Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-ħdax-il edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, ħarsa ġenerali annwali li tipprovdi data komparattiva dwar l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri tal-UE. It-Tabella ta' Valutazzjoni ta' din is-sena tinkludi ċifri dwar 16-il qasam ġdid, pereżempju dwar kif l-awtoritajiet nazzjonali qed jindirizzaw il-korruzzjoni, dwar it-tul tal-proċedimenti li jirrigwardaw kawżi ta' tixħim, u dwar arranġamenti speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess ugwali għall-ġustizzja għall-persuni ta' età avvanzata, il-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika, u l-persuni li ġeneralment ikunu f'riskju ta' diskriminazzjoni. L-edizzjoni tal-2023 tinkludi wkoll, għall-ewwel darba, ċifri speċifiċi dwar is-salarji tal-imħallfin u l-prosekuturi, dwar il-ħatra tal-Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Prosekuturi Ġenerali, u dwar l-ogħla istanzi li jeżerċitaw kompetenzi kostituzzjonali, fost l-oħrajn.
Is-sejbiet ewlenin tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2023
- Għad hemm sfidi fir-rigward tal-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja: Stħarriġ tal-Ewrobarometru fost il-pubbliku ġenerali juri li, mill-2016 'l hawn, il-perċezzjoni tal-pubbliku ġenerali fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja marret għall-aħjar fi 15-il Stat Membru. Meta mqabbla mas-sena l-oħra, il-perċezzjoni marret għall-aħjar fi 12-il Stat Membru u fl-istess waqt marret għall-agħar jew baqgħet stabbli fi 12-il Stat Membru. F'xi ftit Stati Membri, il-livell ta' indipendenza perċepita għadu partikolarment baxx. Fost il-kumpaniji, Stħarriġ tal-Ewrobarometru ieħor juri li l-perċezzjoni tal-indipendenza marret għall-aħjar fi 12-il Stat Membru meta mqabbla mal-2016. Madankollu, meta mqabbla mas-sena l-oħra, il-perċezzjoni tal-kumpaniji fir-rigward tal-indipendenza marret għall-agħar fi 13-il Stat Membru.
- Ħarsa lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni: fi 12-il Stat Membru l-kawżi ta' tixħim fil-qrati kriminali jiġu solvuti fi żmien sena, filwaqt li fil-ħamsa l-oħra l li hemm id-data tagħhom disponibbli, il-proċedimenti jistgħu jdumu sa madwar erba' snin. It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-2023 tippreżenta wkoll stampa komparattiva tas-setgħat u l-ħatra tal-korpi speċjalizzati li jindirizzaw il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Tippreżenta wkoll l-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-korpi tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll il-proċeduri tal-ħatra għall-kapijiet tal-uffiċċji tal-prosekutur speċjalizzati fl-indirizzar tal-korruzzjoni.
- Lok għal titjib kontinwat fid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji: Tmien Stati Membri biss għandhom regoli proċedurali, li jippermettu kompletament jew fil-biċċa l-kbira l-użu ta' komunikazzjoni mill-bogħod u l-ammissibbiltà tal-evidenza f'format diġitali biss. F'19-il Stat Membru, dan huwa possibbli biss f'għadd limitat ta' sitwazzjonijiet, bħal għal ċerti utenti tal-qorti (eż. partijiet), iżda mhux għal kollha kemm huma (esperti tal-qorti). Barra minn hekk, is-sejbiet tal-edizzjoni ta' din is-sena jiżvelaw, b'żewġ eċċezzjonijiet, li l-qrati u s-servizzi ta' prosekuzzjoni fl-Istati Membri għadhom mhux qed jużaw kompletament it-teknoloġija diġitali sal-potenzjal permess mir-regoli proċedurali tagħhom.
- Livelli li jvarjaw ta' aċċessibbiltà għall-ġustizzja għal persuni f'riskju ta' diskriminazzjoni u persuni akbar fl-età, kif ukoll għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika: Daqs 17-il Stat Membru jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet ta' persuni f'riskju ta' diskriminazzjoni u 22 jipprovdu aċċess fiżiku bla xkiel għall-bini tal-qorti. Barra minn hekk, disa' Stati Membri ħadu passi biex jagħmlu l-għajnuna legali aktar aċċessibbli għall-persuni ta' età avvanzata. Fir-rigward tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika, fi 12-il Stat Membru, hemm fis-seħħ is-salvagwardji kollha mmappjati, inkluż l-aċċess online għal informazzjoni speċifika li hija rilevanti għal dan il-grupp, protezzjoni speċjali għall-vittmi u għax-xhieda, appoġġ matul il-proċedimenti ġudizzjarji minn organizzazzjonijiet mhux governattivi jew korpi tal-ugwaljanza jew taħriġ speċifiku apposta għall-imħallfin. Madankollu, kważi kwart tal-Istati Membri ma jipprovdux aċċess online għal informazzjoni rilevanti dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u d-drittijiet tal-vittmi.
Il-passi li jmiss
L-informazzjoni li tinsab fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tikkontribwixxi għall-monitoraġġ imwettaq fil-qafas tas-Semestru Ewropew, u ċ-Ċiklu Annwali tal-Istat tad-Dritt, u s-sejbiet se jikkontribwixxu għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni għall-2023. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2023 ġiet żviluppata ulterjorment biex tindirizza l-ħtieġa għal informazzjoni komparattiva addizzjonali (bħal ċifra ġdida dwar is-salarji annwali tal-imħallfin u l-prosekuturi), identifikata matul it-tħejjija tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt għall-2023. Id-data tat-Tabella ta' Valutazzjoni tintuża wkoll għall-monitoraġġ tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Kuntest
Imnedija fl-2013, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tintuża mill-Kummissjoni biex timmonitorja r-riformi tal-ġustizzja fl-Istati Membri u hija waħda mill-għodod fis-sett ta' għodod tal-Istat tad-Dritt fl-UE. It-Tabella ta' Valutazzjoni tiffoka fuq it-tliet elementi prinċipali ta' sistema ġudizzjarja effettiva:
- Effiċjenza: l-indikaturi dwar it-tul tal-proċedimenti, ir-rata ta' għeluq tal-każijiet u l-għadd ta' kawżi pendenti;
- Kwalità: l-indikaturi dwar l-aċċessibbiltà (bħall-għajnuna legali u t-tariffi tal-qorti), it-taħriġ, il-baġit u s-salarji tal-imħallfin u l-prosekuturi, ir-riżorsi umani u d-diġitalizzazzjoni;
- Indipendenza: l-indikaturi dwar il-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja fost il-pubbliku ġenerali u l-kumpaniji u dwar is-salvagwardji relatati mal-imħallfin u t-tħaddim tas-servizzi tal-prosekuzzjoni nazzjonali.
Bħal f'edizzjonijiet preċedenti, l-edizzjoni tal-2023 tippreżenta data minn żewġ stħarriġiet tal-Ewrobarometru dwar kif il-pubbliku u l-kumpaniji jipperċepixxu l-indipendenza ġudizzjarja f'kull Stat Membru.
Is-sejbiet tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2023 tqiesu fil-valutazzjoni speċifika għall-pajjiż imwettqa fl-ambitu tas-Semestru Ewropew tal-2023, kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Reżiljenza u ta' Rkupru tal-Istati Membri. Fl-2023, l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (li tistabbilixxi l-gwida strateġika biex jittaffew l-impatti negattivi tax-xokkijiet fl-enerġija u jitrawwem it-tkabbir sostenibbli u tiżdied ir-reżiljenza tal-UE) ittenni r-rabta bejn sistemi tal-ġustizzja effettivi u ekonomija għas-servizz tan-nies fl-Istati Membri. Sistemi ġudizzjarji kompletament indipendenti u li jiffunzjonaw tajjeb għandhom impatt pożittiv fuq id-deċiżjonijiet ta' investiment u fuq ir-rieda tal-atturi kollha li jniedu proġetti ta' investiment.
Bil-programm dwar il-Ġustizzja 2021-2027, l-UE qed tagħmel aktar minn EUR 300 miljun disponibbli għall-iżvilupp ulterjuri ta' Spazju Ewropew ta' Ġustizzja. Se tgħin ukoll biex ittejjeb l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u ssaħħaħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż billi tiżgura aċċess effettiv għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-programm jiffinanzja attivitajiet li jkopru t-taħriġ għall-imħallfin u għal operaturi oħra fil-qasam tal-ġustizzja, it-tagħlim reċiproku, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u s-sensibilizzazzjoni.
Aktar informazzjoni
It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2023
L-iskeda informattiva tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE
L-Ewrobarometru Flash: L-indipendenza perċepita tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali fl-UE fost il-pubbliku ġenerali
Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022
Skeda informattiva dwar is-sett ta' għodod tal-istat tad-dritt fl-UE
Is-sit web tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Ġunju 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta