Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet23 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Patt Ekoloġiku Ewropew: Intlaħaq ftehim dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu permezz tal-promozzjoni ta' fjuwils sostenibbli għat-trasport marittimu

Ship

Il-Kummissjoni sodisfatta bil-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jżid il-kontribut tas-settur tat-trasport marittimu biex tintlaħaq il-mira għall-UE kollha li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55 %, u li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-2050.

Kmieni dalgħodu l-koleġiżlaturi qablu dwar FuelEU Maritime —regolament ġdid tal-UE li jiżgura li l-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwils użati mis-settur tat-trasport marittimu tonqos gradwalment maż-żmien, b' 2 % fl-2025 sa 80 % sal-2050. Din il-miżura se tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tat-trasport marittimu billi tippromwovi l-użu ta' fjuwils u ta' enerġija aktar nodfa.

Il-patt jikkomplementa l-ftehim proviżorju li ntlaħaq fit-18 ta' Diċembru 2022 biex l-emissjonijiet tat-trasport marittimu jiġu inklużi fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS), it-tnejn li huma inizjattivi ewlenin fl-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi.

Dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu

Fl-UE, it-trasport fuq l-ilma ġġenera bejn 3 sa 4 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-2021. Minkejja tnaqqis fl-attività fl-2020 minħabba l-pandemija tal-coronavirus, it-trasport marittimu huwa mistenni li jikber, xprunat minn żieda fid-domanda għar-riżorsi primarji u għat-trasport bil-kontejners.

L-inizjattiva FuelEU Maritime se tgħin fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport marittimu billi tistabbilixxi l-limiti massimi fuq l-intensità annwali tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord vapur. Dawk il-miri se jsiru aktar ambizzjużi maż-żmien biex jistimulaw u jirriflettu l-iżviluppi mistennija fit-teknoloġija u ż-żieda fil-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-miri jkopru mhux biss is-CO2, iżda wkoll l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-fjuwils.

Ir-regoli l-ġodda jintroduċu wkoll rekwiżit addizzjonali ta' emissjonijiet żero waqt l-irmiġġ, li jobbliga l-użu tal-provvista tal-enerġija fuq l-art (OPS) jew tat-teknoloġiji alternattivi b'emissjonijiet żero fil-portijiet mill-vapuri tal-passiġġieri u mill-bastimenti tal-kontejners, bil-ħsieb li jittaffew l-emissjonijiet tat-tniġġis tal-arja fil-portijiet, li spiss ikunu qrib żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni.

L-inizjattiva FuelEU Maritime tieħu approċċ newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u bbażat fuq l-għanijiet u , li jippermetti l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-fjuwils ġodda biex jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri, u joffri lill-operaturi l-libertà li jiddeċiedu liema fosthom jużaw abbażi ta' profili speċifiċi għall-bastimenti jew speċifiċi għall-operat. Ir-Regolament jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta' akkomunament volontarju. Fl-ambitu ta' din l-iskema, il-bastimenti se jitħallew jiġbru flimkien il-bilanċ tal-konformità tagħhom ma' bastiment wieħed ieħor jew aktar. Għaldaqstant, se jkun il-grupp kollu li jrid jilħaq il-limiti tal-intensità tal-gassijiet serra bħala medja.

Il-mandat armonizzat tal-UE se jżomm kundizzjonijiet ekwi u jiżgura li s-suq għall-fjuwils marittimi sostenibbli jikber u li t-trasport marittimu jkompli jiffunzjona tajjeb huwa u jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi tal-UE. Se jagħmel dan billi jżid id-domanda għall-fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan se jipprovdi ċertezza legali għall-operaturi tal-bastimenti u għall-produtturi tal-fjuwil u se jgħin biex jixpruna l-produzzjoni fuq skala kbira tal-fjuwils marittimi sostenibbli. Min-naħa tiegħu, dan se jgħin inaqqas id-differenza fil-prezzijiet bejn il-fjuwils fossili u l-għażliet sostenibbli. Ġie inkluż reġim ta' inċentivi speċjali biex jappoġġa l-użu ta' fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika b'potenzjal għoli ta' dekarbonizzazzjoni.

Passi li jmiss

Il-Ftehim politiku li ntlaħaq dalgħodu issa jrid jiġi adottat formalment. Ladarba jitlesta dan il-proċess mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, ir-regoli l-ġodda jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħlu fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Kuntest

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tkabbir biex sal-2050 l-Ewropa ssir newtrali għall-klima. Biex tilħaq din il-mira, sal-2030 l-Ewropa trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Ftehim ta' dalgħodu huwa pass importanti ieħor fl-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta' 55 %” tal-Kummissjoni biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan isegwi ftehimiet politiċi oħra dwar partijiet minn dan il-pakkett, l-aktar reċenti dwar regoli aktar b'saħħithom biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika

Billi jikkontribwixxi għal madwar 75 % tal-volumi tan-negozju estern tal-UE u għal 31 % tal-volumi tan-negozju intern tal-UE, it-trasport marittimu huwa komponent essenzjali tas-sistema tat-trasport tal-Ewropa u jaqdi rwol kritiku għall-ekonomija Ewropea. Attwalment, it-taħlita ta' fjuwils fis-settur marittimu tiddependi kompletament mill-fjuwils fossili. Biex tinkiseb in-newtralità klimatika, jeħtieġ li sal-2050 l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tat-trasport, inkluż mit-trasport marittimu, b' 90 % (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). Iż-żieda fl-użu tal-fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz tal-inizjattiva FuelEU Maritime u appoġġ akbar għall-innovazzjoni biex jiġi indirizzat l-impatt ambjentali tas-settur tat-trasport marittimu se jkunu kruċjali biex l-UE tilħaq l-objettivi klimatiċi tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi, u biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir realtà.

Għal aktar Informazzjoni

Proposti “Lesti għall-mira ta' 55 %”

Proposta għall-inizjattiva FuelEU Maritime

Ftehim proviżorju biex l-EU ETS tiġi estiża għall-emissjonijiet mis-settur marittimu

Tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport marittimu

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
23 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta