Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet15 Ottubru 20207 min qari

Il-Coronavirus: Il-Kummissjoni telenka l-passi ewlenin għal strateġiji tat-tilqim u distribuzzjoni tal-vaċċini effettivi

thisisengineering-raeng-qi7uskbzy_a-unsplash.jpg
© EU
Filwaqt li l-Ewropa qed titgħallem tgħix bil-pandemija, l-iżvilupp u d-distribuzzjoni globali rapidi ta' vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19 jibqgħu element essenzjali fis-soluzzjoni eventwali tal-kriżi tas-saħħa pubblika. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżgura li se jkun hemm aċċess għal vaċċini sikuri fl-Ewropa, u tħeġġeġ approċċ koordinat ta' strateġiji tat-tilqim għad-distribuzzjoni tal-vaċċini. 

Illum, qabel id-diskussjoni tal-Mexxejja tal-UE, il-Kummissjoni ppreżentat l-elementi ewlenin  li l-Istati Membri jridu jqisu għall-istrateġiji tat-tilqim tagħhom kontra l-COVID-19 sabiex iħejju lill-Unjoni Ewropea u liċ-ċittadini tagħha għal meta jkun disponibbli vaċċin sikur u effettiv, kif ukoll il-gruppi ta' prijorità li jridu jqisu l-ewwel għat-tilqim.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “Vaċċin sikur u effettiv huwa l-aħjar mod biex negħlbu l-coronavirus u nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna. Konna qed naħdmu qatigħ biex nilħqu ftehimiet ma' kumpaniji tal-farmaċewtika u nassikuraw id-dożi fil-futur. Issa, rridu niżguraw li ladarba jinstab vaċċin, inkunu mħejjija bis-sħiħ biex niddistribwuh. Bl-Istrateġija tat-Tilqim tagħna, qed ngħinu lill-pajjiżi tal-UE jħejju l-kampanji tat-tilqim tagħhom: min għandu jitlaqqam l-ewwel, kif għandu jkun hemm distribuzzjoni ekwa u kif jiġu protetti l-persuni l-iktar vulnerabbli. Jekk irridu li t-tilqim tagħna jirnexxi, irridu nħejju ruħna issa.”

Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, qal hekk: “Filwaqt li l-evoluzzjoni tal-pandemija reġgħet riesqa lejn il-livelli ta' Marzu, l-istat ta' tħejjija tagħna mhuwiex. Illum qed nadottaw pass importanti fir-rispons tal-UE li għaddej kontra l-pandemija tal-COVID-19; il-mira hija li niżguraw vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu sikuri, affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd fl-UE, ladarba jkunu disponibbli. Huwa biss jekk naġixxu flimkien li jirnexxilna negħlbu l-kakofonija u nkunu iktar effiċjenti minn qabel.

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, qalet: Huwa ta' tħassib kbir li nara r-rati ta' infezzjoni jiżdiedu dejjem aktar malajr fl-UE kollha. Ma fadlilniex wisq ħin — l-ewwel prijorità ta' kulħadd għandha tkun li nagħmlu kulma huwa possibbli biex nevitaw il-konsegwenzi devastanti ta' lockdowns ġeneralizzati. U lkoll rridu nħejju ruħna għall-passi li jmiss. Il-vaċċin mhux se jkun is-soluzzjoni assoluta, iżda se jaqdi rwol ċentrali biex isalva l-ħajjiet u jrażżan il-pandemija. U meta u jekk jinstab vaċċin sikur u effiċjenti, irridu nkunu lesti biex niddistribwuh malajr kemm jista' jkun, anki billi nibnu l-fiduċja taċ-ċittadini fis-sikurezza u l-effikaċja tiegħu. Il-vaċċini mhux se jsalvaw il-ħajjiet — it-tilqim iva.”

F'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini tas-17 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jassikuraw il-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 permezz ta' Ftehimiet Antiċipati ta' Xiri ma' produtturi tal-vaċċini fl-Ewropa. Kwalunkwe vaċċin irid ikun awtorizzat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini skont l-istandards regolari għas-sikurezza u l-effikaċja. L-Istati Membri għandhom jibdew iħejju strateġija komuni tat-tilqim għad-distribuzzjoni tal-vaċċini.

Fost l-oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw:

  • il-kapaċità tas-servizzi tat-tilqim biex iwasslu l-vaċċini tal-COVID-19, inkluż forza tax-xogħol bil-ħiliet u tagħmir mediku u protettiv;
  • aċċess faċli u affordabbli għall-vaċċini għall-popolazzjonijiet fil-mira;
  • l-implimentazzjoni ta' vaċċini b'karatteristiċi u ħtiġijiet ta' ħżin u ta' trasport differenti, b'mod partikolari fejn jirrigwarda l-katina ta' tkessiħ, it-trasport imkessaħ u l-kapaċità ta' ħżin;
  • komunikazzjoni ċara dwar il-benefiċċji, ir-riskji u l-importanza tal-vaċċini kontra l-COVID-19 biex tinbena l-fiduċja tal-pubbliku.

L-Istati Membri kollha se jkollhom aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-istess ħin, abbażi tad-daqs tal-popolazzjoni. L-għadd globali ta' dożi tal-vaċċin se jkun limitat matul l-istadji inizjali tal-implimentazzjoni u qabel ma tkun tista' tiżdied il-produzzjoni. Għalhekk, il-Komunikazzjoni tipprovdi eżempji ta' gruppi ta' prijorità mhux ikklassifikati li għandhom jitqiesu mill-pajjiżi ladarba l-vaċċini tal-COVID-19 isiru disponibbli, inkluż:

  • il-ħaddiema fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul;
  • il-persuni li għandhom 'il fuq minn 60 sena;
  • il-persuni li l-istat ta' saħħa tagħhom ipoġġihom partikolarment f'riskju;
  • il-ħaddiema essenzjali;
  • il-persuni li ma jistgħux jitbiegħdu soċjalment;
  • il-gruppi soċjoekonomiċi aktar żvantaġġati.

Filwaqt li tistenna l-wasla ta' vaċċini approvati kontra l-COVID-19, u filwaqt li tassigura l-kontinwazzjoni ta' servizzi u programmi essenzjali oħra tal-kura tas-saħħa u tas-saħħa pubblika, l-UE trid tkompli ttaffi t-tixrid tal-virus. Dan jista' jsir billi tipproteġi l-gruppi vulnerabbli u tiżgura li ċ-ċittadini jaderixxu mal-miżuri tas-saħħa pubblika. Sa dak iż-żmien u aktarx anki matul il-fażijiet inizjali tal-implimentazzjoni tat-tilqim, l-interventi mhux farmaċewtiċi, bħat-tbegħid soċjali, l-għeluq ta' postijiet pubbliċi u l-adattament tal-ambjent tax-xogħol, [1] se jkomplu jservu bħala l-għodod ewlenin tas-saħħa pubblika għall-kontroll u l-ġestjoni tat-tifqigħat tal-COVID-19.

 

Sfond

Waqt li l-Ewropa tinsab miexja lejn l-istadju li jmiss tal-pandemija tal-COVID-19, huwa saħansitra aktar importanti li l-pajjiżi jsegwu strateġiji u approċċi komuni tat-tilqim. Fil-laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Ottubru, l-Istati Membri appellaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jżidu l-isforz ta' koordinazzjoni ġenerali u l-ħidma fuq l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-vaċċini fil-livell tal-UE[2]

Fl-24 ta' Settembru, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ippubblika l-valutazzjoni tar-riskju aġġornata tiegħu dwar il-pandemija tal-COVID-19, flimkien ma' sett ta' linji gwida għal interventi mhux farmaċewtiċi (bħall-iġjene tal-idejn, it-tbegħid soċjali, it-tindif u l-ventilazzjoni).

Kif enfasizzat mill-President von der Leyen fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2020, l-Ewropa trid tkompli tittratta l-pandemija tal-COVID-19 b'attenzjoni kbira, b'responsabbiltà u b'mod unit, u tuża dak li tgħallmet biex min-naħa tal-UE jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija għall-kriżijiet u l-ġestjoni tat-theddid transfruntier għas-saħħa.

Fil-15 ta' Lulju, il-Kummissjoni adottat Kummissjoni dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa, li fiha tappella lill-Istati Membri biex iħejju miżuri ta' prevenzjoni, ta' tħejjija u ta' rispons f'każ ta' tifqigħat futuri tal-COVID-19. Il-Komunikazzjoni għamlet sett ta' rakkomandazzjonijiet biex dan jinkiseb, pereżempju fl-oqsma tal-ittestjar, tat-traċċar tal-kuntatti u tal-kapaċitajiet tas-sistema tas-saħħa. L-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-miżuri tirrikjedi koordinazzjoni u skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. Ir-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fl-Istrateġija għadhom rilevanti u l-Istati Membri huma mħeġġa jsegwuhom.

Wieħed mill-punti ta' azzjoni ewlenin meħtieġa biex l-Ewropa tegħleb il-pandemija tal-coronavirus huwa l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp, tal-manifattura u tal-implimentazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19. L-istrateġija tal-UE għall-vaċċini ippubblikata f'Ġunju tfassal it-triq 'il quddiem.

Is-sikurezza, il-kwalità u l-effikaċja tal-vaċċini huma l-pedamenti ta' kwalunkwe proċess ta' żvilupp u awtorizzazzjoni tal-vaċċin, u l-iżviluppaturi tal-vaċċini huma rikjesti jressqu dokumentazzjoni u data estensivi lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini permezz tal-proċedura ta' Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq tal-UE. Wara l-awtorizzazzjoni, il-liġi tal-UE tirrikjedi li s-sikurezza tal-vaċċin kif ukoll l-effettività tiegħu jiġu mmonitorjati. Hemm bżonn tinġabar aktar evidenza ċentralment biex, minn perspettiva tas-saħħa pubblika, l-impatt u l-effettività tal-vaċċini tal-COVID-19 jiġu vvalutati ladarba jkunu tqassmu lill-popolazzjoni. Dan se jkun kruċjali biex tingħeleb il-pandemija u biex titrawwem il-fiduċja fl-Ewropej.


Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-istrateġiji tat-tilqim kontra l-COVID-19 u l-implimentazzjoni tal-vaċċin

Il-Coronavirus: lejn strateġija komuni tat-tilqim

L-Iskeda Informattiva dwar ir-Rispons tal-UE għall-Coronavirus

Il-Komunikazzjoni dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19

L-Istrateġija għall-Vaċċini kontra l-Coronavirus

Ir-Rispons tal-UE għall-Coronavirus

Skeda ta' żmien għall-azzjoni tal-UE

Il-Valutazzjoni tar-Riskji u l-istat ta' tħejjija tal-ECDC għaż-żieda fit-trażmissjoni tal-COVID-19

Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE għall-ittestjar għall-COVID-19 [Recommendations for a common EU testing approach for COVID-19]

[1] Dawn jinkludu l-użu tal-maskri, ordnijiet u rakkomandazzjonijiet biex nibqgħu d-dar, l-għeluq ta' postijiet pubbliċi, il-limitazzjonijiet tal-għadd ta' persuni permessi f'laqgħat ġewwa u barra, it-telexogħol u l-adattament tal-postijiet tax-xogħol.

[2] https://www.consilium.europa.eu/media/45910/021020-euco-final-conclusions.pdf

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Ottubru 2020