-inġenji tal-ajru stazzjonarji. Billi jipprovdi d-disponibbiltà ta' infrastruttura minima tal-irriċarġjar u tar-riforniment madwar l-UE, ir-Regolament itemm it-tħassib tal-konsumaturi dwar id-diffikultà li vettura tiġi ċċarġjata jew alimentata mill-ġdid. L-AFIR iwitti wkoll it-triq għal esperjenza ta' rriċarġjar u riforniment ta' fjuwil faċli għall-utent, bi trasparenza tal-prezz kompleta, għażliet minimi komuni ta' kif isir il-ħlas u informazzjoni koerenti għall-konsumatur fl-UE kollha.

Infrastruttura għat-trasport bit-triq, bil-baħar u bl-ajru 

Ir-regoli l-ġodda tal-AFIR se jiżguraw infrastruttura ta' fjuwils alternattivi suffiċjenti u faċli biex jintużaw, fit-toroq, fil-baħar u fl-ajru. Dan se jippermetti l-użu ta' vetturi tat-triq b'emissjonijiet żero, b'mod partikolari vetturi ħfief u tqal elettriċi tal-idroġenu, kif ukoll il-provvista tal-elettriku lill-bastimenti fil-portijiet u lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji. B'mod speċifiku, il-miri ewlenin ta' implimentazzjoni li ġejjin iridu jintlaħqu fl-2025 jew fl-2030:

1) L-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-karozzi u l-vannijiet trid tikber bl-istess pass tal-adozzjoni tal-vetturi. Għal dak il-għan, għal kull karozza elettrika bil-batterija rreġistrata f'xi Stat Membru li jkun, irid jiġi pprovdut output ta' potenza ta' 1.3 kW minn infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, kull 60 km tul in-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), jeħtieġ li jiġu installati stazzjonijiet tal-irriċarġjar veloċi ta' mill-inqas 150 kW mill-2025 'il quddiem.

2) Irid ikun hemm implimentazzjoni ta' stazzjonijiet tal-irriċarġjar iddedikati għall-vetturi heavy-duty b'output minimu ta' 350 kW kull 60 km tul in-network ewlieni TEN-T, u kull 100 km fuq in-network komprensiv TEN-T akbar mill-2025 'il quddiem, u sal-2030 trid tinkiseb kopertura sħiħa tan-network. Barra minn hekk, l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar iridu jiġu installati f'żoni ta' parkeġġ siguri u bla periklu għall-irriċarġjar matul il-lejl kif ukoll fin-nodi urbani għall-vetturi tal-konsenja.

3) Infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu li tista' taqdi kemm il-karozzi kif ukoll it-trakkijiet trid tiġi implimentata mill-2030 'il quddiem fin-nodi urbani kollha u kull 200 km tul in-network ewlieni TEN-T, filwaqt li jiġi żgurat network dens biżżejjed biex il-vetturi tal-idroġenu jkunu jistgħu jivvjaġġaw madwar l-UE.

4) Il-portijiet marittimi li jilqgħu mill-inqas 50 waqfa minn bastimenti kbar tal-passiġġieri, jew 100 waqfa minn bastimenti tal-kontejners, iridu jipprovdu elettriku mill-art għal tali bastimenti sal-2030. Dan mhux talli jgħin ħalli jnaqqas l-impronta tal-karbonju tat-trasport marittimu, iżda jnaqqas ukoll b'mod sinifikanti t-tniġġis tal-arja lokali fiż-żoni tal-portijiet. 

5) L-ajruporti jridu jipprovdu elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji fl-istands kollha ta' kuntatt (Gates) sal-2025, u fl-istands remoti kollha (pożizzjonijiet fuq barra) sal-2030. 

6) L-operaturi tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar tal-elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu jridu jiżguraw trasparenza sħiħa fil-prezzijiet, joffru metodu ta' pagament ad hoc komuni bħal kard ta' debitu jew ta' kreditu, u jagħmlu d-data rilevanti, bħal dik fuq il-post, disponibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, u b'hekk jiżguraw li l-klijent ikun infurmat bis-sħiħ.

Il-passi li jmiss

Il-qbil politiku li ntlaħaq din il-ġimgħa issa jrid jiġi adottat formalment. Meta dan il-proċess jitlesta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ir-regoli l-ġodda jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħlu fis-seħħ wara perijodu tranżitorju ta' sitt xhur.

Sfond

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tkabbir biex sal-2050 l-UE jkollha impatt newtrali fuq il-klima. Biex tilħaq din il-mira, l-UE trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Ftehim ta' din il-ġimgħa huwa pass importanti ieħor fl-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta' 55 %” tal-Kummissjoni biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan isegwi ftehimiet reċenti oħra, l-aktar reċenti dwar il-fjuwils sostenibbli għat-trasport marittimu.

Għal aktar Informazzjoni

Proposti “Lesti għall-mira ta' 55 %”

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
28 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta