Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 2 Ġunju 2021
  • 1 min qari

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE: Il-Gateway tal-UE tibda titħaddem minn seba' pajjiżi xahar qabel l-iskadenza

eu_digital_covid_certificate_1080x1080.jpg
© EU
Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE laħaq stadju importanti ieħor bl-attivazzjoni tas-sistema teknika fil-livell tal-UE, li tippermetti li ċ-ċertifikati jiġu vverifikati b'mod sigur u li jiffavorixxi l-privatezza.

 

eu_digital_covid_certificate-tw.png
© EU

 

Iċ-ċertifikat tal-UE ġie propost mill-Kummissjoni biex jerġa' jibda l-ivvjaġġar sikur dan is-sajf. Dan se jkun mingħajr ħlas, sigur u aċċessibbli għal kulħadd. Disponibbli f'format diġitali jew stampat, se jservi tal-prova li persuna tkun ġiet vaċċinata kontra l-COVID-19, kisbet riżultat negattiv għal test, jew irkuprat minn infezzjoni.

Wara l-qbil politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-20 ta' Mejju dwar ir-Regolament li jirregola ċ-ċertifikat, illum qed jibda jitħaddem il-qafas tekniku tas-sistemi tal-UE. Maħluq f'xahrejn biss, il-gateway tal-UE jippermetti l-verifika tal-elementi ta' sigurtà li jinsabu fil-kodiċijiet QR taċ-ċertifikati kollha. Dan se jippermetti liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet biex ikunu ċerti li ċ-ċertifikati huma awtentiċi. Matul dal-proċess, l-ebda data personali ma tiġi skambjata jew tinżamm. L-attivazzjoni tal-gateway tikkompleta l-ħidma preparatorja fil-livell tal-UE.

Mill-10 ta' Mejju, 22 pajjiż diġà ttestjaw il-gateway b'suċċess. Filwaqt li r-Regolament se jiġi applikat mill-1 ta' Lulju, l-Istati Membri kollha, li għaddew mill-ittestjar tekniku, u li huma lesti li joħorġu u jivverifikaw iċ-ċertifikati, issa jistgħu jibdew jużaw is-sistema fuq bażi volontarja. Illum diġà, seba' Stati Membri — il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja u l-Polonja — iddeċidew li jikkonnettjaw mal-gateway u bdew joħorġu l-ewwel ċertifikati tal-UE, filwaqt li ċerti pajjiżi ddeċidew li jvaraw ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE biss meta l-funzjonijiet kollha jiġu introdotti fil-pajjiż kollu. Għalhekk, aktar pajjiżi se jibdew jużaw is-sistema fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Aġġornament dwar dan huwa disponibbli fuq paġna web apposta.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Ġunju 2021