L-annimali huma ħlejjaq sensibbli. Dan huwa rikonoxxut fit-trattati tal-UE, u għandna responsabbiltà morali kif ukoll bħala soċjetà li niżguraw li l-kundizzjonijiet fl-azjendi agrikoli għall-annimali jirriflettuh dan. Madankollu, ir-realtà hija li llum biljuni ta’ annimali madwar id-dinja jinżammu f’kundizzjonijiet intensivi. Miljuni jintbagħtu bil-baħar fuq distanzi twal ħafna. Xi drabi jiġi injorat il-fatt li kull annimal imrobbi huwa ħlejqa li tista’ jħoss biża’, disprament u wġigħ. Mhux dejjem jiġu ttrattati bil-ħarsien u bir-rispett li jistħoqqilhom. It-tibdil ta’ dan huwa prijorità għall-UE.
L-Istitut Jane Goodall ħadem bla heda, fi sħubija mal-komunitajiet lokali u mal-bdiewa, biex itejjeb il-ħajja tan-nies, tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li introduċa għażliet ta’ għajxien sostenibbli li jindirizzaw il-ħtiġijiet lokali. Dawn il-valuri jirriflettu t-twemmin u l-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li tqiegħed is-sostenibbiltà fiċ-ċentru tat-titjib tal-ħajja, tad-drittijiet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini tagħha, u tal-ambjent.
L-UE qed tmexxi wkoll bl-eżempju f’ħafna oqsma. Mill-adozzjoni tal-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fl-1974, il-liġijiet, ir-regolamenti u ħafna azzjonijiet li jipproteġu lill-annimali tagħna ġew estiżi u msaħħa b’mod konsistenti, u dan irriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal miljuni ta’ annimali.
L-impenn qawwi għall-kwalità tal-ħajja tal-annimali qiegħed fost it-tħassib u d-domandi dejjem jikbru taċ-ċittadini. Kulħadd jista’ jgħin biex jagħmel differenza, u fl-UE, iċ-ċittadini ngħataw is-setgħa li jagħmlu dan. Fl-2020, aktar minn miljun ruħ ingħaqdu flimkien permezz ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tappella lill-UE biex ittemm l-era tal-gaġeġ (End the Cage Age). Dan wassal għal azzjoni bla preċedent u għall-impenn tal-Kummissjoni tal-UE li tipproponi, fl-2023, li telimina gradwalment u finalment tipprojbixxi l-gaġeġ għall-annimali bħal ħnieżer, għoġġiela, fniek, tiġieġ, papri, u wiżż.
Madankollu għad fadal ħafna xi jsir. Fejn hu possibbli, l-annimali għandhom jgħixu f’ambjent fejn jistgħu jaġixxu b’mod naturali, u aħna, iċ-ċittadini, jeħtieġ li nimxu lejn dieta aktar ibbażata fuq il-pjanti b’inqas laħam aħmar u pproċessat.
Kif nafu lkoll, il-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità qed jheddu l-futur tagħna. Is-saħħa tal-bnedmin, l-annimali, il-pjanti, u anke l-pjaneta tagħna, huma kollha marbuta b’mod intrinsiku. Aħna l-bnedmin nagħmlu parti mid-dinja naturali u niddependu minnha għall-arja, l-ikel, l-ilma — kollox. Iżda niddependu wkoll fuq ekosistemi f’saħħithom, b’kull waħda magħmula minn speċijiet interkonnessi ta’ pjanti u annimali.
Il-ħsara lill-ambjent ikkawżata mid-domanda attwali tagħna għar-riżorsi wasslet għal żieda rikorrenti ta’ nixfiet, għargħar, u mxijiet ġodda li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistemi tal-ikel u għall-ħabitats tagħna. Għall-futur tagħna. Dawn jenfasizzaw il-ħtieġa għas-sostenibbiltà f’kull aspett ta’ ħajjitna, inklużi s-sistemi tal-ikel tagħna.
L-għan tagħna huwa li nibnu sistema tal-ikel robusta u reżiljenti li tiggarantixxi liċ-ċittadini provvista suffiċjenti ta’ ikel għall-but ta’ kulħadd, u ta’ kwalità tajba u sikura, u li tagħti importanza ċentrali lill-kwalità tal-ħajja tal-annimali mrobbija. Il-benessri u s-saħħa tal-annimali huma kemm il-pedament ta’ din il-bidla kif ukoll it-triq ’il quddiem.
L-ambizzjoni tal-Kummissjoni hija li, bl-għajnuna tal-bdiewa, l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-benessri tal-annimali u l-konsumaturi, iżżomm l-istatus tal-UE bħala mexxejja dinjija fejn għandu x'jaqsam il-kwalità tal-ħajja tal-annimali. Nistgħu nilħqu dan il-għan biss billi npoġġu lin-nies u lis-sħubijiet fiċ-ċentru tal-metodu tagħna.
L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tal-UE hija impenn bla preċedent biex is-sistemi tal-ikel isiru ġusti, tajbin għas-saħħa, favur l-ambjent u favur l-annimali u bbażati fuq mudelli sostenibbli tal-agrikoltura. Bidla f’din id-direzzjoni mhux biss tkun ta’ benefiċċju għal miljuni ta’ annimali mrobbija, iżda wkoll għall-kwalità u s-sikurezza tal-ikel tagħna, għal saħħitna, kif ukoll għall-ambjent.
Bl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, għandna opportunità unika biex intejbu l-ħajja ta’ kullħadd, kemm tal-bniedem kif ukoll tal-annimali, u li dejjem ikollna bħala l-forza ta’ gwida tagħna li l-kwalità tal-ħajja tal-annimali hija importanti. Ejjew inkunu ambizzjużi għall-benefiċċju tal-familji tal-biedja, il-konsumaturi, l-annimali u l-pjaneta tagħna.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 15 Diċembru 2021
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta