Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet7 Diċembru 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Pakkett dwar l-Ugwaljanza: Il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħu l-korpi tal-ugwaljanza biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni

Equality Bodies Fact Sheet

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti biex issaħħaħ il-korpi tal-ugwaljanza, b'mod partikolari l-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu d-diskriminazzjoni fl-Ewropa b'mod aktar effettiv. Il-korpi tal-ugwaljanza huma essenzjali biex jassistu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u jiżguraw li l-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni tiġi implimentata fil-prattika. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tiżgura li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan se jipproteġi aħjar lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni.

L-għoti tas-setgħa lill-korpi tal-ugwaljanza

Ir-regoli eżistenti tal-UE dwar il-korpi tal-ugwaljanza jħallu marġni wiesa' ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat tagħhom. Dan irriżulta f'differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri, b'mod partikolari, fir-rigward tas-setgħat, l-indipendenza, ir-riżorsi, l-aċċessibbiltà u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-Kummissjoni qed tipproponi sett ta' regoli vinkolanti biex issaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza:

·       Kompetenzi msaħħa: Il-proposti jestendu l-kompetenza tal-korpi tal-ugwaljanza għal żewġ Direttivi eżistenti, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

·       Indipendenza: Se jkun hemm rekwiżit legali għall-korpi tal-ugwaljanza li jkunu ħielsa minn influwenza esterna, b'mod partikolari fir-rigward tal-istruttura legali, ir-responsabbiltà, il-baġit, il-persunal u l-kwistjonijiet organizzattivi tagħhom.

·       Riżorsi suffiċjenti: L-Istati Membri se jkollhom jipprovdu lill-korpi tal-ugwaljanza bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex jeżerċitaw il-kompetenzi kollha tagħhom b'mod effettiv.

·       Aċċessibbiltà għall-vittmi kollha: Is-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza se jkollhom ikunu bla ħlas u aċċessibbli għall-vittmi kollha fuq bażi ugwali, inkluż għall-persuni b'diżabilità. Il-korpi tal-ugwaljanza se jkollhom jipprovdu wkoll lill-ilmentaturi b'valutazzjoni preliminari tal-każ tagħhom.

·       Konsultazzjoni dwar il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet u tal-politika: L-istituzzjonijiet pubbliċi se jkunu meħtieġa jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza fil-ħin u jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni u t-trattament ugwali; il-korpi tal-ugwaljanza se jikkooperaw ukoll ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jaqsmu l-għarfien u joħolqu sinerġiji.  

·       Setgħat imsaħħa f'każijiet ta' diskriminazzjoni: Il-korpi tal-ugwaljanza se jkunu jistgħu jinvestigaw każijiet ta' diskriminazzjoni, joħorġu opinjonijiet jew deċiżjonijiet vinkolanti (skont l-għażla tal-Istati Membri), u jaġixxu fil-qorti f'każijiet ta' diskriminazzjoni. Il-korpi tal-ugwaljanza se jkunu jistgħu jipproponu wkoll mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim, bħall-konċiljazzjoni jew il-medjazzjoni, lill-partijiet fi proċedura ta' lment.

·       Sensibilizzazzjoni: L-Istati Membri u l-korpi tal-ugwaljanza se jżidu l-isforzi tagħhom bl-għan tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza.

·       Il-kondiviżjoni tal-għarfien espert: Il-korpi tal-ugwaljanza se jipproduċu rapporti regolari dwar l-istat tat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni u se jkunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet.

Illum, ma hemm l-ebda monitoraġġ formali komuni tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-proposta tistipula li l-Kummissjoni se tistabbilixxi indikaturi komuni biex tivvaluta l-effetti tal-miżuri proposti u tiżgura l-komparabbiltà tad-data miġbura fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni se toħroġ rapport kull 5 snin dwar is-sitwazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza madwar l-UE.

Kuntest

L-ugwaljanza hija wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE. Il-liġi tal-UE tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-qasam tal-oġġetti u s-servizzi (2004/113/KE), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-qasam tal-impjiegi (2006/54/KE), u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-qasam tal-impjieg indipendenti (2010/41/UE)Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali (79/7/KEE) ma jinkludux dispożizzjonijiet bħal dawn.

Il-korpi tal-ugwaljanza huma istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u joħorġu rapporti u rakkomandazzjonijiet. Huma parti mill-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali f'demokrazija b'saħħitha. It-tisħiħ tal-korpi tal-ugwaljanza huwa għas-salvagwardja tal-ugwaljanza u l-iżgurar tan-nondiskriminazzjoni fil-ħajja ta' kuljum tan-nies.

Biex issaħħaħ is-setgħat u l-operat tal-korpi tal-ugwaljanza, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni mhux vinkolanti dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fl-2018. Madankollu, xi Stati Membri biss wettqu riformi biex jindirizzaw kwistjonijiet enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li l-biċċa l-kbira rrappurtaw jew l-ebda bidla jew l-ebda riforma maġġuri. Fl-2019, 59 % tal-Ewropej kienu għadhom jemmnu li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika hija mifruxa f'pajjiżhom. Għall-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, id-diżabilità u l-età, in-numri huma 53 %, 47 %, 44 % u 40 % rispettivament. B'dawn il-livelli għoljin ta' diskriminazzjoni madwar l-UE, is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-drittijiet tal-vittmi u l-għarfien dwar id-diskriminazzjoni hija limitata.

Il-konsultazzjoni pubblika f'Marzu 2022 ikkonfermat li l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati huma favur regoli addizzjonali tal-UE li jistabbilixxu standards għall-korpi tal-ugwaljanza.

L-inizjattiva tikkonsisti f'żewġ proposti essenzjalment identiċi għal direttivi. Ir-raġuni għal żewġ proposti hija li s-sitt Direttivi kkonċernati mill-inizjattiva huma bbażati fuq żewġ bażijiet legali distinti li jeħtieġu proċeduri ta' adozzjoni differenti.

Għal Aktar Informazzjoni

Factsheet 

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza 

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol

Paġna web dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza

Il-kampanja RightHereRightNow – nondiskriminazzjoni

 

Quote(s)

Qed nibnu Unjoni ta’ ugwaljanza fejn aħna lkoll, irrispettivament mill-ġeneru, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-etniċità, l-età, id-diżabilità, jew l-orjentazzjoni sesswali, jistgħu jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni. F’dan il-proċess, it-tisħiħ tal-korpi tal-ugwaljanza huwa essenzjali għall-prevenzjoni u t-trattament tad-diskriminazzjoni, għall-benefiċċju tal-individwi u tas-soċjetà inġenerali. Il-proposti tagħna se jagħtu s-setgħa lill-korpi tal-ugwaljanza biex isiru indipendenti, b’riżorsi tajbin u ċentri ta’ għarfien espert dwar l-ugwaljanza.

Helena Dalli, il-Kummissarju tal-UE għall-Ugwaljanza - 07/12/2022

 

Il-korpi tal-ugwaljanza jappoġġaw direttament lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u jgħinuhom jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom. Dawn huma essenzjali għas-saħħa tad-demokraziji tagħna. Il-proposti tagħna se jsaħħu l-indipendenza tagħhom u jagħtuhom aktar setgħa bħala infurzaturi vitali tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni.

Věra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza - 07/12/2022

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
7 Diċembru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta