Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 6 April 2022
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 4 min qari

DiscoverEU: sejħa ġdida biex ferm aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jivvjaġġaw

Discover EU

DiscoverEU, l-azzjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ ta' 18-il sena jesploraw l-Ewropa, l-aktar bil-ferrovija, qed tiftaħ l-ewwel ċiklu ta' applikazzjonijiet għall-2022. Minn għada s-7 ta' April f'nofsinhar sal-21 ta' April f'nofsinhar, iż-żgħażagħ li jgħixu fil-pajjiżi tal-programm Erasmus+ se jkunu jistgħu japplikaw għal wieħed mill-35,000 biljett tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas.

Iċ-ċiklu ta' din is-sena jimmarka l-integrazzjoni ta' DiscoverEU f'Erasmus+. B'din il-bidla u bil-finanzjament eċċezzjonali tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, b'kollox fl-2022 se jitqassmu 70,000 biljett tal-ivvjaġġar: 35,000 fiċ-ċiklu tal-applikazzjonijiet imħabbar illum u 35,000 oħra fiċ-ċiklu tal-applikazzjonijiet ippjanat għal Ottubru. L-integrazzjoni ta' DiscoverEU f'Erasmus+ tiftaħ ukoll il-bibien għall-ewwel darba biex iż-żgħażagħ mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, mill-Maċedonja ta' Fuq, min-Norveġja, mis-Serbja u mit-Turkija jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-azzjoni.

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, qal: “L-inizjattiva ta' DiscoverEU se tagħti aktar opportunitajiet minn qatt qabel ta' vvjaġġar liż-żgħażagħ. Fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ qed niċċelebraw iż-żgħażagħ u din l-inizjattiva hija l-impenn tagħna għal ġenerazzjoni sħiħa li fl-aħħar sentejn ma setgħetx tivvjaġġa. Awguri lil kulħadd!”

Il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, qalet: “Illum qed noffru 35,000 opportunità ta' vvjaġġar fl-Ewropa liż-żgħażagħ ta' 18-il sena, u dan apparti l-130,000 li diġà tajna mill-2018 'l hawn. Hekk qed nagħtu opportunitajiet ta' vvjaġġar lil kemm jista' jkun żgħażagħ biex jiskopru postijiet ġodda u jagħmlu rabtiet dejjiema. Nawgura lill-parteċipanti kollha!

L-applikanti li rnexxielhom jimlew il-kwiżż tal-applikazzjoni u li twieldu bejn l-1 ta' Lulju 2003 u t-30 ta' Ġunju 2004 se jkunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa għal mhux aktar minn 30 jum tul il-perjodu tal-ivvjaġġar mill-1 ta' Lulju 2022 sat-30 ta' Ġunju 2023. Dawk li se jagħlqu 18-il sena fit-tieni nofs tas-sena se jkunu jistgħu japplikaw fiċ-ċiklu ta' Ottubru.

Barra minn hekk, dawk li jiksbu biljett tal-ivvjaġġar issa se jiksbu wkoll kard ta' skont ta' DiscoverEU. Din il-karatteristika l-ġdida se tagħti aċċess għal aktar minn 40,000 possibbiltà ta' skont b'rabta mat-trasport pubbliku, mal-kultura, mal-akkomodazzjoni, mal-ikel, mal-isport u ma' servizzi oħra fil-pajjiżi eliġibbli kollha.

Biex iżidu d-dimensjoni tat-tagħlim tal-esperjenza ta' DiscoverEU, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ se jiffaċilitaw il-laqgħat informattivi u s-sessjonijiet ta' kuntatt li jħejju lill-vjaġġaturi żgħażagħ għall-vjaġġ tagħhom u li joħolqu kuntatti bejniethom li jsaħħu l-esperjenza tat-tagħlim. B'dawn il-laqgħat, DiscoverEU se tħeġġeġ diskussjonijiet dwar is-sostenibbiltà, il-kultura u l-identità Ewropea, fost l-oħrajn. L-inklużjoni se tingħata enfasi partikolari. U għalhekk, il-parteċipanti b'diżabbiltà jew b'xi diffikultajiet tas-saħħa se jkunu jistgħu jivvjaġġaw ma' kumpann. Minbarra l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, se tingħata wkoll għajnuna individwali addizzjonali.

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ivvjaġġar sostenibbli bil-ferrovija. Madankollu, se jsiru eċċezzjonijiet għaż-żgħażagħ li mhux faċli għalihom jaslu fl-Ewropa kontinentali biex jibdew jivvjaġġaw bil-ferrovija. Għalhekk saru arranġamenti speċjali għaż-żgħażagħ mir-reġjuni ultraperiferiċi, mill-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej, minn żoni mbiegħda u mill-gżejjer.

Kuntest

Il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva DiscoverEU f'Ġunju tal-2018 wara azzjoni preparatorja tal-Parlament Ewropew. Issa din ġiet integrata formalment fil-programm Erasmus+ 2021-2027 il-ġdid.

Mill-2018 'l hawn, applikaw aktar minn 860,000 kandidat għal 130,000 biljett tal-ivvjaġġar disponibbli, li skont l-aħħar stħarriġ tal-ivvjaġġar, 66% tal-kandidati qalu li vvjaġġaw għall-ewwel darba bil-ferrovija barra minn pajjiż tagħhom. Għal ħafna minnhom, din kienet l-ewwel safra waħedhom mingħajr il-ġenituri jew mingħajr kumpanni adulti, u l-biċċa l-kbira qalu li b'hekk saru aktar indipendenti.

L-esperjenza tal-inizjattiva DiscoverEU għenithom jifhmu aħjar kulturi oħra u l-istorja Ewropea. Tejbet ukoll il-ħiliet tagħhom fil-lingwi barranin. Żewġ terzi qalu li ma kinux jaffordjaw il-biljett tal-ivvjaġġar tagħhom li kieku ma kienx għal DiscoverEU. Il-parteċipanti jiġu mistiedna jsiru Ambaxxaturi ta' DiscoverEU biex jippromwovu l-inizjattiva. Jitħeġġu wkoll jikkuntattjaw lill-vjaġġaturi sħabhom fil-grupp uffiċjali online ta' DiscoverEU biex jaqsmu esperjenzi u jagħtu pariri, b'mod partikolari dwar l-esperjenzi kulturali jew dwar kif isir ivvjaġġar diġitali u sostenibbli.

Biex japplikaw, il-kandidati eliġibbli jeħtieġ jimlew kwiżż multiple-choice dwar tagħrif ġenerali fuq l-Unjoni Ewropea u dwar inizjattivi oħra tal-UE maħsuba għaż-żgħażagħ. Imbagħad l-applikanti ssirilhom mistoqsija oħra li tistedinhom jagħmlu stima ta' kemm żgħażagħ li twieldu nhar ta' Tlieta se japplikaw f'dan iċ-ċiklu. Aktar ma l-istima toqrob lejn it-tweġiba t-tajba, aktar jiksbu punti. B'hekk, il-Kummissjoni tkun tista' tikklassifika lill-applikanti. Il-Kummissjoni se toffri biljetti tal-ivvjaġġar lill-applikanti skont kif jiġu kklassifikati, sakemm jispiċċaw il-biljetti disponibbli.

Għal aktar informazzjoni

DiscoverEU:

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 April 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta