Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet23 Frar 20218 min qari

L-UE se tistabbilixxi Sħubiji Ewropej ġodda u se tinvesti kważi EUR 10 biljun għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali

european_partnerships.jpg
© EU
Illum il-Kummissjoni pproponiet li twaqqaf 10 Sħubiji Ewropej ġodda bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u/jew l-industrija. L-għan huwa li titħaffef it-tranżizzjoni lejn Ewropa ekoloġika, newtrali għall-klima u diġitali, u li l-industrija Ewropea ssir aktar reżiljenti u kompetittiva.

L-UE se tipprovdi kważi EUR 10 biljun ta' finanzjament u s-sħab se jipprovdu mill-inqas ammont ekwivalenti ta' investiment. Din il-kontribuzzjoni kkombinata hija mistennija timmobilizza aktar investimenti b'appoġġ għat-tranżizzjonijiet u toħloq impatti pożittivi fit-tul fuq l-impjiegi, fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà.

L-għanijiet ta' dawn is-sħubiji Istituzzjonalizzati Ewropej proposti huwa li jtejbu t-tħejjija u r-rispons tal-UE għall-mard infettiv, li jiġu żviluppati inġenji tal-ajru effiċjenti b'livell baxx ta' karbonju għal avjazzjoni nadifa, li jkun appoġġat l-użu ta' materja prima bijoloġika rinnovabbli fil-produzzjoni tal-enerġija, li tkun żgurata l-pożizzjoni fuq quddiem tal-Ewropa fit-teknoloġiji u l-infrastrutturi diġitali, u li t-trasport ferrovjarju jsir aktar kompetittiv.

L-għaxar Sħubiji, li wħud minnhom qegħdin ikomplu jinbnew fuq impriżi konġunti li diġà jeżistu, huma dawn li ġejjin:

  1. Is-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn il-Pajjiżi Ewropej u l-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, favur is-Saħħa Madwar id-Dinja (L-EDCTP3 favur is-Saħħa Madwar id-Dinja): Din is-sħubija se tipprovdi soluzzjonijiet ġodda għat-tnaqqis tal-piż tal-mard infettiv fl-Afrika sub-Saħarjana, u se ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' riċerka għat-tħejjija u r-rispons għal mard infettiv li qed jitfaċċa mill-ġdid fl-Afrika sub-Saħarjana u madwar id-dinja. Is-sħubija għandha l-għan li sal-2030 jiġu żviluppati u jibdew jintużaw mill-inqas żewġ teknoloġiji ġodda li jindirizzaw il-mard infettiv, u li tappoġġa mill-inqas 100 istitut ta' riċerka fi 30 pajjiż biex jiżviluppaw teknoloġiji ġodda addizzjonali kontra epidemiji li qegħdin jitfaċċaw mill-ġdid.
  2. Inizjattiva Innovattiva dwar is-Saħħa: Din l-inizjattiva se tgħin biex tinħoloq ekosistema ta' riċerka u innovazzjoni marbuta mas-saħħa madwar l-UE li tiffaċilita t-traduzzjoni tal-għarfien xjentifiku f'innovazzjonijiet tanġibbli. Din se tkun tkopri l-prevenzjoni, id-dijanjostika, it-trattament u l-ġestjoni tal-mard. L-inizjattiva se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, tal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, u tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa.
  3. Teknoloġiji Diħitali Ewlenin: Dawn jinkludu komponenti elettroniċi, id-disinn, il-manifattura u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi u s-software li jiddefinixxi kif jaħdmu. L-għan ġenerali ta' din is-sħubija huwa li tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-setturi ekonomiċi u soċjetali kollha u tappoġġa l-Patt Ekoloġiku Ewropew, u r-riċerka u l-innovazzjoni lejn il-ġenerazzjoni ta' mikroproċessuri li jmiss. Flimkien mad-Dikjarazzjoni dwar Inizjattiva Ewropea dwar it-teknoloġiji tal-proċessuri u tas-semikondutturi, iffirmata minn 20 Stat Membru, Alleanza li ġejja dwar il-mikroelettronika, u Proġett Importanti ġdid possibbli ta' Interess Ewropew Komuni, li bħalissa qegħdin jiddiskutuh l-Istati Membri, u li l-għan tiegħu hu li jrawwem l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, din is-sħubija ġdida se tgħin biex tingħata spinta lill-kompetittività u lis-sovranità teknoloġika tal-Ewropa. Hawnhekk issib aktar informazzjoni.
  4. Ewropa ċirkolari b'bażi bijoloġika: Din is-sħubija se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-2030, filwaqt li twitti t-triq għan-newtralità klimatika sal-2050, u se żżid is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tas-sistemi ta' produzzjoni u ta' konsum, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għandha l-għan li tiżviluppa u tespandi l-akkwist sostenibbli u l-konverżjoni tal-bijomassa fi bijoprodotti, kif ukoll li tappoġġa l-użu tal-innovazzjoni b'bażi bijoloġika fil-livell reġjonali bl-involviment attiv tal-atturi lokali u bil-ħsieb li tingħata ħajja ġdida lir-reġjuni rurali, kostali u periferiċi.
  5. L-Idroġenu Nadif: Din is-sħubija se tgħaġġel l-iżvilupp u l-użu ta' katina tal-valur Ewropea għat-teknoloġiji tal-idroġenu nadif u tgħin biex jiġu żviluppati sistemi tal-enerġija sostenibbli, dekarbonizzati u kompletament integrati. Flimkien mal-Alleanza għall-Idroġenu Nadif, se tgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni ppreżentati fl-Istrateġija tal-UE dwar l-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima. Se tiffoka fuq il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu nadif u fuq il-forniment lil setturi li hu diffiċli li tiddekarbonizzahom, bħall-industriji peżanti u l-applikazzjonijiet tat-trasport heavy duty.
  6. L-Avjazzjoni Nadifa: Din is-sħubija tqiegħed l-avjazzjoni fit-triq lejn in-newtralità klimatika, billi tħaffef l-iżvilupp u l-użu ta' soluzzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni rivoluzzjonarja. Għandha l-għan li tiżviluppa l-ġenerazzjoni li jmiss ta' inġenji tal-ajru ultraeffiċjenti li jużaw ħafna inqas karbonju, li jużaw sorsi ta' enerġija ġodda, u jkollhom magni u sistemi ġodda, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni li se jkunu importanti ħafna għall-irkupru.
  7. Is-Sistema Ferrovjarja tal-Ewropa: Din is-sħubija se tgħaġġel l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi, speċjalment dawk diġitali u ta' awtomazzjoni, biex tinkiseb it-trasformazzjoni radikali tas-sistema ferrovjarja u jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Billi ttejjeb il-kompetittività, se tappoġġa l-pożizzjoni teknoloġika ewlenija tal-Ewropa fis-settur ferrovjarju.
  8. Ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew 3: L-inizjattiva għandha l-għan li tgħaġġel it-trasformazzjoni teknoloġika tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, billi tallinjaha mal-era diġitali, biex l-ispazju tal-ajru Ewropew isir l-aktar wieħed effiċjenti fid-dinja fejn it-titjir ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, u għandha l-għan li tappoġġa l-kompetittività u l-irkupru tas-settur tal-avjazzjoni tal-Ewropa wara l-kriżi tal-coronavirus.
  9. Networks u Servizzi Intelliġenti: Din is-sħubija se tappoġġa s-sovranità teknoloġika favur networks u servizzi intelliġenti b'konformità mal-istrateġija industrijali l-ġdida għall-Ewropa, l-Istrateġija l-ġdida taċ-Ċibersigurtà tal-UE u s-Sett ta' Għodod għall-5G. Għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jissolvew l-isfidi tas-soċjetà u li tippermetti t-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, kif ukoll li tappoġġa t-teknoloġiji li se jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku. Se tippermetti wkoll lill-atturi Ewropej jiżviluppaw il-kapaċitajiet teknoloġiċi għas-sistemi 6G bħala bażi għal servizzi diġitali futuri lejn l-2030. Hawnhekk issib aktar informazzjoni.
  10. Il-Metroloġija: Din is-sħubija għandha l-għan li tgħaġġel it-tmexxija globali tal-Ewropa fir-riċerka dwar il-metroloġija, tistabbilixxi networks Ewropej tal-metroloġija awtosuffiċjenti bil-għan li jappoġġaw u jistimulaw prodotti innovattivi ġodda, jirrispondu għall-isfidi tas-soċjetà u jippermettu tfassil u implimentazzjoni effettivi tar-regolazzjoni u l-istandards li jirfdu l-politiki pubbliċi.

Dan huwa li ntqal miIl-Membri tal-Kulleġġ:

Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Margrethe Vestagerqalet: “L-aħjar riżultati li niksbu fl-Ewropa huwa meta naħdmu flimkien. Dan huwa ta' importanza partikolari biex ngħelbu d-diffikultajiet tat-trasformazzjoni diġitali. Din taffettwana lkoll, u ma tiqafx mal-fruntieri nazzjonali. Eżatt bħat-tibdil fil-klima. L-isħubiji li qed jiġu proposti llum se jimmobilizzaw ir-riżorsi biex flimkien ingawdu kemm nistgħu mit-teknoloġiji diġitali, speċjalment fl-interess tat-tranżizzjoni ekoloġika.”

Il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ Mariya Gabriel, stqarret: “L-isfida tal-pandemija tal-coronavirus żiedet l-urġenza tal-isforzi li ilna nagħmlu żmien twil biex nużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni b'mod aħjar biex nindirizzaw l-emerġenzi tas-saħħa, it-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali. Is-sħubiji Ewropej jagħtuna l-opportunità li naħdmu flimkien biex nirrispondu, u nsawru t-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali profondi li jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton, żied jgħid: “L-investiment fl-innovazzjoni huwa investiment fl-abbiltà tagħna li nkunu minn ta' quddiem bl-iżviluppi teknoloġiċi, u fl-abbiltà li niżviluppaw kapaċitajiet strateġiċi. “Irridu naħtfu l-opportunitajiet li jġibu magħhom it-teknoloġiji ewlenin li qed jiżviluppaw, bħalma huma l-mikroproċessuri u s-semikondutturi sabiex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett tal-innovazzjoni diġitali fuq skala globali. Dawn l-approċċi konġunti ġodda se jkunu strumentali biex jappoġġaw lill-industrija tagħna fil-kisba tal-ambizzjonijiet tagħna diġitali u ekoloġiċi.”

Adina Vălean, il-Kummissarju għat-Trasport qalet: “L-isħubiji tal-UE se jkollhom rwol ċentrali biex isuqu t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali għas-settur tal-mobbiltà u t-trasport. Biex nirrealizzaw l-ambizzjonijiet tagħna għandna bżonn niżviluppaw teknoloġiji rivoluzzjonarji u nqegħdu fis-suq bastimenti u inġenji tal-ajru b'emissjonijiet żero, irridu niżviluppaw u nużaw mezzi ta' mobbiltà konnessi u awtomatizzati, u jeħtieġ li nagħtu lok għal ġestjoni tat-traffiku aktar effiċjenti u moderna.”

Il-passi li jmiss

Il-proposta għal Regolament, l-Att Bażiku Uniku, li jistabbilixxi disa' impriżi konġunti bbażati fuq l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) se tiġi adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Il-proposta separata għas-sħubija fuq il-Metroloġija bbażata fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE se tiġi adottata b'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Kuntest

Is-sħubiji Ewropej huma approċċi li jipprovdi l-Orizzont Ewropa, il-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni (2021–2027). Dawn għandhom l-għan li jtejbu u jgħaġġlu l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda f'setturi diversi, billi jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati. Se jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jsaħħu ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Is-sħubiji huma miftuħa għal firxa wiesgħa ta' sħab pubbliċi u privati, bħall-industrija, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u miftuħa wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom il-fondazzjonijiet u l-NGOs.

Aktar Informazzjoni

Sħubiji Ewropej

Infografika

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
23 Frar 2021