
Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ħareġ illum juri li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-UE huma favorevoli għall-azzjonijiet reċenti tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija. B'mod partikolari, aktar minn 8 minn kull għaxar ċittadini tal-UE (82 %) jaqblu li l-UE għandha tkompli tieħu azzjonijiet biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi. Il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu (83 %) jaħsbu li minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna hija aktar urġenti li jsir investiment fl-enerġija rinnovabbli. Minnhom 87 % jemmnu li huwa kruċjali li tiġi protetta l-infrastruttura kritika bħall-pipelines u l-kejbils tal-internet, filwaqt li 83 % jaqblu wkoll li l-prezz tal-elettriku ma għandux jiddependi fuq il-prezz tal-gass.
Dawk li wieġbu fil-biċċa l-kbira jgħidu (85 %) li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kellha impatt fuq il-kapaċità tal-akkwist tagħhom. Filwaqt li 56 % jaqblu li ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet huma prinċipalment dovuti għall-imġiba aggressiva tar-Russja, 38 % ma jaqblux.
49 % ta' dawk li wieġbu jaħsbu li l-miżuri meħuda mill-UE biex ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika se jkollhom impatt pożittiv, 18 % li se jkollhom impatt negattiv u 22 % li mhu se jkollhom ebda impatt.
Ir-rispondenti nfushom diġà ħadu azzjoni jew se jkunu lesti li jagħmlu dan sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, b'mod partikolari meta jitfu d-dwal meta jħallu kamra għal xi ħin (77 %, [1]), jiskonnettjaw l-apparat elettroniku meta ma jkunux qed jintużaw (62 %) u jnaqqsu t-temperatura ambjentali (58 %).
Il-miżuri meħuda mill-UE bħala rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jkomplu jiksbu appoġġ qawwi fost iċ-ċittadini. Iċ-ċittadini Ewropej japprovaw bil-kbir l-għoti ta' appoġġ umanitarju (88 %), segwiti minn dawk li japprovaw l-akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra (82 %). Sebgħa minn kull għaxar rispondenti japprovaw sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-gvern Russu, kif ukoll kontra l-kumpaniji u individwi Russi(71 %) u appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna (70 %). Il-maġġoranza taċ-ċittadini japprovaw ukoll il-projbizzjoni tal-media Russa tal-istat (63 %) u l-finanzjament tax-xiri u l-provvista ta' tagħmir militari lill-Ukrajna (59 %).
Kuntest
L-Ewrobarometru Flash “Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-enerġija” sar fis-27 Stat Membru bejn it-23 u t-30 ta' Novembru 2022.
Ġew intervistati online 26,337 ċittadin tal-UE.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 19 Diċembru 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta