Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li twieġeb b'mod pożittiv għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (European Citizens' Initiative, ECI) “End the Cage Age”, u b'hekk saret is-sitt inizjattiva ta' suċċess appoġġata minn aktar minn 1 miljun ċittadin madwar l-UE.
Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi pjanijiet għal proposta leġiżlattiva sal-2023 biex jiġu pprojbiti gaġeġ għal għadd ta' annimali tal-irziezet. Il-proposta se tiġi bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali skont l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.
Din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini tirrifletti domanda għal tranżizzjoni lejn sistemi tal-irziezet aktar etiċi u sostenibbli, inkluża reviżjoni tar-regoli eżistenti tal-UE dwar il-benessri tal-annimali. It-tweġiba għal din id-domanda tas-soċjetà hija prijorità għolja għall-Kummissjoni, f'konformità mal-impenji tagħha fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.
It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-ECI
Filwaqt li l-annimali kollha tar-razzett jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni attwali dwar il-protezzjoni tal-annimali, it-tiġieġ tal-bajd, it-tiġieġ tas-simna, il-ħnieżer nisa u l-għoġġiela biss huma koperti mir-regoli dwar it-tqegħid fil-gaġeġ. Fit-tweġiba tagħha għall-ECI, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta, sa tmiem l-2023, proposta leġiżlattiva biex gradwalment telimina, u finalment tipprojbixxi, l-użu ta' sistemi ta' gaġeġ għall-annimali kollha msemmija fl-Inizjattiva.
B'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni se tikkonċerna:
Annimali diġà koperti mil-leġiżlazzjoni: tiġieġ tal-bajd, ħnieżer nisa u għoġġiela;
Annimali oħra msemmija fl-ECI: fniek, għawwietaq, tiġieġ tat-tnissil, tiġieġ tas-simna, summien, papri u wiżż. Għal dawn l-annimali, il-Kummissjoni diġà talbet lill-EFSA (European Food Safety Authority, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) biex tikkomplementa l-evidenza xjentifika eżistenti biex tiddetermina l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-projbizzjoni tal-gaġeġ.
Bħala parti mill-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tagħha, il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha li tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport u t-trobbija, li bħalissa għaddejja minn kontroll tal-idoneità, li għandha tiġi ffinalizzata sas-sajf tal-2022.
B'mod parallel mal-leġiżlazzjoni u biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bilanċjata u ekonomikament vijabbli għal irziezet mingħajr gaġeġ, il-Kummissjoni se tfittex miżuri speċifiċi ta' appoġġ f'oqsma ta' politika ewlenin relatati, bħall-kummerċ u r-riċerka u l-innovazzjoni. B'mod partikolari, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida se tipprovdi appoġġ finanzjarju u inċentivi - bħall-istrument il-ġdid tal-ekoskemi - biex ir-raħħala jiġu megħjuna javvanzaw għal faċilitajiet aktar favur l-annimali f'konformità mal-istandards il-ġodda. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jisiltu mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jappoġġaw lir-raħħala fl-adattament għal sistemi mingħajr gaġeġ.
Janusz Wojciechowski, il-Kummissarju għall-Agrikoltura; “Sistema tal-ikel sostenibbli ma tistax teżisti mingħajr standards għoljin tal-benessri tal-annimali. Bis-saħħa taċ-ċittadini tagħna, il-Kummissjoni se tkun saħansitra aktar ambizzjuża f'dan ir-rigward u telimina gradwalment l-użu ta' sistemi ta' gaġeġ għall-irziezet tal-annimali. Il-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tiegħu, appoġġati mill-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, se jkunu kruċjali fit-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli. Din l-inizjattiva taċ-ċittadini tikkonferma biss li din it-tranżizzjoni twieġeb ukoll għal domanda soċjetali għal irziezet aktar etiċi u sostenibbli.”
Billi t-tmiem tal-użu tal-gaġeġ se jirrikjedi bidliet fis-sistemi tal-irziezet attwali, il-Kummissjoni se tqis l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali tal-miżuri li għandhom jittieħdu u l-benefiċċji għall-benessri tal-annimali f'valutazzjoni tal-impatt li għandha titlesta qabel tmiem l-2022. F'dan il-kuntest, se ssir konsultazzjoni pubblika sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2022. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-fattibbiltà li taħdem lejn il-leġiżlazzjoni proposta li tidħol fis-seħħ mill-2027.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 30 Ġunju 2021