Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen illum ħabbret impenn ta' EUR 1 biljun fis-26 Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP26) fi Glasgow bħala l-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-impenn dwar il-Foresti Globali. Dan il-pakkett ta’ appoġġ fuq 5 snin mill-baġit tal-UE se jgħin lill-pajjiżi sħab jipproteġu, jirrestawraw u jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli l-foresti madwar id-dinja u sabiex iwettqu l-Ftehim ta’ Pariġi.
Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Il-foresti huma l-pulmuni ħodor tad-dinja. Jeħtieġ li nipproteġuhom u nirrestawrawhom. Inħabbar b’mod ċar li qed inwiegħdu EUR 1 biljun biex nipproteġu l-foresti tad-dinja. Dan huwa sinjal ċar tal-impenn tal-UE li tmexxi l-bidla globali biex tipproteġi l-pjaneta tagħna, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku tal-UE tagħna.”
Il-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali, Jutta Urpilainen, żiedet tgħid: “Il-kontribut tal-UE mwiegħed illum għall-ġestjoni, ir-restawr u l-protezzjoni sostenibbli tal-foresti ser jappoġġa t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-preservazzjoni tal-bijodiversità fil-pajjiżi sħab tagħna. L-Unjoni Ewropea se taħdem fi sħubijiet mal-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni u l-atturi privati, f’approċċ multilaterali, biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u biex in-nies u l-pjaneta jingħataw prijorità. Il-fokus speċifiku fuq il-Baċir tal-Kongo huwa messaġġ f’waqtu dwar l-importanza ta’ din iż-żona unika u l-ekosistema tagħha.”
Din il-wegħda hija l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għall-wegħda dwar il-Foresti Globali li saret fil-COP26 mill-komunità internazzjonali. Bħala segwitu, l-UE ser taħdem mal-pajjiżi sħab biex tikkonserva, tirrestawra u tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b’mod komprensiv u integrat. Fi ħdan il-EUR 1 biljun imwiegħda llum, EUR 250 miljun se jmorru għall-Baċir tal-Kongo.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 3 Novembru 2021