
Illum il-Kummissjoni Ewropea approvat valutazzjoni preliminari pożittiva tat-talba għal pagament ta' Malta għal €52.3 miljun (netti mill-prefinanzjament) f'għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), l-istrument ewlieni fil-qalba tan-NextGenerationEU.
Fid-19 ta' Diċembru 2022, Malta ppreżentat talba għal pagament lill-Kummissjoni abbażi tal-kisba tas-16-il stadju importanti u t-tliet miri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill għall-ewwel pagament parzjali.
L-istadji importanti u l-miri milħuqa juru l-progress sinifikanti li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta u l-aġenda wiesgħa tagħha għar-riforma u l-investiment. Dawn jinkludu miżuri importanti bħall-adozzjoni ta' strateġija biex jitnaqqas l-iskart permezz tar-riċiklaġġ fis-settur tal-kostruzzjoni, l-istabbiliment ta' faċilitajiet tal-uffiċċju li jippermettu li l-impjegati taċ-ċivil jaħdmu mill-bogħod fil-pajjiż kollu, riformi biex tingħata spinta lir-riċerka u l-investimenti industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni u riformi għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja.
Bit-talba tagħhom, l-awtoritajiet Maltin ipprovdew evidenza dettaljata u komprensiva li turi l-issodisfar tas-16-il stadju importanti u t-tliet miri. Il-Kummissjoni vvalutat din l-informazzjoni bir-reqqa qabel ma ppreżentat il-valutazzjoni preliminari pożittiva tagħha tat-talba għal pagament.
Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta jinkludi firxa wiesgħa ta' miżuri ta' investiment u riforma organizzati f'sitt komponenti tematiċi. Il-pjan se jkun appoġġat minn €258.3 miljun f'għotjiet, li 13 % minnhom (€41.1 miljun) ġew żborżati lil Malta fi prefinanzjament fis-17 ta' Diċembru 2021.
Il-pagamenti taħt l-RRF huma bbażati fuq il-prestazzjoni u jiddependu fuq l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-investimenti u r-riformi deskritti fil-pjanijiet rispettivi tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
Il-passi li jmiss
Issa l-Kummissjoni bagħtet il-valutazzjoni preliminari pożittiva tagħha tat-twettiq minn Malta tal-istadji importanti u l-miri meħtieġa għal dan il-pagament lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF), u talbet l-opinjoni tiegħu. L-opinjoni tal-KEF, li għandha tingħata fi żmien massimu ta' erba' ġimgħat, għandha titqies fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Wara l-opinjoni tal-KEF, il-Kummissjoni se tadotta d-deċiżjoni finali dwar l-iżborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja, f'konformità mal-proċedura ta' eżami, permezz ta' kumitat tal-komitoloġija. Wara li l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni, l-iżborż lil Malta jista' jsir.
Il-Kummissjoni se tivvaluta aktar talbiet għal pagament minn Malta abbażi tal-ilħiq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri deskritti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jirriflettu l-progress fl-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi.
L-ammonti żborżati lill-Istati Membri huma ppubblikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet:“Għandi aħbar tajba għal Malta. Bis-saħħa tas-suċċess tiegħu fl-ewwel sett ta' riformi u investimenti, il-pajjiż huwa lest li jirċievi l-ewwel pagament taħt in-NextGenerationEU. Ladarba l-Istati Membri jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, Malta se tirċievi aktar minn €50 miljun bħala riżultat tal-progress tajjeb tagħha fil-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza, li jiswa kważi €260 miljun. Malta ilha taħdem, pereżempju, fuq it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ż-żieda fl-indipendenza tal-ġudikatura. Malta tejbet ukoll l-immappjar tal-investimenti fl-innovazzjoni industrijali u tejbet l-immaniġġjar tal-iskart, għall-benefiċċju tal-ekonomija ċirkolari. Fl-aħħar nett, aħna kuntenti bil-miżuri importanti li ttieħdu biex l-iskejjel isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Ibqa' sejra hekk, Malta! Il-Kummissjoni tinsab miegħek, fi triqtek lejn l-irkupru.”
Għal Aktar Informazzjoni
Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar it-talba għal żborż ta' Malta taħt NextGenerationEU
Stqarrija għall-istampa dwar €41.1 miljun fi prefinanzjament lil Malta
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta
Skeda informattiva dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta
Proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill
Anness tal-Proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill
Dokument ta' ħidma tal-persunal
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Tabella ta' Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza
Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Sit web dwar l-UE bħala mutwatarja
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 27 Jannar 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta