Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet11 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

It-tassazzjoni korporattiva: Il-Kummissjoni tipproponi inċentiv fiskali għall-ekwità biex tgħin lill-kumpaniji jikbru, jissaħħu u jsiru aktar reżiljenti

euro

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet allokazzjoni għat-tnaqqis tal-predispożizzjoni favur id-dejn, jew DEBRA (debt-equity bias reduction allowance), biex tgħin lin-negozji jaċċessaw il-finanzjament li jeħtieġu u jsiru aktar reżiljenti. Din il-miżura se tappoġġa lin-negozji billi tintroduċi allokazzjoni li biha l-ekwità se tingħata l-istess trattament tat-taxxa bħad-dejn. Il-proposta tistipula li ż-żidiet fl-ekwità tal-kontribwenti minn sena tat-taxxa għal oħra jkunu deduċibbli mill-bażi taxxabbli tagħhom, simili għal kif jiġri lid-dejn.

Din l-inizjattiva hija parti mill-Istrateġija tal-UE dwar it-tassazzjoni tan-negozji, li għandha l-għan li tiżgura sistema tat-taxxa ġusta u effiċjenti madwar l-UE, u tikkontribwixxi għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali, billi tippermetti li n-negozji tal-UE jaċċessaw il-finanzjamenti aktar faċilment u tippromwovi l-integrazzjoni tas-swieq kapitali nazzjonali f'suq uniku ġenwin.

Il-predispożizzjoni favur id-dejn attwali, li biha n-negozji jistgħu jnaqqsu l-imgħax marbut ma' finanzjament b'dejn — iżda mhux il-kostijiet relatati mal-finanzjament mill-ekwità — tista' tinċentiva lill-kumpaniji biex meta jiffinanzjaw it-tkabbir tagħhom, jiddejnu u mhux iżidu l-ekwità. B'livelli eċċessivi ta' dejn il-kumpaniji jsiru vulnerabbli għal bidliet mhux previsti fl-ambjent kummerċjali. Id-dejn totali tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji fl-UE kien ta' kważi EUR 14.9-il triljun fl-2020 jew 111 % tal-PDG. F'dan il-kuntest, ta' min jenfasizza li n-negozji bi struttura kapitali solida jistgħu jkunu inqas vulnerabbli għax-xokkijiet, u aktar suxxettibbli li jagħmlu investimenti u jinnovaw. Għalhekk, it-tnaqqis tad-dipendenza żejda fuq il-finanzjament bid-dejn, u l-appoġġ biex possibilment tiġi bilanċjata mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-kumpaniji, jistgħu jaffettwaw b'mod pożittiv il-kompetittività u t-tkabbir. L-approċċ ikkombinat tal-allokazzjoni tal-ekwità u t-tnaqqis tal-imgħax limitat mistenni jżid l-investimenti b'0.26 % tal-PDG u l-PDG b'0.018 %.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Il-kumpaniji tal-Ewropa għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar sors ta' finanzjament għat-tkabbir u l-mudell tan-negozju tagħhom. Din il-proposta tnaqqas l-inċentiv li jżidu s-self tagħhom u tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet ta' finanzjament ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali biss, billi tippermetti li l-ekwità ġdida tkun deduċibbli mit-taxxa, l-istess bħad-dejn. Bħala parti mill-aġenda tal-UE biex tiżgura sistema tat-taxxa ġusta u effiċjenti, il-proposta se tagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli għan-negozji tal-UE, b'mod partikolari n-negozji l-ġodda u l-SMEs, u tgħin biex jinħoloq suq uniku ġenwin għall-kapital. Dan se jkun importanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li jirrikjedu investimenti ġodda f'teknoloġiji innovattivi li jistgħu jiġu ffinanzjati minn żieda fl-ekwità.”

Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: F'dawn iż-żminijiet mudlama u inċerti, irridu naġixxu mhux biss biex ngħinu lill-kumpaniji tagħna jlaħħqu mal-isfidi immedjati tagħhom, iżda wkoll biex nappoġġaw l-iżvilupp futur tagħhom. Illum qed nieħdu azzjoni biex il-vantaġġi tat-taxxa tal-ekwità jkunu komparabbli ma' dawk tad-dejn għall-kumpaniji li jixtiequ jżidu l-kapital. Irridu nagħtu spinta lin-negozji l-ġodda u l-SMEs innovattivi madwar l-UE. B'din is-soluzzjoni armonizzata għall-predispożizzjoni favur id-dejn, l-ambjent tan-negozju tal-Ewropa se jsir aktar prevedibbli u kompetittiv, u b'hekk jiġi xprunat l-iżvilupp tal-unjoni tas-swieq kapitali tagħna. Il-proposta tagħna se tgħin lill-kumpaniji jibnu kapital aktar solidu, u tagħmilhom inqas vulnerabbli u aktar suxxettibbli li jinvestu u jieħdu riskji. U din se tkun aħbar tajba għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa.”

It-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali teħtieġ investimenti ġodda f'teknoloġiji innovattivi. It-tassazzjoni għandha rwol importanti x'taqdi biex tħeġġeġ lin-negozji u tippermettilhom jiżviluppaw u jikbru b'mod sostenibbli. Allokazzjoni għall-finanzjament mill-ekwità tista' tiffaċilita investimenti kuraġġużi f'teknoloġiji avvanzati, b'mod partikolari għal negozji ġodda u SMEs. L-ekwità hija partikolarment importanti fl-istadji bikrija tal-kumpaniji innovattivi li qed jikbru malajr u għall-kumpaniji li qed jespandu li jixtiequ jikkompetu globalment.

Kuntest

DEBRA hija segwitu għall-Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tan-Negozji fis-Seklu 21, li tistabbilixxi viżjoni fit-tul biex tipprovdi ambjent tan-negozju u sistema tat-taxxa tal-UE ġusti u sostenibbli, kif ukoll miżuri mmirati biex jippromwovu investiment u intraprenditorija produttivi u jiżguraw tassazzjoni effettiva. Din il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-Pjan ta' Azzjoni għall-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li jgħin lill-kumpaniji jiġbru l-kapital li jeħtieġu, b'mod partikolari fil-perjodu ta' wara l-pandemija. Is-CMU tinċentiva investimenti fit-tul biex trawwem it-tranżizzjoni sostenibbli u diġitali tal-ekonomija tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ħolqa għat-test legali

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
11 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta