Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet15 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

DiscoverEU: L-applikazzjonijiet huma miftuħa għal 35,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jirċievu l-pass għall-ivvjaġġar b'xejn

Discover EU Announcement

Illum, il-Kummissjoni qed tniedi s-sejħa tar-rebbiegħa ta' DiscoverEU, li bis-saħħa tagħha 35,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jirċievu pass ferrovjarju b'xejn biex jesploraw l-Ewropa.

Iċ-ċiklu ta' applikazzjonijiet se jibda llum f'nofsinhar u se jintemm fid-29 ta' Marzu f'nofsinhar. Biex jirbħu pass tal-ivvjaġġar, iż-żgħażagħ huma mistiedna japplikaw fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, iwieġbu ħames mistoqsijiet mill-kwiżż u waħda deċiżiva. L-applikanti li jirnexxu u li twieldu bejn l-1 ta' Lulju 2004 u t-30 ta' Ġunju 2005 se jkunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa għal mhux aktar minn 30 jum tul il-perjodu tal-ivvjaġġar mill-15 ta' Ġunju 2023 sat-30 ta' Settembru 2024. Is-sejħa hija miftuħa għall-applikanti mill-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm Erasmus+, bħall-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta' Fuq, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija.

Dis-sena, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jiskopru r-rotta tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, mnedija f'Jannar 2023. Din għandha l-għan li tispira liż-żagħżagħ meta jagħżlu d-destinazzjonijiet tagħhom u tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li flimkien nagħmlu l-Unjoni Ewropea sabiħa u sostenibbli. Il-parteċipanti se jkomplu jibbenefikaw mill-inizjattivi mnedija fl-2022 matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, bħal “Iż-Żgħażagħ jiskopru l-kultura bis-saħħa ta' DiscoverEU fl-2022” u r-“Rotta Kulturali DiscoverEU”. Din tal-aħħar tiġbor flimkien diversi destinazzjonijiet u fergħat kulturali, fosthom l-arkitettura, il-mużika, l-arti, it-teatru, il-moda, id-disinn u aktar. Il-vjaġġaturi ta' DiscoverEU jistgħu jżuru l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, id-destinazzjonijiet miżjuda fuq il-Lista prestiġjuża tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO, jew id-detenturi taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Barra minn hekk, jistgħu jieqfu wkoll f'postijiet bit-tikketta tal-Premju Access City. Dawn huma bliet li għamlu l-almu tagħhom biex isiru aktar aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-età, il-mobbiltà jew l-abbiltà ta' dak li jkun. Attività oħra li se tkompli hija l-għoti ta' kard ta' skont lill-parteċipanti, b'aktar minn 40,000 possibbiltà ta' skont b'rabta mat-trasport pubbliku, il-kultura, l-akkomodazzjoni, l-ikel, l-isport u servizzi oħra disponibbli fil-pajjiżi eliġibbli.  

L-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ jappoġġaw liż-żgħażagħ permezz ta' laqgħat ta' informazzjoni ta' qabel it-tluq li jħejjuhom għall-vjaġġ tagħhom. Dejjem bħala parti mil-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, l-Aġenziji Nazzjonali jorganizzaw il-Meet-ups ta' DiscoverEU, li huwa programm kulturali eċitanti li jdum bejn ġurnata u tlett ijiem fil-pajjiżi kollha ta' Erasmus+. S'issa saru 51 minn dawn il-Meet-ups u se jissoktaw fis-snin li ġejjin.

Peress li l-inklużjoni soċjali hija prijorità ewlenija tal-programm Erasmus+, il-parteċipanti b'diżabilità jew bi problemi ta' saħħa se jingħataw appoġġ fil-vjaġġi tagħhom. Barra minn hekk, f'Ottubru 2022, l-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ nedew l-Azzjoni ta' Inklużjoni ta' DiscoverEU, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet kif ukoll lill-gruppi informali taż-żgħażagħ, biex japplikaw għal għotja. Il-parteċipanti taħt l-Azzjoni ta' Inklużjoni ta' DiscoverEU se jirċievu appoġġ addizzjonali, bħall-possibbiltà li jivvjaġġaw ma' persuni li jakkumpanjawhom. Fl-2023 se jsiru żewġ sejħiet għall-Azzjoni ta' Inklużjoni. Matul l-ewwel sejħa li saret f'Ottubru 2022, ġew ippreżentati 166 proġett lill-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+. L-ewwel vjaġġaturi taħt din l-azzjoni speċifika jistgħu jibdew il-vjaġġ tagħhom f'Marzu 2023. 

Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-ivvjaġġar sostenibbli bil-ferrovija. Madankollu, arranġamenti speċjali huma disponibbli għaż-żgħażagħ mir-reġjuni ultraperiferiċi, mill-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej, minn żoni mbiegħda u mill-gżejjer.

Sfond

Il-Kummissjoni nediet DiscoverEU f'Ġunju 2018 wara azzjoni preparatorja tal-Parlament Ewropew. Din ġiet integrata fil-programm Erasmus+ 2021-2027 il-ġdid.

Mill-2018 'l hawn, applikaw kważi 916,000 kandidat għal 212,700 pass tal-ivvjaġġar disponibbli. Skont l-aħħar riżultati tal-istħarriġ wara l-ivvjaġġar, 72 % tal-kandidati qalu li vvjaġġaw għall-ewwel darba bil-ferrovija barra mill-pajjiż tar-residenza tagħhom. Għal ħafna minnhom, din kienet l-ewwel darba li siefru mingħajr il-ġenituri jew adulti magħhom, u l-biċċa l-kbira qalu li b'hekk saru aktar indipendenti.

L-esperjenza ta' DiscoverEU għenithom jifhmu aħjar kulturi oħra u l-istorja Ewropea. Tejbu wkoll il-ħiliet tagħhom fil-lingwi barranin. Aktar minn żewġ terzi minnhom qalu li mingħajr DiscoverEU ma kinux ikunu jistgħu jiffinanzjaw il-pass tal-ivvjaġġar tagħhom. Il-parteċipanti huma mistiedna jsiru Ambaxxaturi ta' DiscoverEU biex jippromwovu l-inizjattiva. Huma wkoll imħeġġa jikkuntattjaw lill-vjaġġaturi sħabhom fil-grupp uffiċjali online #DiscoverEU biex jaqsmu l-esperjenzi u l-pariri, b'mod partikolari dwar l-esperjenzi kulturali jew dwar kif isir vjaġġar diġitali u sostenibbli.

Biex japplikaw, il-kandidati eliġibbli jridu jimlew kwiżż b'għażla multipla fuq l-għarfien ġenerali dwar l-Unjoni Ewropea u inizjattivi oħra tal-UE mmirati għaż-żgħażagħ. Hemm ukoll mistoqsija deċiżiva. Aktar ma l-istima toqrob lejn it-tweġiba t-tajba, aktar l-applikant jikseb punti. B'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tikklassifika lill-applikanti. Il-Kummissjoni se toffri pass tal-ivvjaġġar lill-applikanti skont kif jiġu kklassifikati, sakemm jispiċċaw il-biljetti disponibbli.

Is-selezzjoni se ssir skont in-nazzjonalità u/jew il-pajjiż tar-residenza, skont l-għadd ta' passes tal-ivjaġġar allokati għal kull pajjiż. Il-kwota għal kull pajjiż se tiġi ppubblikata flimkien mar-riżultati tas-selezzjoni.

Għal aktar informazzjoni

DiscoverEU

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta