Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet17 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Id-demokrazija u l-valuri: l-ewwel rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini għall-futur tal-Ewropa

cofoe-social_media-twitter8card-1200_676px-en.jpg
© EU

L-iżgurar tad-drittijiet u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-UE, il-bini tal-identità Ewropea, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma l-oqsma koperti mill-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet mogħtija miċ-ċittadini fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Waqt laqgħa bejn l-10 u t-12 ta’ Diċembru 2021 fl-Istitut Universitarju Ewropew f’Firenze (l-Italja), il-parteċipanti fil-Bord taċ-Ċittadini Ewropej dwar “Demokrazija/Valuri Ewropej u drittijiet, stat tad-dritt u sigurtà” adottaw 39 rakkomandazzjoni li issa se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Plenarja tal-Konferenza u se jikkontribwixxu għall-proposti finali. Iċ-ċittadini mhux biss joħorġu b’sejħa għal azzjoni dwar kwistjonijiet konkreti ħafna li huma importanti għalihom bħall-garanzija tad-dritt għall-privatezza, il-promozzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi u l-valuri komuni, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-istimular tal-parteċipazzjoni attiva u ċ-ċittadinanza, iżda jispjegaw ukoll dak li jridu jiksbu u għaliex huwa importanti għalihom. 

 

L-erba’ Panels taċ-Ċittadini Ewropej, li għandhom 200 membru tal-bord kull wieħed, huma proċess immexxi miċ-ċittadini u pedament tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Id-deliberazzjonijiet tagħhom iqisu l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini miġbura minn madwar l-Ewropa permezz tal-Pjattaforma Diġitali Multilingwi u avvenimenti organizzati madwar l-Istati Membri, u appoġġati minn preżentazzjonijiet minn akkademiċi prominenti u esperti oħra. Iċ-ċittadini ntgħażlu b’mod aleatorju minn kuntratturi speċjalizzati, bl-użu ta’ metodoloġiji biex jiġi żgurat li huma rappreżentattivi tad-diversità tal-UE f’termini ta’ oriġini ġeografika, sess, età, sfond soċjoekonomiku u livell ta’ edukazzjoni. Kull Panel taċ-Ċittadini Ewropej se joħroġ rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati u diskussi fil-Plenarja tal-Konferenza li mbagħad tressaq il-proposti tagħha dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa lill-Bord Eżekuttiv. 

 

Kulħadd jista’ jaqsam l-ideat u jikkontribwixxi għalih permezz tal-Pjattaforma Diġitali Multilingwi.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta