Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa14 Mejju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta2 min qari

Il-Kummissarju Dalli f’Malta għall-iSpecial Olympics Invitational Games Malta 2022

Special Olympics

Il-Kummissarju Helena Dalli qiegħda Malta għall-iSpecial Olympics Invitational Games Malta 2022. Madwar 1 200 atleta, uffiċjali, u voluntiera minn 25 pajjiż differenti qed jieħdu sehem fl-avveniment. L-Olimpjadi Speċjali jservu atleti b’diżabilità intellettwali, jipprovdu taħriġ sportiv matul is-sena kollha, u kompetizzjoni atletika f’varjetà ta’ sport tat-tip Olimpiku għat-tfal u l-adulti. 

Il-Kummissarju bdiet iż-żjara tagħha b’laqgħa ma’ David Evangelista, President Reġjonali tal-Olimpijadi Speċjali u Direttur Maniġerjali tal-Ewropa u l-Ewrasja u intervista bil-vidjo estiża mill-Olimpjadi Speċjali fir-rigward tal-Istrateġija tal-UE għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-miżuri li qed jittieħdu fir-rigward tal-aċċessibbiltà u l-inklużjoni. Il-Kummissarju Dalli tkellmet dwar l-impenn tagħha li tara li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tiġi implimentata kollha kemm hi fl-UE. Dan jinkludi l-Artikolu 30 li jittratta speċifikament il-“parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u l-isport”. 

Il-Kummissarju Dalli għamlet id-diskors ewlieni lid-delegazzjonijiet tal-Olimpjadi Speċjali, lill-gvern, lin-negozji, lis-soċjetà ċivili, lill-korpi diplomatiċi u lill-komunità sportiva fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta għall-ftuħ uffiċjali kmieni filgħaxija. Il-Kummissarju Dalli qalet: “L-isport iferraħna u jżommna f’saħħitna. Jibni l-ħbiberija u s-solidarjetà. Joħroġ l-aħjar minna, u huwa bbażat fuq ir-rispett u l-ugwaljanza. L-Olimpjadi Speċjali jirrappreżentaw l-Unjoni li nixtieq ngħix fiha: Unjoni li fiha kulħadd huwa stmat, u li fiha kull persuna tista’ tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha.” 

Il-Kummissarju Dalli ltaqgħet ma’ Robert Abela, Prim Ministru ta’ Malta, f’riċeviment qabel il-ftuħ. Huma ddiskutew l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fir-rigward ta’ “Libertà li Tgħix”, l-istrateġija nazzjonali ta’ Malta għall-2021–2030 għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Huma ddiskutew il-Karta Ewropea tad-Diżabilità, li qed tiġi ppilotata fi tmien Stati Membri tal-UE, fosthom Malta. Wara dan il-proġett pilota, il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tintroduċi l-karta fl-UE kollha, biex tiżgura li l-persuni b’diżabilità li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-UE jiksbu l-aċċess għas-servizzi li jeħtieġu. 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “L-UE qed taħdem flimkien mal-Istati Membri favur l-inklużjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità fl-Ewropa. Dan ifisser li rridu niġġieldu l-preġudizzju u niżguraw li jkun hemm l-aċċessibbiltà. Kulħadd għandu jkollu l-istess opportunità biex jirnexxi.” 

Segwi lil @helenadalli fuq Twitter 

#UnionOfEquality

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Mejju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta