Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet18 Diċembru 20204 min qari

L-UE żżid l-impenn tagħha sa EUR 28 miljun biex tappoġġa lill-SMEs Maltin

euday1_0.jpg
© EU
Il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni tal-UE qed jipprovdu riżorsi addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva għall-SMEs f'koordinazzjoni mal-Gvern Malti. Il-fondi totali disponibbli għall-intrapriżi żgħar u medji lokali jilħqu l-EUR 118-il miljun. 

Minħabba l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus fuq l-ekonomija Maltija, il-Grupp tal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment – BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment – FEI) iffirma ftehim mal-Gvern ta' Malta u mal-Kummissjoni Ewropea biex jiżdied il-finanzjament disponibbli permezz tal-Inizjattiva għall-SMEs f'Malta. Il-Ftehim ġie ffirmat illum minn Alain Godard, il-Kap Eżekuttiv tal-FEI; Miguel Morgado, id-Direttur tal-BEI; l-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE fl-uffiċċju tal-Prim Ministru; u Paul Zahra, is-Segretarju Permanenti għall-Fondi tal-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-inizjattiva għall-SMEs tinvolvi l-użu kkombinat tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-programm Orizzont 2020 u l-fondi tal-grupp tal-BEI.

Sa issa, permezz tal-Inizjattiva għall-SMEs f'Malta, il-Bank of Valletta u l-BNF Bank assenjaw portafoll li fil-mira għandu kważi EUR 90 miljun għall-finanzjament il-ġdid tal-SMEs fil-forma ta' self fil-pajjiż kollu. Minħabba l-implimentazzjoni b'suċċess ta' dan il-ftehim inizjali u l-pandemija tal-coronavirus, l-awtoritajiet Maltin, il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea ddeċidew li jżidu riżorsi oħra ma' din l-inizjattiva. Dan se jiskatta EUR 28 miljun addizzjonali ta' finanzjament għall-SMEs b'termini vantaġġużi, bħal rati tal-imgħax imnaqqsa u rekwiżiti ta' kollateral imtejba, għaldaqstant il-portafoll fil-mira se jiżdied sa EUR 118-il miljun.

Malta kkontribwiet sa EUR 29 miljun mill-pakkett iddedikat għaliha tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Id-EUR 29 miljun se jiġu mobilizzati b'self kummerċjali, permezz tal-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju.

Fil-kummenti tagħha dwar l-iffirmar, Elisa Ferreira, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali u r-Riformi Strutturali qalet: “Nilqa' b'sodisfazzjoni d-deċiżjoni ta' Malta li żżid il-finanzjament disponibbli permezz tal-programm ta' inizjattiva tagħha għall-SMEs bħala miżura ta' appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju lokali li qed jiffaċċjaw l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus. Din hija mossa intelliġenti li se tkun ta' benefiċċju dirett għan-negozji u l-intraprendituri żgħar u ta' daqs medju u se tagħtihom l-ispinta finanzjarja li jeħtieġu biex jegħlbu l-effetti sekondarji tal-pandemija, ibiddlu l-ideat tagħhom fi proġetti konkreti jew jespandu lil hinn mis-swieq lokali tagħhom.”

Fil-kummenti tiegħu dwar iż-żieda fl-Inizjattiva għall-SMEs f'Malta, Alain Godard, il-Kap Eżekuttiv tal-FEI qal: “Ninsab kuntent bir-riżultati ferm pożittivi tal-Inizjattiva għall-SMEs f'Malta għall-intrapriżi żgħar u medji Maltin. Iż-żewġ banek lokali diġà ġġestew EUR 72 miljun ta' finanzjament għall-SMEs biex jgħinu lill-kumpaniji f'dawn l-aħħar erba' snin. Konvint li l-finanzjament addizzjonali se jkun strumentali biex jiġu appoġġati aktar impjiegi u tkabbir u biex jittaffa l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 permezz tal-kombinazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Programm tal-UE Orizzont 2020 u r-riżorsi tal-Grupp tal-BEI.”

Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-BEI, Miguel Morgado qal: “Il-grupp tal-BEI huwa impenjat bis-sħiħ li jkompli jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-SMEs fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u aħna, flimkien mal-awtoritajiet Maltin, għandna l-pjaċir inħabbru żieda fir-riżorsi disponibbli permezz ta' din l-iskema. Il-ftehim iffirmat illum huwa mistenni li jipprovdi lill-SMEs Maltin b'finanzjament fit-tul addizzjonali b'kundizzjonijiet attraenti. Ninsabu fiduċjużi li dan il-ftehim se jkun ta' benefiċċju dejjiemi għan-negozji Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Stefan Zrinzo Azzopardi qal; “Bl-allokazzjoni ta' fondi addizzjonali għall-Istrument Finanzjarju favur l-Inizjattiva għall-SMEs, aħna ntennu l-impenn tal-gvern li jappoġġa n-negozji tagħna. Il-Gvern Malti, filwaqt li ħa inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi attwali, għamel sforz kbir biex jiżgura fluss kontinwu ta' appoġġ għall-intrapriżi sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq l-SMEs Maltin. Dan se jservi bħala opportunità għan-negozji tagħna biex jinvestu u jikbru anki waqt dan iż-żmien, sabiex meta nibdew nirkupraw wara l-COVID-19, l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jkomplu minn fejn ħallew u joħorġu aktar b'saħħithom.”

Informazzjoni ġenerali

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' self fit-tul tal-Unjoni Ewropea, u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jipprovdi finanzjament fit-tul għal investiment sod, biex jgħin fil-kisba tal-għanijiet ta' politika tal-UE, kemm fl-Ewropa kif ukoll bnadi oħra. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa attiv f'madwar 160 pajjiż u huwa l-akbar sellief multilaterali fid-dinja għall-proġetti ta' azzjoni klimatika. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huwa parti mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Il-missjoni ewlenija tiegħu hija li jappoġġa n-negozji mikro, żgħar u medji (SMEs) tal-Ewropa billi jgħinhom fl-aċċess għall-finanzi. 

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni jappoġġaw proġetti fuq il-post permezz ta' prodotti finanzjarji, bħas-self, il-garanziji u l-ekwità. L-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni, previsti skont l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea (UE) Nru 1303/2013 jgħinu biex jiġu xprunati investimenti fuq il-post għal attivitajiet li jiġġeneraw introjtu u li jiffrankaw l-ispejjeż, filwaqt li jimmassimizzaw l-investiment privat bl-inqas appoġġ pubbliku possibbli, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-istrumenti finanzjarji jirrappreżentaw alternattiva aktar effiċjenti u sostenibbli u jikkomplimentaw l-appoġġ tradizzjonali bbażat fuq l-għotjiet.

Aktar informazzjoni

L-Inizjattiva tal-SMEs

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Diċembru 2020