
Il-bieraħ, il-Kummissjoni ħabbret ir-rebbieħa tal-Premjijiet REGIOSTARStal-2022 għall-aħjar proġetti appoġġjati mill-Politika ta' Koeżjoni fl-UE. Biex jiċċelebraw il-15-il anniversarju tal-Premjijiet, ġew innominati 15-il proġett fost il-finalisti u r-rebbieħa tal-edizzjonijiet tal-passat. Grupp ta' ġurnalisti żgħażagħ għamlu dokumentarji qosra dwar kif evolvew il-proġetti sa min-nomini tagħhom għar-REGIOSTARS.
Wara votazzjoni pubblika, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira ppreżentat il-premjijiet lir-rebbieħa f'ċerimonja f'Evora, il-Portugall:
- L-ewwel post mar għall-proġett ta' “riabilitazzjoni u restawr” taċ-Ċittadella ta' Għawdex, Malta. Il-proġett irrestawra u rrijabilita strutturi interni fil-ħitan tal-belt antika u ffortifikata. Illum, bis-saħħa taċ-ċentru l-ġdid tal-viżitaturi u aċċessibbiltà aħjar, dan il-monument impressjonanti se jattira aktar turisti minn qatt qabel, filwaqt li jisfrutta bis-sħiħ l-potenzjal kollu tiegħu.
- Fit-tieni post ġie proġett pilota tal-Iskejjel elettroniċi. Dan il-proġett ipprovda tagħmir tal-ICT u għodod tal-edukazzjoni diġitali lil 151 skola primarja u sekondarja fil-Kroazja. Għen lil 10 % tal-iskejjel tal-pajjiż itejbu l-kompetenzi tagħhom fl-oqsma tal-ICT għat-tagħlim. B'appoġġ u taħriġ kontinwu għall-għalliema u s-surmastijiet, l-approċċ komprensiv tal-proġett jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul.
- Fit-tielet post ġie l-“Programm ta' Kostruzzjoni Sostenibbli PICSA fl-Andalusija”. Dan il-proġett għen biex jerġa' jissaħħaħ is-settur tal-bini f'Andalusija, Spanja, billi introduċa ffrankar tal-enerġija u aktar enerġija rinnovabbli fil-bini eżistenti. Il-proġett tejjeb ukoll il-kompetittività tal-kumpaniji lokali tal-kostruzzjoni u naqqas il-faqar enerġetiku tal-familji b'introjtu baxx.
Sfond
Il-Premjijiet REGIOSTARS ilhom jiġu organizzati kull sena mill-Kummissjoni mill-2008. Saru t-tikketta ta' eċċellenza tal-Ewropa għall-proġetti ffinanzjati mill-UE taħt il-Politika ta' Koeżjoni li juru approċċi innovattivi u inklużivi għall-iżvilupp reġjonali. Huma jispiraw lir-reġjuni jwettqu Politika ta' Koeżjoni tal-UE b'impatt dejjem akbar.
Kull sena, mijiet ta' proġetti jikkompetu f'ħames kategoriji u f'suġġett speċifiku stabbilit għal kull kompetizzjoni. Għall-premju tal-għażla pubblika, iċ-ċittadini jistgħu jivvutaw għall-proġett favorit tagħhom fost il-finalisti.
Mill-2023 'il quddiem, il-kategoriji se jkunu marbutin mal-objettivi ta' politika tal-perjodu ta' programmazzjoni 2021–2027. Barra minn hekk, il-proċess tal-għażla se jsir f'żewġ stadji, bil-finalisti kollha jagħmlu l-aħħar preżentazzjoni tagħhom quddiem ġurija matul il-Ġimgħa tar-Reġjuni tal-UE annwali. Iċ-ċerimonji tal-premjazzjoni jsiru fl-Istati Membri skont sistema ta' rotazzjoni. L-ospitant għall-2023 se jkun il-belt ta' Ostrava, fiċ-Ċekja.
Għal aktar informazzjoni
Filmati tal-proġett RegioStars 2022
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 18 Novembru 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta