Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet27 April 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Il-COVID-19: il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex ikunu ppreparati iżjed għall-fażi li jmiss tal-pandemija

covid-19_vaccine.jpg
© EU

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi sett ta' azzjonijiet biex timmaniġġja l-fażi attwali tal-pandemija tal-COVID-19 u tħejji għal dik li jmiss. B'ħidma flimkien u bis-saħħa tal-vaċċini kontra l-COVID-19, l-UE rnexxielha ssalva mijiet ta' eluf ta' ħajjiet, iżżomm is-suq uniku għaddej, trażżan ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u timmobilizza l-kapaċità tal-manifattura tal-prodotti kritiċi meta l-ktajjen tal-provvista ġew interrotti. Fil-fażi l-ġdida tal-pandemija, it-tħejjija u r-rispons jeħtieġ jibqgħu sodi u għalhekk il-koordinazzjoni se terġa' tkun essenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tappella lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet qabel il-ħarifa ħalli jiżguraw viġilanza u koordinazzjoni kontinwa b'rabta mat-tħejjija u r-rispons fejn tidħol is-saħħa.

Nibqgħu viġilanti waqt it-tranżizzjoni mill-fażi akuta tal-COVID-19

It-tnaqqis attwali fin-numri tal-infezzjonijiet tal-COVID-19 joffri opportunità lill-Istati Membri biex isaħħu s-sorveljanza, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u t-tħejjija ġenerali tagħhom għall-pandemiji. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

  • Iżidu l-għoti tal-vaċċini u l-boosters, filwaqt li jqisu t-tixrid simultanju tal-COVID-19 u l-influwenza staġjonali;
  • Iwaqqfu sistemi ta' sorveljanza integrati li ma jkunux ibbażati fuq l-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-każijiet kollha tal-COVID-19, iżda pjuttost fuq il-ksib ta' stimi affidabbli u rappreżentattivi;
  • Ikomplu l-ittestjar immirat u s-sekwenzjar ta' kampjuni biżżejjed biex ikollna stima preċiża tat-tixrid tal-varjanti u jinstabu varjanti ġodda;
  • Jinvestu fl-irkupru tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u jivvalutaw l-impatti usa' tal-pandemija fuq is-saħħa, inkluż fuq is-saħħa mentali u d-dewmien fit-trattamenti u l-kura;
  • Japplikaw regoli kkoordinati tal-UE biex jiżguraw ivvjaġġar liberu u sikur fl-UE u ma' sħab internazzjonali;
  • Jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-vaċċini u t-terapewtika tal-ġenerazzjoni li jmiss;
  • Isaħħu l-kollaborazzjoni kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar il-vaċċini tal-COVID-19; u
  • Ikomplu jħaddmu fil-prattika is-solidarjetà dinjija u jtejbu l-governanza globali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħabbar azzjonijiet biex tiżgura ktajjen tal-provvista reżiljenti tul il-pandemija, kemm għall-kontromiżuri mediċi u anke għall-prodotti kritiċi fl-ekosistemi industrijali kollha. Illum qed tippubblika wkoll sejħa għall-offerti, permezz tal-inizjattiva EU FAB, ħalli tirriżerva l-kapaċitajiet tal-manifattura ta' vaċċini tal-mRNA, tal-proteini u bbażati fuq il-vetturi. B'hekk tirriżerva kapaċità ta' manifattura li għadha kif inħolqot, biex tkun tista' tintuża f'każ ta' emerġenzi tas-saħħa fil-futur. Is-sejħa għall-offerti nfetħet għall-produtturi tal-vaċċini li għandhom faċilitajiet fl-UE jew fiż-ŻEE, u dawn jistgħu juru l-interess tagħhom sat-3 ta' Ġunju 2022 fl-16.00 CEST.

Fi żmien medju u aktar fit-tul, jeħtieġ inkomplu ntejbu t-tħejjija tagħna għall-pandemiji u nżidu l-koordinazzjoni tar-rispons bejn l-Istati Membri u fil-livell dinji. Jeħtieġ ukoll nimplimentaw il-proposti tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, nindirizzaw l-impatti usa' tal-pandemija fuq is-saħħa, inkluż il-“COVID fit-tul” u l-piż fuq is-saħħa mentali, u nħaffu d-diġitalizzazzjoni fis-saħħa.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen“Qed nidħlu f'fażi ġdida tal-pandemija: minn stat ta' emerġenza qed nersqu lejn immaniġġjar aktar sostenibbli tal-COVID-19. Madankollu, irridu nibqgħu viġilanti. L-għadd ta' infezzjonijiet għadu għoli fl-UE u ħafna nies għadhom qed jitilfu ħajjithom bil-COVID-19 madwar id-dinja. Barra minn hekk, jistgħu jfeġġu varjanti ġodda u jinfirxu malajr. Iżda t-triq 'il quddiem nafuha. Jeħtieġ inkomplu nżidu l-għoti tal-vaċċini u l-boosters, u nwettqu ttestjar immirat; u jeħtieġ nibqgħu nikkoordinaw ir-risponsi tagħna mill-qrib fl-UE.”

Fi kliem il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas: «“Il-pandemija tal-COVID-19 għadha magħna u l-virus beħsiebu jibqa' fostna. Filwaqt li s-sitwazzjoni tas-saħħa tjiebet, irridu nkunu ppreparati għal xenarji differenti, u naħdmu b'mod ikkoordinat. Il-varjanti ġodda mhumiex kwistjoni ta' jekk iżda kwistjoni ta' meta. Ma nistgħux nimprovizzaw, u ma nistgħux nippermettu frammentazzjoni. Il-viġilanza u t-tħejjija jibqgħu essenzjali daqs qabel u rridu nissoktaw ħidmitna bla heda. Għaldaqstant, qed nieħdu azzjonijiet fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE msejsa fuq is-suċċessi tal-koordinazzjoni fl-UE kollha b'rabta mat-tħejjija u r-rispons fejn tidħol is-saħħa. Minflok ħaddiema tat-tifi tan-nar, issa rridu nkunu l-periti ta' Unjoni tas-Saħħa li tħares is-saħħa pubblika daqskemm tiżgura soċjetà u ekonomija miftuħa u reżiljenti.” 

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal: “Il-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza ta' kapaċità tal-produzzjoni ta' vaċċini disponibbli faċilment fi żminijiet ta' kriżi. Wara żieda bla preċedent, l-UE laħqet kapaċità tal-produzzjoni ta' bejn it-3 u l-4 biljun vaċċin fis-sena. Permezz tal-inizjattiva EU FAB se jirnexxilna nerfgħu parti minn din il-kapaċità u nħalluha lesta għal kriżijiet tas-saħħa li jistgħu jinqalgħu fil-futur. Dan hu l-pedament tad-dimensjoni industrijali tat-tħejjija tagħna għall-emerġenzi tas-saħħa.”

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Stella Kyriakides, qalet: “L-għoti tal-vaċċini, l-approċċ ikkoordinat u sod tal-UE, u l-immunità naturali tagħna jiftħu bieb ta' opportunità tajba biex minn stat ta' emerġenza nersqu lejn immaniġġjar aktar sostenibbli tal-COVID-19. L-għadd ta' infezzjonijiet għadu għoli fl-UE, iżda l-pressjoni fuq is-settur tal-kura tas-saħħa naqqset u s-soċjetajiet u l-ekonomiji reġgħu fetħu. Fl-aħħar, iċ-ċittadini tagħna jistgħu jgawdu dan iż-żmien b'ħafna inqas restrizzjonijiet fuq il-ħajja ta' kuljum, wara sentejn u nofs straordinarji u diffiċli. Madankollu, hu kruċjali li l-Istati Membri jżommu livell għoli ta' viġilanza u tħejjija għal tifqigħat u varjanti ġodda, għax il-pandemija għadha ma spiċċatx. U issa li l-provvista tal-vaċċini m'għadhiex sfida, jeħtieġ nistinkaw iżjed fejn jidħol l-għoti tal-vaċċini madwar id-dinja. Kif il-COVID-19 se jibqa' jagħmel impatt fuq ħajjitna fis-snin li ġejjin jiddependi ħafna fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu llum.

Kuntest

Filwaqt li madwar l-Ewropa qed jiġu osservati numri varjabbli ta' każijiet, iż-żidiet mhumiex jikkaġunaw mard serju jew imwiet daqs qabel, u dan bis-saħħa ta' vaċċinazzjoni mifruxa. L-Omicron, bħala l-varjant dominanti, hu inqas gravi mill-varjanti ta' qablu. Iżda xorta waħda qed ikollna miljuni infettati madwar id-dinja. Ħafna nies jinsabu f'lockdowns f'ċerti nħawi tad-dinja. Bosta oħrajn għadhom qed ibatu jew qed imutu minħabba l-COVID-19. Anke t-tnaqqis fl-immunità kontra l-virus u l-istaġjonalità xitwija possibbli jżidu r-riskju li jfeġġu u jinfirxu varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2, jiġifieri tal-virus li jikkawża l-COVID-19.

Filwaqt li l-Istati Membri qed iħaddmu approċċi ġodda biex jimmaniġġjaw il-pandemija attwali, il-frammentazzjoni tal-istrateġiji ta' tħejjija u rispons tissogra li xxekkel dak kollu li rnexxielna niksbu bil-koordinazzjoni tal-UE kollha b'rabta mal-miżuri tas-sigurtà tas-saħħa.

Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tippreżenta approċċ għall-immaniġġjar ta' din il-fażi l-ġdida tal-pandemija, imsejjes fuq is-suċċessi tal-koordinazzjoni tal-UE kollha b'rabta mat-tħejjija u r-rispons fejn tidħol is-saħħa.

Fi Frar 2021 tħabbret l-inizjattiva “EU FAB” biex jitwaqqfu faċilitajiet dejjem lesti għall-produzzjoni tal-vaċċini ħalli niżguraw li jibqa' jkollna l-kapaċitajiet tal-manifattura attwali tal-UE/ŻEE għat-tipi ta' vaċċini tal-mRNA, tal-proteini u bbażati fuq vetturi, f'każ li fil-futur tfaqqa' xi emerġenza tas-saħħa pubblika. Għall-istabbiliment tal-EU FAB, se toħroġ sejħa għall-offerti fis-suppliment Tender Electronic Daily (TED) tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni dwar is-sostenn għat-tħejjija u r-rispons tal-UE għall-COVID-19

Rispons għall-Coronavirus

Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19

Skeda informattiva: COVID-19 – Insostnu l-Istat ta' Tħejjija u r-Rispons tal-UE: B'ħarsa 'l quddiem

Skeda informattiva: EU FAB

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
27 April 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta