Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet3 Settembru 20212 min qari

Jibda l-konkors tat-tradutturi żgħażagħ tal-UE!

Keyboard with translate

L-iskejjel sekondarji fil-pajjiżi kollha tal-UE issa jistgħu jibdew jirreġistraw għal Juvenes Translatores, il-konkors annwali tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Mit-2 ta' Settembru, f'Nofsinhar, l-iskejjel jistgħu jirreġistraw online għall-istudenti tagħhom biex jikkompetu ma' pari madwar l-UE. Din is-sena, is-suġġett tat-testi li l-istudenti żgħażagħ se jiġu mitluba jittraduċu huwa “Ejjew naqbdu t-triq it-tajba — lejn futur aktar ekoloġiku”.

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, qal: “L-għan tal-konkors huwa li jispira liż-żgħażagħ biex jinteressaw ruħhom f'karriera bħala tradutturi u, b'mod ġenerali, biex jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi. Is-suġġett huwa konformi ma' waħda mill-aktar prijoritajiet politiċi importanti tal-UE — il-Patt Ekoloġiku Ewropew — li huwa ta' interess partikolari għaż-żgħażagħ. Minbarra li tindirizza dan is-suġġett interessanti, l-għan tal-kompetizzjoni huwa li tlaqqa' flimkien żgħażagħ minn pajjiżi differenti b'imħabba għal-lingwi, biex tħeġġiġhom u tgħinhom jegħlbu l-ostakli bejn in-nies u l-kulturi. Il-kapaċità li nikkomunikaw ma' xulxin u li nifhmu lil xulxin, irrispettivament mid-differenzi tagħna, hija essenzjali biex l-UE tiffjorixxi.

Il-parteċipanti jistgħu jittraduċu bejn kwalunkwe tnejn minn fost l-24 lingwa uffiċjali tal-UE (552 kombinament possibbli ta' lingwi). Fil-kompetizzjoni tas-sena l-oħra, l-istudenti użaw 150 kombinament differenti.

Ir-reġistrazzjoni għall-iskejjel — li hija l-ewwel parti minn proċess b'żewġ fażijiet — tagħlaq fl-20 ta' Ottubru 2021, f'nofsinhar (12.00 CET). L-għalliema jistgħu jirreġistraw bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Il-Kummissjoni mbagħad se tistieden 705 skejjel għall-fażi li jmiss. L-għadd ta' skejjel minn kull pajjiż li se jkunu qed jieħdu sehem se jkun ugwali għan-numru ta' siġġijiet li l-pajjiż għandu fil-Parlament Ewropew, u l-iskejjel se jintgħażlu b'mod aleatorju minn kompjuter.

L-iskejjel magħżula mbagħad iridu jinnominaw sa ħames studenti biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni. Il-parteċipanti jistgħu jkunu ta' kwalunkwe nazzjonalità, iżda jridu jkunu twieldu fl-2004.

Il-kompetizzjoni se ssir online nhar il-25 ta' Novembru 2021 fl-iskejjel kollha li jieħdu sehem.

Ir-rebbieħa — wieħed minn kull pajjiż — se jitħabbru sal-bidu ta' Frar 2022.

Jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, huma jiġu mistiedna jirċievu l-premjijiet tagħhom fir-rebbiegħa tal-2022 f'ċerimonja fi Brussell. Se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma' tradutturi professjonali mill-Kummissjoni Ewropea u jsiru jafu aktar dwar il-professjoni u dwar il-ħidma bil-lingwi.

Kuntest

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ilu jorganizza l-kompetizzjoni Juvenes Translatores (li bil-Latin tfisser “tradutturi żgħażagħ”) kull sena mill-2007 'l hawn. Hija tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel filwaqt li tagħti opportunità liż-żgħażagħ jiskopru xi jfisser li wieħed ikun traduttur. Hija miftuħa għall-istudenti ta' 17-il sena fl-iskejjel sekondarji u ssir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha magħżula minn madwar l-UE.

Il-kompetizzjoni ispirat u ħeġġet lil xi wħud mill-parteċipanti biex ikomplu jistudjaw il-lingwi fil-livell universitarju u li jkomplu biex isiru tradutturi professjonisti. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni tipprovdi wkoll opportunità biex issir enfasi fuq id-diversità lingwistika rikka tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Is-sit web ta' Juvenes Translatores

Il-paġna tal-Facebook ta' Juvenes Translatores(link is external)

Segwi lid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq Twitter: @translatores

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
3 Settembru 2021