Wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Standard tax-xitwa 2020– 2021 (EB94), ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għandha l-pjaċir tippubblika r-Rapport Nazzjonali EB94 għal Malta. Ir-rapport nazzjonali jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin tal-Wave 94 tal-Fieldwork tal-Ewrobarometru Standard li twettaq mit-12 ta’ Frar 2021 sal-10 ta’ Marzu 2021. B’kollox saru 535 intervista ma’ residenti f’Malta, li għandhom 15-il sena u aktar.
Ir-rapport ikopri numru ta’ suġġetti, fosthom il-perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni personali ta’ dawk li wieġbu, is-sitwazzjoni ekonomika, l-Unjoni Ewropea u l-politiki tagħha; il-pandemija tal-coronavirus; il-fiduċja fl-istituzzjonijiet; u l-media u s-sorsi tal-aħbarijiet.
Skoperti ewlenin
Din is-sensiela tal-Ewrobarometru wriet għal darb’oħra li dawk li wieġbu f’Malta x’aktarx li jkollhom perċezzjonijiet aktar pożittivi dwar l- UE minn pajjiżi oħrajn. F’xejra li hija viżibbli fl- UE kollha, l-immaġni pożittiva li hija evokata mill-Unjoni Ewropea żdiedet b’25% fost dawk li wieġbu f’Malta, l-ogħla żieda rreġistrata fost is-27 Stat Membru. Il-perċezzjoni pożittiva hija msaħħa mit-tweġibiet għal diversi mistoqsijiet, bħas-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija tal-UE, jekk l-affarijiet humiex sejrin fid-direzzjoni t- tajba, il-valuri Ewropej u l-elementi li l-aktar joħolqu sens ta’ komunità fost iċ-ċittadini tal- UE. Ta’ min jinnota li l-perċezzjonijiet dwar l- UE ta’ persuni taħt l-40 sena huma ġeneralment aktar pożittivi minn dawk li għandhom aktar minn 40 sena.
Barra minn hekk, 71% tar-rispondenti jaqblu li l-futur ta’ Malta jidher li huwa fl-UE u 81% ta’ dawk li wieġbu f’Malta jħossuhom ċittadini tal- Unjoni Ewropea, meta mqabbla ma’ 74% għall-UE kollha kemm hi.
Il-pandemija tal-coronavirus hija meqjusa li kellha impatt konsiderevoli fuq l-EB94, kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha. Din is-sensiela tal-Ewrobarometru ffukat speċifikament fuq l-effett tal-pandemija, b’mod partikolari l-opinjonijiet tar-rispondenti dwar firxa ta’ kwistjonijiet, inklużi l- immaniġġjar tal-pandemija mill-Gvern, l-influwenza tagħha fuq l-ekonomija u l-vaċċin. Ir-rispondenti Maltin huma ġeneralment pożittivi dwar il-mod kif ġiet indirizzata l-pandemija kemm fil-livell nazzjonali (MT 53% - medja tal-UE 43%) kif ukoll fuq dak Ewropew (MT 55% - medja tal-UE 43%). Filwaqt li 68% tar-rispondenti Maltin (medja tal-UE 70%) jaqblu li l-vaċċin huwa l-uniku mod biex tintemm il-pandemija, 87% (medja tal-UE 69%) iħossu li l-Unjoni Ewropea qed taqdi rwol ewlieni sabiex tassigura li jkun hemm aċċess għall-vaċċini f’Malta.
Ir-rapport Nazzjonali jipprovdi wkoll analiżi tal-fiduċja li għandhom ir-rispondenti Maltin fl- istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u f’tipi differenti ta’ media. Għall-ewwel darba l-EB94 staqsa mistoqsija dwar il-fiduċja fl-istaff mediku u tas-saħħa, li huma bil-bosta l-aktar fdati kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport sħiħ jinsab fuq: https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2355
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 29 April 2021