Bejn l-2021 u l-2027 Malta se tibbenefika minn EUR 817-il miljun f'finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni bħala appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija tagħha kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija li għadu kif ġie adottat mill-Kummissjoni.
Wara l-kisbiet importanti ta' Malta matul l-aħħar perjodi ta' programmazzjoni, l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati d-disparitajiet fil-pajjiż u biex l-ekonomija Maltija ssir aktar innovattiva u kompetittiva. Il-fondi tal-UE se jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż u t-trasformazzjoni diġitali tiegħu. Dan se jtejjeb il-ħiliet, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali tal-persuni.
It-tranżizzjoni ekoloġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività
Ammont ta' € 417-il miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali(FEŻR) u mill-Fond ta' Koeżjoni se jikkontribwixxu biex in-negozji żgħar u medji jsiru aktar innovattivi, diġitali u kompetittivi, u biex tingħata spinta lil ekonomija aktar intelliġenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju.
Proporzjon sinifikanti mill-fondi se jiġi investit fl-iżgurar tal-effiċjenza tal-enerġija u fil-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija fil-pajjiż bis-saħħa tal-iżvilupp ta' interkonnettur tal-elettriku ieħor mal-Italja fis-sura ta' kejbil b'vultaġġ għoli minn taħt il-baħar. Dan se jżid il-provvista u s-sigurtà tal-elettriku u jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
Barra minn hekk, € 23.3 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund) se jiġu investiti fil-provvisti tal-enerġija tal-elettriku biex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Port Ħieles ta' Malta.
Suq tax-xogħol inklużiv, edukazzjoni u kura tas-saħħa
Iż-żgħażagħ u n-nisa se jkollhom aċċess aħjar għall-impjiegi bis-saħħa ta' aktar minn € 124.4 miljun fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus(FSE+). Dan il-fond se se jappoġġa wkoll metodi ta' tagħlim u għodod ta' apprendiment innovattivi, l-edukazzjoni inklużiva għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal b'diżabilità, u l-edukazzjoni fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
Barra minn hekk, Malta se tappoġġa l-inklużjoni attiva, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b'diżabilità. L-għajnuna alimentari se tiġi offruta wkoll lil dawk l-aktar fil-bżonn. Barra minn hekk, Malta se tinvesti fis-sistemi tas-saħħa tagħha, billi tipprovdi taħriġ lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, fil-protezzjoni soċjali u l-indukrar, se tniedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar stili ta' ħajja u benesseri tajbin għas-saħħa, u se tinvesti fir-riċerka dwar is-saħħa.
Is-sajd sostenibbli
Ammont ta' € 21.8 miljun mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) se jrawwem it-tkabbir ta' ekonomija blu sostenibbli, isaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-sajd, u jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur billi jreġġa' lura u jħares ir-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi u jippromwovi l-akkwakultura sostenibbli.
Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:
Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “L-adozzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ma' Malta timmarka pass importanti ieħor fl-isforzi komuni tagħna biex innaqqsu d-disparitajiet u nippromwovu soċjetajiet aktar prosperi, inklużivi u territorjalment koeżivi fl-UE. L-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni se jistimulaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ta' Malta u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tagħha u għall-promozzjoni ta' ekonomija vibranti u diversifikata permezz ta' appoġġ għal negozji żgħar u ta' daqs medju u ekonomija aktar immexxija mill-innovazzjoni.”
Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, żied jgħid: “Dan il-Ftehim ta' Sħubija se jkun kruċjali biex Malta tilħaq il-miri soċjali nazzjonali tagħha tal-2030 li huma stabbiliti f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Napprezza l-enfasi strateġika tal-investimenti tal-FSE+, li tagħti spinta lill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità u tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet. Bl-appoġġ tal-fondi tal-FSE+, Malta se ttejjeb l-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa, għaż-żgħażagħ u għall-aktar persuni vulnerabbli.”
Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius, qal: “Dan il-Ftehim ta' Sħubija se joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-attivitajiet marittimi u kostali f'Malta. Barra minn hekk, se jikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, filwaqt li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-bijodiversità u jimplimenta soluzzjonijiet vijabbli għad-dekarbonizzazzjoni filwaqt li jikkontribwixxi għall-governanza tal-ibħra fil-Mediterran Ċentrali.”
Kuntest
Skont il-Politika ta' Koeżjoni, u f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kull Stat Membru jħejji Ftehim ta' Sħubija, dokument strateġiku għall-investimenti mill-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (il-FEŻR, il-FSE+, u l-Fond ta' Koeżjoni), mill-JTF (Fond għal Tranżizzjoni Ġusta) u mill-FEMSA.
Il-Ftehimiet ta' Sħubija jiffukaw fuq il-prijoritajiet tal-UE, u jistabbilixxu l-istrateġija u l-prijoritajiet ta' investiment identifikati minn kull Stat Membru. Dawn jippreżentaw lista ta' Programmi Nazzjonali u Reġjonali adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiż għall-implimentazzjoni tal-investimenti fuq il-post, inkluża l-allokazzjoni finanzjarja annwali indikattiva għal kull programm.
Barra minn hekk, il-Ftehim ta' Sħubija jirrifletti l-impenn qawwi tal-Istat Membru għall-użu koordinat tal-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-entitajiet involuti fil-ġestjoni tal-fondi.
Il-Ftehim ta' Sħbija ma' Malta huwa l-21 wieħed li ġie adottat wara dawk tal-Greċja, tal-Ġermanja, tal-Awstrija, taċ-Ċekja, tal-Litwanja, tal-Finlandja, tad-Danimarka, ta 'Franza, tal-Iżvezja, tan-Netherlands, tal-Polonja, tal-Bulgarija, ta' Ċipru, tal-Portugall, tal-Estonja, tas-Slovakkja, tal-Italja, tar-Rumanija, tal-Kroazja u tas-Slovenja.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 16 Settembru 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta