Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Malti
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet3 Frar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Il-coronavirus: il-Kummissjoni tipproponi li testendi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b'sena

covid

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li testendi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b'sena, sat-30 ta' Ġunju 2023. Il-virus COVID-19 għadu prevalenti fl-Ewropa u f'dan l-istadju mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat l-impatt ta' żieda possibbli fl-infezzjonijiet fit-tieni nofs tal-2022 jew tal-emerġenza ta' varjanti ġodda. L-estensjoni tar-Regolament se tiżgura li l-vjaġġaturi jistgħu jkomplu jużaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE meta jivvjaġġaw fl-UE fejn l-Istati Membri jżommu ċerti miżuri tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni qed tadotta l-proposta llum qed tadotta l-proposta biex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jikkonkludu l-proċedura leġiżlattiva fil-ħin qabel ma jiskadi r-Regolament attwali.

Minbarra l-estensjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sa Ġunju 2023, il-Kummissjoni tipproponi wkoll xi emendi limitati:

  • Li fost it-tipi ta' testijiet li għalihom jista' jinħareġ ċertifikat tat-test jiġu inklużi wkoll testijiet tal-antiġeni ta' kwalità għolja li jitwettqu f'laboratorju. Il-mira hija li jitwessa' l-ambitu tat-tipi ta' testijiet dijanjostiċi fi żmien meta t-testijiet għall-COVID-19 hemm domanda għolja għalihom.
  • Sabiex ikun żgurat li ċ-ċertifikati tat-tilqim ikun fihom l-għadd korrett ta' dożi totali amministrati f'kull Stat Membru u mhux biss fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat. Dan biex jiġi indirizzat it-tħassib prattiku mqajjem miċ-ċittadini dwar ċertifikati li jindikaw għadd skorrett ta' dożi meta jirċievu dożi ta' vaċċin fi Stati Membri differenti.
  • Sabiex ikun previst li ċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu lil persuni li qed jipparteċipaw fi provi kliniċi għal vaċċini kontra l-COVID-19. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE maħruġ lill-parteċipanti tal-provi jista' mbagħad jiġi aċċettat minn Stati Membri oħra. Din il-miżura għandha l-għan li tħeġġeġ l-iżvilupp kontinwu u l-istudju tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

L-Istati Membri jibqgħu dawk li jiddeċiedu dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE la tippreskrivi u lanqas tipprojbixxi l-użu domestiku taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (pereżempju għall-aċċess għal avvenimenti jew ristoranti). Fl-istess ħin, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta' ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, għandu jkompli jiżgura li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jiġi aċċettat ukoll għalkollox għal dawk il-finijiet. Lil hinn minn dan, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll l-Istati Membri biex jallinjaw il-perjodi ta' validità domestika mal-perjodu ta' validità stabbilit fil-livell tal-UE għall-fini tal-ivvjaġġar.

Il-passi li jmiss

Sabiex tiżgura li l-estensjoni tiġi adottata fil-ħin qabel it-30 ta' Ġunju 2022, li hija d-data tat-tmiem attwali tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw il-proposta malajr.

Sal-31 ta' Marzu 2022, il-Kummissjoni se tippubblika wkoll it-tieni rapport dwar ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, kif previst f'dak ir-regolament. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fit-18 ta' Ottubru 2021. Kif innotat fl-ewwel rapport, il-Kummissjoni qiegħda tressaq il-proposta tal-lum qabel it-tieni rapport biex tiżgura li l-proċedura leġiżlattiva meħtieġa tkun tista' tiġi konkluża qabel id-data tat-tmiem tar-Regolament attwali.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, qal: “Ma nistgħux inbassru kif se tevolvi l-pandemija, imma nistgħu niżguraw li ċ-ċittadini jkomplu jibbenefikaw minn ċertifikat li jaħdem u li jiġi aċċettat kull fejn imorru. Mingħajr din l-estensjoni, nirriskjaw li jkollna ħafna sistemi nazzjonali diverġenti u dan jikkawża ħafna konfużjoni u ostakli. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE wera li huwa għodda effettiva biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar sikur u liberu. Filwaqt li qed nistenna bil-ħerqa l-ġurnata meta ma jkollniex bżonnu aktar, sadanittant dan se jippermettilna niċċaqalqu b'mod sikur fl-Ewropa.”

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Stella Kyriakidesżiedet tgħid: “Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ffaċilita l-moviment liberu u l-ivvjaġġar sikuri fi żminijiet ta' inċertezza kbira. Iċ-ċittadini laqgħuh u dan għamel il-ħajja tagħhom aktar faċli. Din l-għodda importanti kienet kruċjali biex jiġu ġestiti r-riskji u jiġu appoġġati l-miżuri tas-saħħa pubblika fis-seħħ biex jipproteġu ċ-ċittadini matul il-pandemija. Illum qed nipproponu li naġġornaw il-possibbiltajiet tal-użu taċ-ċertifikat għall-ivvjaġġar fl-UE sabiex nipprovdu ċertezza għaċ-ċittadini tagħna, sakemm jibqgħu jippersistu l-eżiġenzi tas-saħħa pubblika. Qed nipproponu wkoll li ċ-ċertifikat tagħna jiġi aġġornat mal-aħħar żviluppi xjentifiċi u bidliet epidemjoloġiċi, mal-ħtieġa li jitħaffu l-kampanji tal-booster u li tkun appoġġata r-riċerka klinika vitali li għaddejja, b'rikonoxximent taċ-ċittadini li qed jieħdu sehem fiha.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton qal: “B'aktar minn 1.2 biljun ċertifikat maħruġa u 60 pajjiż konnessi, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sar standard globali. Permezz tal-infrastruttura diġitali tal-Gateway tal-UE, qed inkomplu niffaċilitaw l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-COVID bejn il-fruntieri, hekk kif il-pandemija tevolvi. Dan huwa faċilitatur importanti tal-moviment liberu u l-ivvjaġġar anke fi żminijiet ta' inċertezza.”

Sfond

Biex jiffaċilitaw il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-14 ta' Ġunju 2021. Ilu japplika mill-1 ta' Lulju 2021. Ir-Regolament kien se jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2022.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa storja ta' suċċess tal-UE. Iċ-ċertifikat se jkompli jiffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea matul il-pandemija. Sa issa l-Istati Membri ħarġu aktar minn 1.2 biljun ċertifikat. Minbarra dan, ħareġ li huwa l-unika sistema ta' ċertifikazzjoni tal-COVID-19 funzjonali li topera f'livell internazzjonali fuq skala kbira, u b'hekk huwa standard globali. Sal-31 ta' Jannar 2022 kien hemm 33 pajjiż terz jew territorju konnessi mas-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, u aktar mistennija li jissieħbu fil-futur.

Fil-21 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat regoli ġodda relatati maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jistabbilixxu, għall-fini tal-ivvjaġġar, perjodu ta' aċċettazzjoni vinkolanti ta' 9 xhur (preċiżament 270 jum) għaċ-ċertifikati tat-tilqim li jindikaw it-tlestija taċ-ċiklu primarju ta' tilqim għall-ivvjaġġar fl-UE. Dawn ir-regoli bdew japplikaw mill-1 ta' Frar 2022.

Fil-25 ta' Jannar 2022, il-Kunsill qabel li jaġġorna r-regoli biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Ir-regoli jgħidu li d-detenturi ta' ċertifikati validi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali meta jivvjaġġaw fl-UE.

Il-Kummissjoni llum qed tipproponi wkoll Regolament parallel li jestendi l-applikazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għal ċittadini mhux tal-UE li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri wkoll.

Aktar informazzjoni

Proposta biex jiġi emendat iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (ċittadini tal-UE)

Proposta biex jiġi emendat iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu u jirrisjedu legalment fl-UE)

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

Il-paġna tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rispons għall-coronavirus

Re-open EU

 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
3 Frar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta