Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-11-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja. Dan il-pakkett se jiżgura li s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja jiġu infurzati u implimentati aħjar, abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjon tul is-sena li għaddiet.
Il-11-il pakkett għandu dawn l-elementi ewlenin:
MIŻURI KUMMERĊJALI
- Għodda ġdida kontra ċ-ċirkomvenzjoni: Din se tippermetti lill-UE tirrestrinġi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija speċifiċi sanzjonati lejn ċerti pajjiżi terzi li l-ġurisdizzjonijiet tagħhom jitqiesu li jinsabu f'riskju kontinwu u partikolarment għoli ta' ċirkomvenzjoni. Din l-għodda ġdida ta' “kontra ċ-ċirkomvenzjoni” se tkun miżura eċċezzjonali u tal-aħħar istanza meta miżuri individwali oħra u komunikazzjoni mill-UE mal-pajjiżi terzi kkonċernati ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni.
- L-estensjoni tal-projbizzjoni ta' tranżitu għal ċerti oġġetti sensittivi (eż. it-teknoloġija avvanzata, il-materjali relatati mal-avjazzjoni) esportati mill-UE lejn pajjiżi terzi, permezz tar-Russja. Dan se jnaqqas ir-riskju ta' ċirkomvenzjoni.
- Iż-żieda ta' 87 entità ġdida mal-lista ta' dawk li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Dawn huma soġġetti għal restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u b'teknoloġija avvanzata. Minbarra l-entitajiet Russi u Iranjani diġà elenkati, issa din tkopri wkoll entitajiet miċ-Ċina, l-Użbekistan, l-Emirati Għarab Magħquda, is-Sirja u l-Armenja.
- Ir-restrizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' 15-il oġġett teknoloġiku ieħor misjub fil-kamp tal-battalja fl-Ukrajna jew it-tagħmir meħtieġ għall-produzzjoni ta' oġġetti bħal dawn. Qiegħdin naħdmu f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab, u qed inżidu lill-Iżvizzera mal-lista tal-pajjiżi sħab tagħna.
- Restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti tal-ħadid u tal-azzar billi l-importaturi ta' oġġetti tal-ħadid u tal-azzar sanzjonati li jkunu ġew ipproċessati f'pajjiż terz jintalbu jagħtu prova li l-inputs użati ma jkunux ġejjin mir-Russja.
- Il-projbizzjoni li jinbiegħu, jiġu liċenzjati, ittrasferiti jew riferuti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali użati b'rabta ma' oġġetti ristretti biex jiġi evitat li l-oġġetti sanzjonati ma jkunux sempliċiment immanifatturati barra mill-UE.
- Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' karozzi lussużi estiża għall-karozzi ġodda u użati kollha 'l fuq minn ċertu daqs tal-magna (> 1.900 cm³), u għall-karozzi elettriċi u ibridi kollha.
- Projbizzjoni sħiħa fuq ċerti tipi ta' komponenti tal-makkinarju.
- Is-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-anness dwar il-prodotti industrijali, billi jiġu elenkati prodotti soġġetti għal restrizzjonijiet f'taqsima waħda u b'definizzjonijiet usa' tal-prodott, biex jiġu identifikati aħjar l-oġġetti soġġetti għal projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u titnaqqas iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet permezz ta' klassifikazzjoni ħażina.
MIŻURI TA' TRASPORT
- Il-projbizzjoni totali għad-dħul ta' trakkijiet bi trejlers u semitrejlers Russi milli jittrasportaw oġġetti fl-UE. Dan se jrażżan iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni għall-operaturi Russi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, biex ma tinġarrx merkanzija fl-UE.
- Il-projbizzjoni ta' aċċess għall-portijiet tal-UE għal bastimenti li jwettqu trasferimenti minn vapur għal vapur bi ksur tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni taż-żejt jew il-limitu massimu tal-prezz tal-Koalizzjoni tal-G7.
- Projbizzjoni ta' aċċess għal portijiet tal-UE għal bastimenti jekk bastiment ma jinnotifikax lill-awtorità kompetenti mill-inqas 48 siegħa qabel dwar trasferiment minn vapur għal vapur li jseħħ fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta' Stat Membru jew sa 12-il mil nawtiku mil-linja bażi tal-kosta ta' dak l-Istat Membru.
- Il-projbizzjoni ta' aċċess għall-portijiet tal-UE għall-bastimenti li jimmanipulaw jew jitfu s-sistema ta' traċċar tan-navigazzjoni tagħhom meta jittrasportaw iż-żejt Russu li l-importazzjoni tiegħu hija pprojbita jew li huwa soġġett għall-limitu massimu tal-prezz tal-G7.
MIŻURI TA' ENERĠIJA
- It-tmiem tal-possibbiltà, għall-Ġermanja u għall-Polonja, li jimportaw iż-żejt Russu permezz ta' pipelines.
- L-inseriment ta' derogi stretti u mmirati ħafna għall-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni biex tkun tista' ssir il-manutenzjoni tal-pipeline CPC (il-Konsorzju għall-pipeline tal-Baħar Kaspju) li jittrasporta ż-żejt tal-Każakistan lejn l-UE mir-Russja.
- L-estensjoni tal-eċċezzjoni fuq il-limitu tal-prezz taż-żejt ta' Sakhalin għall-Ġappun (sal-31 ta' Marzu 2024).
AKTAR ŻIDIET FIL-LISTI
- Aktar minn 100 individwu u entità addizzjonali soġġetti għall-iffriżar tal-assi. Dan jinkludi uffiċjali militari għolja, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-gwerra, persuni involuti fid-deportazzjoni illegali ta' tfal Ukreni lejn ir-Russja, imħallfin li ħadu deċiżjonijiet politikament motivati kontra ċittadini Ukreni, persuni responsabbli għas-sakkeġġ tal-wirt kulturali, negozjanti, propagandisti, kif ukoll kumpaniji tal-IT Russi li jipprovdu teknoloġija u software kritiċi lill-intelligence Russa, banek li joperaw fit-territorji okkupati u entitajiet li jaħdmu mal-forzi armati Russi.
KJARIFIKI ADDIZZJONALI
- Ir-reviżjoni tal-kriterju tal-elenkar għal individwi/entitajiet involuti f'ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, inklużi dawk li jfixklu b'mod sinifikanti s-sanzjonijiet tal-UE.
- Iż-żieda ta' kriterju ġdid ta' elenkar biex jiġu definiti l-persuni u l-entitajiet li joperaw fis-settur tal-IT Russu b'liċenzja mis-Servizz tas-Sigurtà Federali tal-Federazzjoni Russa (FSB) jew mill-Ministeru Russu tal-Industrija u l-Kummerċ.
- L-inseriment ta' deroga li tippermetti l-bejgħ tad-drittijiet ta' proprjetà f'impriża konġunta Russa bi sjieda konġunta ma' persuna elenkata.
- L-inseriment ta' deroga li tippermetti d-disponiment ta' ċerti tipi ta' titoli miżmuma ma' entitajiet elenkati li jkunu speċifikati.
- L-inseriment ta' ċerti kjarifiki fid-dispożizzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u rigward ir-rispett tal-kunfidenzjalità fil-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom fil-kuntest tal-obbligi ta' rapportar.
- L-inseriment ta' deroga li tippermetti l-forniment tas-servizzi meħtieġa għall-istabbiliment ta' firewall li jneħħi l-kontroll fuq l-assi ta' entità tal-UE minn persuna elenkata.
- L-inseriment ta' eżenzjoni għall-forniment ta' servizzi tal-bdoti f'ċirkostanzi speċifiċi.
OĦRAJN
- L-estensjoni tal-projbizzjoni tal-media għal ħames kanali addizzjonali.
- Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-iskambju u r-rappurtar tal-informazzjoni.
- L-inklużjoni ta' deroga temporanja li tippermetti l-forniment ta' servizzi pprojbiti li huma legalment meħtieġa għaċ-ċessjoni ta' operaturi Russi mill-UE.
SANZJONIJIET TAL-UE
Is-sanzjonijiet tal-UE illimitaw l-għażliet politiċi u ekonomiċi ta' Moska b'mod konsiderevoli, billi kkawżaw pressjoni finanzjarja kbira, u naqqsu l-kapaċità industrijali u teknoloġika tar-Russja. Huma qed jissodisfaw it-tliet objettivi ewlenin tagħhom: inaqqsu l-kapaċità militari tar-Russja milli tkompli l-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, iċċaħħdu lill-Kremlin mid-dħul li qed jiffinanzja l-gwerra, u jimponu spejjeż fuq l-ekonomija tar-Russja. Is-sanzjonijiet qed ikollhom impatt fuq it-tlieta li huma. L-effetti tagħhom jikbru maż-żmien hekk kif is-sanzjonijiet idgħajfu l-bażi industrijali u teknoloġika tar-Russja.
Barra minn hekk, ir-Rappreżentant tal-UE fir-rigward tas-sanzjonijiet, David O'Sullivan, attwalment qed jimbotta ma'pajjiżi terzi ewlenin favur il-kooperazzjoni biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni. Diġà qed jidhru l-ewwel riżultati: F'xi pajjiżi qed jiġu stabbiliti sistemi għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-imblukkar tar-riesportazzjoni. Ċifri kummerċjali anomali u għoljin ħafna għal xi prodotti/pajjiżi speċifiċi ħafna huma evidenza soda li r-Russja qed issib modi kif tevita s-sanzjonijiet. Dan jitlob li nirduppjaw l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjoni u li nitolbu lill-ġirien tagħna għal saħansitra aktar kooperazzjoni mill-qrib. Filwaqt li naħdmu mas-sħab, qbilna wkoll dwar lista ta' prijorità ta' oġġetti fil-kamp tal-battalja sanzjonati li għalihom in-negozji għandhom japplikaw diliġenza dovuta partikolari u li pajjiżi terzi ma jridux jesportaw lejn ir-Russja. Barra minn hekk, fi ħdan l-UE, identifikajna wkoll oġġetti ekonomikament kritiċi li għalihom in-negozji u l-pajjiżi terzi għandhom ikunu partikolarment viġilanti.
Kuntest
Is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja qed ikunu effettivi. Dawn qed irażżnu l-kapaċità tar-Russja li tattakka lill-Ukrajna, fosthom il-manifattura ta' armi ġodda u t-tiswija ta' dawk li jeżistu, kif ukoll qed ifixklu t-trasport tal-materjal tagħha.
L-implikazzjonijiet ġeopolitiċi, ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna huma ċari, peress li l-gwerra fixklet is-swieq globali tal-prodotti bażiċi, speċjalment għall-prodotti agroalimentari u l-enerġija. L-UE tkompli tiżgura li s-sanzjonijiet tagħha ma jkollhomx impatt fuq l-enerġija u l-esportazzjonijiet agroalimentari mir-Russja lejn pajjiżi terzi.
Bħala gwardjan tat-Trattati tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE mill-Istati Membri tal-UE.
L-UE tinsab magħquda fis-solidarjetà tagħha mal-Ukrajna u se tkompli tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, inkluż permezz ta' aktar appoġġ politiku, finanzjarju, militari u umanitarju għaż-żmien kollu li se jkun hemm bżonn.
Għal Aktar Informazzjoni
Aktar informazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Ġunju 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta