Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirreġistra l-inizjattiva li tappella għal protezzjoni aħjar taż-żwiemel - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Sit web uffiċjali tal-Unjoni EwropeaSit web uffiċjali tal-UE
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 22 Marzu 2023
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 2 min qari

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirreġistra l-inizjattiva li tappella għal protezzjoni aħjar taż-żwiemel

Horse

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tirreġistra Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) intitolata ‘‘Intemmu l-Era tal-Qtil taż-Żwiemel”.

L-organizzaturi tal-inizjattiva jappellaw lill-Kummissjoni tipproponi liġi li tipprojbixxi l-qtil taż-żwiemel, inklużi wkoll it-trobbija u l-esportazzjoni tagħhom għall-produzzjoni tal-fer, il-ġilda, il-laħam jew għall-manifattura ta' mediċini jew ta' sustanzi oħra. Huma jappellaw ukoll għall-projbizzjoni tat-trasportazzjoni fuq distanzi twal taż-żwiemel madwar l-Ewropa għall-qtil u għall-protezzjoni taż-żwiemel milli jwettqu xogħol żejjed jew taħriġ iebes.

Id-deċiżjoni ta' reġistrazzjoni hija ta' natura legali u ma tippreġudikax il-konklużjonijiet legali u politiċi finali tal-Kummissjoni dwar din l-inizjattiva u l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu, jekk ikun hemm, f'każ li l-inizjattiva tikseb l-appoġġ meħtieġ.

Peress li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tissodisfa l-kundizzjonijiet formali, il-Kummissjoni tqis li hija legalment ammissibbli. Il-Kummissjoni għadha ma analizzatx is-sustanza tal-proposta f'dan l-istadju.

Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta' organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista' jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni.

Passi li jmiss

Wara r-reġistrazzjoni tal-lum, l-organizzaturi għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. Jekk Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tirċievi miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ fi żmien sena minn tal-anqas seba' Stati Membri differenti, il-Kummissjoni jkollha tirreaġixxi. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq it-talba 'l quddiem jew le, u tkun meħtieġa tispjega r-raġunament tagħha.

Kuntest

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta bit-Trattat ta' Liżbona bħala għodda għat-tfassil tal-aġenda f'idejn iċ-ċittadini. Ingħatat bidu b'mod uffiċjali f'April 2012. Ladarba tiġi rreġistrata b'mod formali, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn tal-anqas seba' Stati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi atti legali f'oqsma fejn għandha s-setgħa li taġixxi. Il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà huma li: (1) l-azzjoni proposta ma tkunx taqa' manifestament barra mill-kompetenza tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali, (2) ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u (3) ma tkunx tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni.

Sa mill-bidu tal-IĊE, il-Kummissjoni rċeviet 125 talba biex tniedi Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li 99 minnhom kienu ammissibbli u b'hekk ikkwalifikaw biex jiġu rreġistrati.

Għal Aktar Informazzjoni

Intemmu l-Era tal-Qtil taż-Żwiemel

Inizjattivi li bħalissa qed jiġbru l-firem

Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Kampanja #EUTakeTheInitiative

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta