Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet6 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Ewrobarometru dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ: iż-Żgħażagħ Ewropej huma dejjem aktar involuti

youth

Illum, il-Kummissjoni ppubblikat l-Ewrobarometru Flash tagħha dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija, li sar bejn it-22 ta' Frar u l-4 ta' Marzu 2022. Dan jagħmilha possibbli li jittieħed kont tal-qagħda tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fi żmien fejn is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ tinsab fl-aqwa tagħha, u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li fiha ż-żgħażagħ kellhom rwol kruċjali, tasal fi tmiemha.

L-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru juri żieda fl-involviment taż-żgħażagħ: bħalissa, il-maġġoranza (58 %) taż-żgħażagħ huma attivi fis-soċjetajiet li jgħixu fihom u f'dawn l-aħħar 12-il xahar, ipparteċipaw f'organizzazzjoni taż-żgħażagħ waħda jew aktar. Din hija żieda ta' 17-il punt perċentwali mill-aħħar Ewrobarometru fl-2019. Barra minn hekk, għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ tal-2022, l-aktar aspettattiva komuni taż-żgħażagħ hija li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħu aktar it-talbiet tagħhom u jieħdu azzjoni dwarhom, u li jappoġġaw l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali tagħhom (72 %). Illum, il-Kummissjoni qed tniedi wkoll għodda online ġdida, il-pjattaforma “Voice your Vision” (Agħti vuċi lill-viżjoni tiegħek), biex tagħmilha aktar faċli għaż-żgħażagħ Ewropej li jsemmgħu leħinhom. Barra minn hekk, ġew organizzati djalogi ta' politika bejn il-Membri tal-Kulleġġ u ż-żgħażagħ fil-qafas tas-Sena taż-Żgħażagħ. Dawn id-djalogi jagħtu opportunità unika liż-żgħażagħ biex jikkuntattjaw direttament lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jesprimu wiċċ imb wiċċ il-viżjoni u l-ideat tagħhom dwar l-oqsma kollha ta' politika.

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, stqarr: “Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ għandha ġġib bidla fundamentali fil-mod kif ninkludu liż-żgħażagħ fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-objettivi tas-Sena huma li liż-żgħażagħ Ewropej nisimgħuhom, ninvolvuhom u nippromwovu opportunitajiet konkreti għalihom. L-Ewrobarometru Flash juri biċ-ċar li dan huwa eżattament dak li ż-żgħażagħ fl-UE jixtiequ wkoll:”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, stqarret: “Kif nistgħu naraw illum, iż-żgħażagħ huma dejjem aktar involuti u impenjati fil-futur tas-soċjetajiet. Huma jinteressaw ruħhom fil-paċi, fil-kooperazzjoni internazzjonali, fil-benesseri u fl-ambjent. Madankollu, jixtiequ li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħuhom u jagħtuhom aktar attenzjoni. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, qed nagħmlu l-almu tagħna biex il-vuċijiet tagħhom jinstemgħu. Għandi l-pjaċir inħabbar li nedejna għodda online ġdida, il-pjattaforma “Voice your Vision” (Agħti vuċi lill-viżjoni tiegħek), li tippermetti liż-żgħażagħ jirreġistraw l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom għall-futur tal-proġett Ewropew.”

Ewrobarometru Flash taż-Żgħażagħ

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna saħħet il-konvinzjoni taż-żgħażagħ li l-objettiv primarju tal-UE (37 %) huwa l-preservazzjoni tal-paċi, it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali. Aspettattivi għoljin oħrajn huma li l-UE żżid l-opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ (33 %), li tiġġieled il-faqar u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali (32 %), kif ukoll li tippromwovi l-politiki ekoloġiċi u tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima (31 %).

Iż-żgħażagħ iqisu s-saħħa u l-benessri mentali u fiżiċi (34 %), il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (34 %), iżda anke l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-moviment liberu tal-istudenti (33 %) bħala l-oqsma ta' prijorità għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

Minkejja l-pandemija, l-istħarriġ juri żieda fil-mobbiltà tranżnazzjonali taż-żgħażagħ meta mqabbla mal-2019, u dan jirrifletti r-rieda qawwija taż-żgħażagħ fuq kull naħa tal-fruntieri li jerġgħu jingħaqdu. Madwar erbgħa minn kull għaxar żgħażagħ (39 %) ipparteċipaw f'attività professjonali, sportiva, ta' volontarjat jew ta' apprendiment f'pajjiż ieħor tal-UE, meta mqabbla ma' ftit aktar minn tlieta minn kull għaxra (31 %) fl-2019. In-nuqqas ta' mezzi finanzjarji jibqa' raġuni ewlenija għan-nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-proġetti ta' mobbiltà, għalkemm l-ostaklu finanzjarju qed jonqos (36 % meta mqabbel ma' 42 % fl-2019).

Fl-aħħar nett, ir-riżultati tal-Ewrobarometru jikkonfermaw li aktar minn nofs iż-żgħażagħ li ħadu sehem fl-istħarriġ jafu bil-programm Erasmus+, li jiċċelebra l-35 anniversarju tiegħu fl-2022, għalkemm għad hemm xi differenzi bejn l-Istati Membri fejn is-sehem ta' żgħażagħ li jafu bl-Erasmus+ għall-istudenti huwa l-akbar fil-Greċja (72 %) u f'Ċipru (70 %) u l-iżgħar fl-Iżvezja (26 %).

Pjattaforma ġdida “Voice your vision” (Agħti vuċi lill-viżjoni tiegħek)

Il-Kummissjoni nediet ukoll għodda online ġdida, li se tkun element ċentrali tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Fuq il-pjattaforma “Voice your vision” (Agħti vuċi lill-viżjoni tiegħek), iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jirreġistraw l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom għall-futur tal-proġett Ewropew. Huma jistgħu jittrattaw kwalunkwe kwistjoni li jqisuha importanti, mill-impjieg, l-inklużjoni, il-paċi u s-sigurtà, sat-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, u aktar. Bil-pjattaforma “Voice your vision” (Agħti vuċi lill-viżjoni tiegħek) tintlaħaq l-ambizzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ li ż-żgħażagħ jingħataw il-mezzi biex jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Kuntest

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash 502 “Iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ” twettaq bejn it-22 ta' Frar u l-4 ta' Marzu 2022, u kien immirat lejn kampjun rappreżentattiv ta' 26,178 żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u t-30 sena fis-27 Stat Membru u ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni. L-istħarriġ twettaq permezz ta' intervistar personali assistit mill-internet (CAWI).

Għal aktar informazzjoni

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ

Ir-Rapport tal-Istħarriġ Online

L-Ewrobarometru tal-2019

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta