Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa21 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE: Il-Kummissjoni tadotta perjodu ta' aċċettazzjoni vinkolanti ta' disa' xhur għaċ-ċertifikati tat-tilqim

Covid

Illum, il-Kummissjoni adottat regoli relatati maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jistabbilixxu perjodu ta' aċċettazzjoni vinkolanti ta' disa' xhur (preċiżament 270 jum) għaċ-ċertifikati tat-tilqim għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE stess. Perjodu ta' aċċettazzjoni ċar u uniformi għaċ-ċertifikati tat-tilqim se jiggarantixxi li l-miżuri tal-ivvjaġġar se jkomplu jkunu kkoordinati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew wara l-aħħar laqgħa tiegħu fis-16 ta' Diċembru 2021. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li r-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, kif ukoll kriterji oġġettivi. Il-koordinazzjoni kontinwa hija essenzjali għall-funzjonament tas-Suq Uniku, u dan se jagħti ċarezza liċ-ċittadini tal-UE huma u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa storja ta' suċċess. Iċ-Ċertifikat se jkompli jiffaċilita l-ivvjaġġar sikura għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea matul iż-żmien tal-pandemija. S'issa nħarġu 807 miljun ċertifikat fl-UE. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilixxa standard globali: s'issa, 60 pajjiż u territorju f'ħames kontinenti ngħaqdu mas-sistema.

Ir-regoli l-ġodda għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE stess jarmonizzaw ir-regoli differenti fl-Istati Membri. Il-perjodu ta' validità jqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li skontha jiġu rrakkomandati d-dożi booster sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tlestija tal-ewwel sensiela tat-tilqim. Iċ-Ċertifikat se jibqa' validu għal perjodu ta' grazzja ta' tliet xhur addizzjonali aktar minn dawk is-sitt xhur, biex jiżgura li l-kampanji nazzjonali tat-tilqim jkunu jistgħu jaġġustaw u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għad-dożi booster.

Ir-regoli l-ġodda dwar il-perjodu ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim japplikaw għall-fini tal-ivvjaġġar. Meta jintroduċu regoli ġodda dwar l-użu taċ-ċertifikati fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mħeġġa jallinjawhom ma' dawn ir-regoli l-ġodda biex jipprovdu ċ-ċertezza għall-vjaġġaturi u jnaqqsu t-tfixkil.

Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni adattat ir-regoli għall-kodifikazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-sensiela primarja dejjem ikunu jistgħu jiġu distinti miċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara doża booster.

Il-boosters se jiġu rrikordjati hekk:

  • 3/3 għal doża booster wara sensiela ta' tilqim primarju ta' żewġ dożi.
  • 2/1 għal doża booster wara tilqim b'doża waħda, jew doża waħda minn vaċċin ta' żewġ dożi amministrata lil persuna rkuprata.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, qalet: “Perjodu ta' validità armonizzata għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa meħtieġ għall-moviment liberu sikur u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Din l-għodda imprezzabbli għaċ-ċittadini u għan-negozji hija b'saħħitha u ta' suċċess għaliex se tintuża b'mod koerenti fl-UE. Issa rridu niżguraw li l-kampanji tal-boosters jitwettqu mill-aktar fis, li l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini jingħataw protezzjoni minn doża addizzjonali, u li ċ-ċertifikati tagħna jibqgħu għodda ewlenija għall-ivvjaġġar u għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.” 

Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, qal: “Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa storja ta' suċċess. Irridu nżommuh dan il-mod, u rridu naġġustaw għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u għal għarfien ġdid. B'miżuri unilaterali fl-Istati Membri nerġgħu lura għall-frammentazzjoni u għall-inċertezzi li kellna r-rebbiegħa li għaddiet. Il-perjodu ta' aċċettazzjoni ta' disa' xhur għaċ-ċertifikat tat-tilqim se jagħtu liċ-ċittadini u lin-negozji ċ-ċertezza li jeħtieġu biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom b'kunfidenza. Issa f'idejn l-Istati Membri biex jiżguraw li l-boosters ma jdumux ma jiġu distribwiti, biex nipproteġu saħħitna u niżguraw l-ivvjaġġar sikur.” 

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal: “Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sar standard globali. Billi jirrifletti l-aktar għarfien xjentifiku reċenti dwar il-boosters, iċ-ċertifikat għadu għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-mewġ differenti tal-pandemija. Flimkien mal-produzzjoni fuq skala kbira u l-provvista tal-vaċċini, iċ-ċertifikat se jgħin lill-Istati Membri biex iħaffu d-distribuzzjoni tal-boosters. Dan huwa meħtieġ sabiex nipproteġu s-saħħa pubblika, filwaqt li nippreżervaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tagħna.”

Sfond

Biex jiffaċilitaw il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-14 ta' Ġunju 2021. Meta ġie adottat dan ir-Regolament, għad ma kienx hemm data affidabbli dwar kemm in-nies se jdumu protetti wara s-sensiela primarja ta' vaċċin kontra l-COVID-19. Minħabba dan, il-kampijiet tad-data li kellhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikati tat-tilqim ma jinkludux data dwar il-perjodu ta' aċċettazzjoni, għall-kuntrarju tal-kampijiet tad-data inklużi fiċ-ċertifikati ta' rkupru. Għalhekk, s'issa kien f'idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu r-regoli dwar kemm idumu validi ċ-ċertifikati tat-tilqim fil-kuntest tal-ivvjaġġar.

Hekk kif issa qed jingħataw id-dożi booster kontra l-COVID-19, aktar u aktar Stati Membri adottaw regoli dwar kemm se jibqgħu jaċċettaw iċ-ċertifikati tat-tilqim li jindikaw it-tlestija tas-sensiela ta' tilqim primarju. Dawn iqisu l-fatt li l-protezzjoni li jagħtu l-vaċċini għal kontra l-COVID-19 tidher li tmajna maż-żmien. Dawn ir-regoli japplikaw għall-każijiet ta' użu domestiku biss, jew inkella japplikaw ukoll għall-użu taċ-Ċertifikati tat-tilqim għall-finijiet tal-ivvjaġġar.

L-Att Delegat huwa konsistenti mal-approċċ adottat mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill dwar approċċ koordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, mill-25 ta' Novembru 2021. Iċ-ċertifikati tat-tilqim se jibqgħu jiġu aċċettati mill-Istati Membri għal perjodu ta' disa' xhur wara l-amministrazzjoni tal-aħħar doża tat-tilqim primarju. Għal vaċċin b'doża waħda, dan ifisser 270 jum wara l-ewwel u l-unika doża. Għal vaċċin b'żewġ dożi, dan ifisser 270 jum wara t-tieni doża, jew, f'konformità mal-istrateġija tat-tilqim tal-Istat Membru tat-tilqim, l-ewwel u l-unika doża wara l-irkupru mill-virus. Skont dawn ir-regoli l-ġodda tal-UE għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE stess, l-Istati Membri jridu jaċċettaw kull ċertifikat tat-tilqim li jkun maħruġ inqas minn disa' xhur mill-amministrazzjoni tal-aħħar doża tat-tilqim primarju. L-Istati Membri la jistgħu jipprevedu perjodu ta' aċċettazzjoni iqsar u lanqas wieħed itwal.

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li jkollhom aċċess għat-tilqim dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom, li jkunu nħarġu qabel, qed joqorbu l-limitu tal-perjodu ta' aċċettazzjoni standard. Għalissa mhu se japplika l-ebda perjodu ta' aċċettazzjoni standard għaċ-ċertifikati maħruġa wara l-għoti tad-dożi booster, peress li bħalissa għad m'hemmx biżżejjed data dwar kemm idum il-perjodu ta' protezzjoni.

Il-perjodu ta' aċċettazzjoni mhux se jiġi kkodifikat fiċ-ċertifikat innifsu. Minflok, se jiġu aġġustati l-applikazzjonijiet mobbli li jintużaw biex jivverifikaw iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Jekk id-data tat-tilqim tkun ilha aktar minn 270 jum, l-applikazzjoni mobbli li tintuża għall-verifika se tindika li ċ-ċertifikat ikun skada.

Biex ikun hemm biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni teknika tal-perjodu ta' aċċettazzjoni u għall-kampanji tad-distribuzzjoni tal-boosters tal-Istati Membri, ir-regoli l-ġodda għandhom japplikaw mill-1 ta' Frar 2022 'il quddiem.

Għal Aktar Informazzjoni

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-validità taċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa skont il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

Skeda informattiva dwar il-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-ivvjaġġar sikur fl-UE

Skeda informattiva dwar il-COVID-19: Miżuri ta' vvjaġġar u saħħa fl-UE

ReopenEU

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
21 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta