Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 25 Ottubru 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 1 min qari

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE: EUR 23 miljun għal tranżizzjoni klimatika ġusta f’Malta

Malta maritime

Bis-saħħa tal-adozzjoni tal-Pjan ta’ Tranżizzjoni Ġusta Territorjali għal Malta, EUR 23 miljun f’għotjiet tal-UE mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) se jiġu allokati lill-gżira biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ġusta tagħha lejn in-newtralità klimatika, b’mod partikolari fis-settur marittimu.

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans, qal: “L-ekoloġizzazzjoni tas-settur tat-trasport u dak marittimu hija waħda mill-akbar sfidi għat-tranżizzjoni ta’ Malta lejn futur newtrali għall-klima. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għalhekk se jipprovdi appoġġ speċifiku lil dawn is-setturi, inaqqas l-emissjonijiet mill-portijiet ewlenin ta’ Malta filwaqt li joħloq ukoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda għaċ-ċittadini fuq il-gżira.”

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Is-settur tat-trasport marittimu f’Malta jimpjega aktar minn 12,700 persuna, ekwivalenti għal 6 % tal-impjiegi totali, u huwa element vitali tal-ekonomija Maltija. Madankollu, tipproduċi wkoll parti sinifikanti mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ Malta. Il-JTF se jgħin lis-settur jitbiegħed mill-fjuwils fossili u, konsegwentement, it-trasformazzjoni ta’ Malta f’pajjiż b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima filwaqt li jżomm l-impjiegi.”

Il-fondi tal-UE se jiffukaw fuq id-dekarbonizzazzjoni tal-portijiet internazzjonali ta’ Malta kontinentali (il-Port il-Kbir u l-Port Ħieles ta’ Malta), u fuq il-provvista tal-enerġija elettrika lill-vapuri fuq l-art. Il-JTF jappoġġa t-territorji li jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima.

Il-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta (TJTPs), żviluppati f’konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab lokali, jidentifikaw it-territorji kkonċernati. Huma jistabbilixxu wkoll l-isfidi għal kull territorju, u l-ħtiġijiet u l-objettivi tal-iżvilupp li għandhom jintlaħqu.

It-TJTPs, meta approvati mill-Kummissjoni, jiftħu l-bieb għal finanzjament iddedikat taħt iż-żewġ pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM): skema ta’ tranżizzjoni ġusta taħt InvestEU u Faċilità ta’ Self għas-Settur Pubbliku għal Tranżizzjoni Ġusta li tgħaqqad l-għotjiet tal-Kummissjoni ma’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-JTM huwa għodda ewlenija biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust. Huwa jipprovdi appoġġ immirat biex jgħin jimmobilizza madwar EUR 55 biljun matul il-perjodu 2021–2027 fir-reġjuni l-aktar milquta.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
25 Ottubru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta