Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa16 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta2 min qari

Il-Kummissarju Dalli ltaqgħet ma’ Dr Byron Camilleri, il-Ministru għall-Affarijiet Interni, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, u s-Sa Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.

Commissioner Dalli

Matul it-taħditiet il-Kummissarju rreferiet għax-Xahar tad-Diversità li qegħdin fih bħalissa. Dan ix-xahar beda jiġi ċċelebrat kull sena madwar l-UE kollha mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida u huwa ddedikat għad-diversità u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissarju Dalli appellat lil Malta biex tingħaqad mal-Pjattaforma għad-Diversità Ewropea li tnediet 12-il sena ilu u llum tiddependi fuq kapitoli nazzjonali prattikament fl-Istati Membri kollha tal-UE. 

Il-Karti tad-Diversità jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet inklużi l-korpi pubbliċi, il-kumpaniji privati u lill-NGOs biex jiżviluppaw u jimplimentaw politiki għad-diversità u l-inklużjoni. Bl-iffirmar ta’ karta, l-organizzazzjonijiet jimpenjaw ruħhom volontarjament li jippromwovu d-diversità u l-opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali. Meta l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru firmatarji ta’ karta dwar id-diversità, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal network vast ta’ organizzazzjonijiet bħalhom, pubblikazzjonijiet u għodod ta’ appoġġ għall-valutazzjoni komparattiva, il-kejl u l-monitoraġġ.

Il-Kummissarju Dalli qalet, “L-UE tieħu s-saħħa mid-diversità tagħha. Matul l-aħħar 12-il sena rajna kemm dawn il-Karti saru importanti u kemm żiedu valur lill-postijiet tax-xogħol Ewropej. Irridu nisfruttaw it-talent kollu tagħna permezz ta’ postijiet tax-xogħol u soċjetajiet aktar diversi, inklużivi u ugwali. L-ugwaljanza mhijiex riżorsa limitata. L-inklużjoni tagħmel lil kulħadd aktar milqugħ u kapaċi tikkontribwixxi bis-sħiħ l-ideat u l-kreattività tagħhom.”

Il-Kummissarju mbagħad irreferiet għall-ħidma leġiżlattiva li għaddejja, b’enfasi fuq il-proposta ta' liġi għall-UE kollha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in -nisa u l-vjolenza domestika, it-trasparenza fil-pagi, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji u l-proposta leġiżlattiva imminenti dwar il-korpi tal-ugwaljanza. 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “Din il-leġiżlazzjoni se twassal għal bidla tanġibbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kapaċità tan-nisa li jiffjorixxu u jkunu mexxejja fis-soċjetà. Il-proposti tagħna għandhom il-mira li jkun hemm standards minimi komprensivi madwar l-UE kollha li jiżguraw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jgħinu biex jinbnew l-istrutturi meħtieġa għall-ugwaljanza għal kulħadd irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-età, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali. 

Il-proposta dwar il-korpi tal-ugwaljanza se telabora l-kundizzjonijiet għall-indipendenza u l-effettività tagħhom.”

 

Segwi lil @helenadalli fuq Twitter

#UnionOfEquality

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta