Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa2 Diċembru 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Il-Kummissjoni Ewropea - Konferenza dwar il-lingwa bħala għodda għal soċjetà aktar inklużiva

David

Il-lingwa Maltija kif tista’ tintuża biex tkun aktar inklużiva? Dak li qed niktbu huwa aċċessibbli għal kulħadd? Qegħdin mingħajr ma nafu nonqsu lil gruppi ta’ nies bil-mod li bih niktbu u kif nippreżentawh? Kif nistgħu noħolqu materjal li jista’ jinftiehem u jitgawda minn aktar nies? 

Dawn huma domandi li ser ikunu qegħdin jiġu indirizzati fil-konferenza Niktbu għal kulħadd: il-kitba inklużiva u l-kontenut aċċessibbli f’Malta li se ssir fl-Università l-Qadima tal-Belt Valletta fit-2 ta’ Diċembru 2023

Fiha se jitkellmu esperti internazzjonali u lokali dwar kif il-lingwa tista’ tkun mezz għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-kelliem ewlieni, Prof. Jorge Díaz Cintas minn University College London, huwa awtorità dinjija fuq l-aċċessibbiltà u l-kontenut sensittiv fil-midja, u huwa meqjus bħala pijunier fit-traduzzjoni awdjoviżiva. Prof. Díaz Cintas se jkun qiegħed jitkellem dwar il-kontenut potenzjalment sensittiv fil-midja u kif jista’ jiġi ttrattat. 

Il-konferenza se tiftaħha l-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Dr Helena Dalli, li għandha l-inkarigu li ssaħħaħ l-impenn tal-Ewropa favur l-ugwaljanza u l-inklużjoni f’kull sens tagħhom, inkluż permezz tal-lingwa. F’kummenti qabel il-konferenza, Dr Dalli qalet:  “Is-sena d-dieħla niċċelebraw 20 sena tal-Malti bħala lingwa uffiċjali tal-UE. Dan l-istatus huwa ta’ importanza kritika għax jippermetti l-aċċess għall-istituzzjonijiet tal-UE u jiżgura li l-Maltin jistgħu jsemmgħu t-tħassib tagħhom u jirċievu l-informazzjoni bil-lingwa tagħhom stess. L-istituzzjonijiet tal-UE huma impenjati li jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd, f’kull lingwa uffiċjali, biex b’hekk jiġu eliminati l-ostakli.”

“Aħna nistinkaw biex nilħqu lil kulħadd b’lingwaġġ li huwa ċar u aċċessibbli, u b’mezzi differenti, aħna u nirrikonoxxu l-karatteristiċi uniċi ta’ kull lingwa. Nirringrazzja lil kull min jikkontribwixxi għat-traduzzjoni tat-testi u l-interpretar għall-Malti għas-servizz kbir li jagħtu lin-nazzjon Malti, inkluż l-iżvilupp tal-lingwa nfisha.”

Dr Giselle Spiteri Miggiani mill-Università ta’ Malta, li introduċiet l-istudju tat-traduzzjoni awdjoviżiva lokalment, se tkun qiegħda tippreżenta l-ħidma li qiegħda ssir f’Malta biex xogħlijiet artistiċi differenti jkunu aċċessibbli għal firxa usa’ ta’ nies. 
“Il-lingwa u t-traduzzjoni huma wkoll mezzi sabiex il-kontenut awdjoviżiv u l-arti viżiva u performattiva tkun aċċessibbli fuq livell lingwistiku, kulturali u sensorju, biex jinkludu persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ, u biex b’hekk titrawwem l-inklużjoni f'sens usa’” qalet Dr Spiteri Miggiani, waħda mill-organizzaturi tal-attività.
 
Romario Sciberras se jkun qiegħed jaqsam ir-riċerka tiegħu fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti dwar it-taħdit inklużiv fil-Malti, dwar l-isfidi għal dan u l-alternattivi possibbli li jirrispettaw il-lingwa Maltija.  
“Se nħarsu lejn il-modi kif il-Malti, li dejjem mexa maż-żminijiet, qed joffri l-lingwaġġ biex nitkellmu dwar realtajiet li jew huma ġodda jew kienu hemm u ma ridniex nitkellmu fuqhom,” qal il-Prof. Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. 
“Imma se nħarsu wkoll lejn modi kif aħna nistgħu, konxjament, nużaw dak li diġà hemm fil-Malti u dak li nistgħu ndaħħlu fil-Malti biex noħolqu lingwaġġ ġdid li jirrifletti l-ilħna ta’ kulħadd. Jiġifieri jirrifletti l-esperjenzi differenti u kollha importanti tal-komunitajiet u l-individwi li jinqdew bil-Malti u li se jibdew jinqdew bil-Malti.”  
“Meta nirsistu biex il-lingwaġġ ikun kemm jista' jkun inklużiv inkunu qed intellgħu mill-bir fond ta' lingwa qadima li dejjem tiġġedded b'ilmijiet ġodda,” temm jgħid. 
 

Din l-attività hija parti mill-kalendarju ta’ Translating Europe Workshops organizzati mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DGT) tal-Kummissjoni Ewropea madwar l-Unjoni Ewropea, u qed tittella’ bi sħab mad-Dipartimenti tal-Malti u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretarfl-Università ta’ Malta. Il-preżentazzjonijiet se jixxandru online, u se jkun hemm ukoll l-interpretazzjoni għall-Ingliż u għal-lingwa tas-sinjali Maltija għall-parteċipanti fis-sala. 

Minbarra l-preżentazzjonijiet, se jkun hemm ukoll żewġ workshops prattiċi dwar il-kitba inklużiva kif ukoll dwar il-kitba ċara. Din tal-aħħar tkompli fuq il-ħidma li d-DGT diġà jagħmel favur il-kitba ċara, minħabba li hija mezz sempliċi u effettiv biex aktar nies jifhmu u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea.  

“Il-lingwa hija espressjoni ħajja tal-identità ta’ poplu. Għandha s-saħħa li tifred u li tgħaqqad, li tweġġa’ u li twennes, u għalhekk huwa essenzjali li neżaminaw il-mod li bih niktbu u nitkellmu u kif nippreżentawh, jekk tassew nixtiequ li ngħixu f’soċjetà aktar ġusta u inklużiva,” qal David Schembri, l-organizzatur ewlieni tal-konferenza u r-rappreżentant tad-DGT f’Malta.  
“F’din il-konferenza nittamaw li qabelxejn, naraw x’inhi l-qagħda ta’ dan il-qasam globalment kif ukoll lokalment, u li nsiru aktar konxji tal-isfidi u l-alternattivi li għandna sabiex naħsbu aktar f’kulħadd meta nkunu qegħdin niktbu jew nipproduċu kontenut ieħor għall-pubbliku.”
“Mhux dejjem se nsibu soluzzjonijiet ċari jew faċli, iżda importanti li nibdew billi nistaqsu l-mistoqsijiet it-tajbin,” temm jgħid Schembri.

 
Il-programm sħiħ tal-konferenza jinsab f’din il-ħolqa: programm 

Ir-reġistrazzjoni għall-konferenza, li hija b’xejn, tista’ ssir minn din il-ħolqa: reġistrazzjoni

Post: Aula Magna, University of Malta Valletta Campus 
Meta u fi x’ħin: 2 ta’ Diċembru 2023, 09:00 
Xiex: Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza tiftaħ il-konferenza Niktbu għal kulħadd: il-lingwa inklużiva u l-kontenut aċċessibbli f’Malta b’diskors relatat mas-suġġett 

Programm sħiħ 

Organizzaturi: Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta 
Persuna ta’ kuntatt: David SCHEMBRI (+356 2342 5207) 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Diċembru 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta