Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet9 Diċembru 20203 min qari

Il-Patt Klimatiku Ewropew: l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini biex isawru Ewropa aktar ekoloġika

eu_climate_pact.jpg
© EU
Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Patt Klimatiku Ewropew, inizjattiva mifruxa mal-UE kollha li tistieden lin-nies, lill-komunitajiet u lill-organizzazzjonijiet biex jipparteċipaw fl-azzjoni klimatika u jibnu Ewropa aktar ekoloġika. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Patt Klimatiku joffri spazju fejn kulħadd ikun jista' jikkondividi informazzjoni, jiddibatti u jaġixxi fuq il-kriżi klimatika, u fejn ikun jista' jkun parti minn moviment klimatiku Ewropew dejjem jikber

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal: “Il-Patt Klimatiku Ewropew se jlaqqa' flimkien lil kull min irid jieħu azzjoni għall-pjaneta tagħna. Bil-Patt, irridu ngħinu lil kulħadd fl-Ewropa jieħu azzjoni fil-ħajja tiegħu ta' kuljum, nagħtu lil kulħadd l-opportunità li jinvolvi ruħu fit-tranżizzjoni ekoloġika, u nispiraw lil xulxin. Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kulħadd jista' jieħu azzjoni u kulħadd jista' jikkontribwixxi.” 

Il-Kummissjoni nediet il-Patt Ekoloġiku Ewropew sena ilu bħala pjan biex l-UE tinbidel f'soċjetà ġusta, b'saħħitha, sostenibbli u prosperuża u biex jinbidel il-mod kif ninteraġixxu man-natura. Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi l-politika u l-leġiżlazzjoni meħtieġa għal bidliet sistemiċi, iżda s-soluzzjonijiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku jistgħu jirnexxu biss jekk kulħadd ikun involut u jikkontribwixxi b'mod attiv.

Inżidu s-sensibilizzazzjoni u nappoġġaw l-azzjoni

Il-Patt Klimatiku Ewropew jipprovdi spazju għal persuni mill-oqsma kollha tal-ħajja biex ikunu konnessi ma' xulxin u b'mod kollettiv jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet klimatiċi, kbar u żgħar. Billi nikkondividu l-ideat u nispiraw lil xulxin, nistgħu nkattru l-impatt kollettiv tagħna. Il-Patt huwa inizjattiva - miftuħa u inklużiva - li qed tiżviluppa b'rabta mal-azzjoni klimatika. Jistieden lir-reġjuni, lill-komunitajiet lokali, lill-industrija, lill-iskejjel u lis-soċjetà ċivili biex jikkondividu informazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u kif jindirizzaw dawn it-theddidiet eżistenzjali. Permezz ta' pjattaforma online u djalogi u skambji taċ-ċittadini, se jrawwem ir-rabta bejn it-tranżizzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika.

Illum il-Kummissjoni qed tniedi sejħa miftuħa li tistieden lin-nies u lill-organizzazzjonijiet biex isiru Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku. L-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku se jmexxu bl-eżempju u jinvolvu lill-komunitajiet tagħhom fl-azzjoni klimatika.

Il-Patt Klimatiku għandu l-għan li jgħin fit-tixrid ta' informazzjoni xjentifikament soda dwar l-azzjoni klimatika u jipprovdi pariri prattiċi għall-għażliet tal-ħajja ta' kuljum. Se jappoġġa lill-inizjattivi lokali u jinkoraġġixxi l-wegħdiet ta' azzjoni klimatika minn individwi jew kollettivi, filwaqt li jgħin biex jiġu mobilizzati l-appoġġ u l-parteċipazzjoni.

Fil-fażi tal-bidu, il-Patt se jagħti prijorità lill-azzjonijiet li jiffukaw fuq erba' oqsma li joffru benefiċċji immedjati mhux biss għall-klima u għall-ambjent, iżda wkoll għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini: iż-żoni ekoloġiċi, il-mobbiltà ekoloġika, il-bini effiċjenti u l-ħiliet ekoloġiċi. Il-Patt għandu mandat miftuħ u l-ambitu tiegħu se jevolvi abbażi tal-ideat u tal-kontribuzzjonijiet tan-nies u tal-organizzazzjonijiet li jsiru parti minnu. Avveniment Annwali dwar il-Patt Klimatiku se jlaqqa' l-parteċipanti biex jikkondividu l-esperjenzi u l-għarfien tagħhom.

Avvenimenti ta' tnedija

Fis-16 ta' Diċembru, 9:00-11:00 CET se jsir avveniment ta' tnedija online mal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans għall-Patt Klimatiku Ewropew. L-avveniment se jinkludi introduzzjoni għall-ewwel Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-UE, diskussjoni dwar il-wegħdiet ta' impenn li jmiss tal-Patt Klimatiku u taħditiet minn mistednin speċjali dwar l-azzjonijiet li lkoll nistgħu nieħdu biex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

Filwaqt li tirrifletti r-rikkezza u d-diversità tal-azzjoni klimatika fl-Ewropa, il-Kummissjoni qed tistieden lill-individwi, lin-negozji jew lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jorganizzaw avvenimenti satellitari marbuta mal-Patt Klimatiku. Dawn l-avvenimenti se jkunu qegħdin jippermettu diskussjonijiet f'diversi lingwi sabiex jintlaħqu l-komunitajiet lokali, tingħata attenzjoni lil suġġetti speċifiċi jew jiġi enfasizzat ir-rwol ta' gruppi jew setturi partikolari fil-Patt Klimatiku.

Kuntest

Il-Kummissjoni Ewropea l-ewwel ħabbret il-Patt Klimatiku Ewropew bħala parti mil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, ippubblikati f'Lulju 2019. F'Diċembru 2019 il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew elaborat aktar dwar l-għanijiet tal-Patt Klimatiku. Ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika miftuħa li seħħet minn Marzu sa Ġunju 2020 ikkontribwew għall-iżvilupp tal-Komunikazzjoni ppubblikata llum.

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Klimatiku Ewropew

Is-sit web tal-Patt Klimatiku Ewropew

Avvenimenti ta' tnedija tal-Patt Klimatiku Ewropew

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
9 Diċembru 2020