Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli kienet Malta biex tipparteċipa fil-konferenza li tippreżenta s-sejbiet ta’: “Safety in Childhood: A Prevalence Study of Childhood Abuse Experiences in Malta” organizzata mill-Kummissjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Fid-diskors li bih fetħet il-Konferenza, il-Kummissarju Dalli qalet: “Il-vjolenza domestika kontra t-tfal hija suġġett li ma jiġix studjat biżżejjed. Ix-xogħol kruċjali tal-akkademiċi u r-riċerkaturi jixħet dawl u jgħinna niżguraw li t-tfal ikunu protetti mill-abbuż fiżiku u mentali. Permezz tal-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal li għadha kif inħolqot, qed nagħmlu l-istess xogħol billi nqiegħdu lit-tfal fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna u nikkalkulaw l-għażliet it-tajba biex inżommuhom sikuri. Dan ivarja minn rappurtar u proċeduri adattati għat-tfal għal postijiet ta’ kenn mgħammra wkoll għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal.”
Hija u tiddiskuti l-integrazzjoni tal-ugwaljanza mal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, il-Kummissarju Dalli għamlet enfasi fuq l-inizjattivi tal-portafoll li nediet biex tinkiseb Unjoni ta’ Ugwaljanza awtentika, li fiha l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem huma inseparabbli u l-impenji kollettivi huma kruċjali. Qalet: “Il-proġett Ewropew huwa xogħol li għadu għaddej. Għamilna progress kbir, iżda hemm bżonn li nkomplu naħdmu biex inneħħu l-ostakli u nsiru dejjem aktar miftuħin. Qed nibnu s-soċjetà ta’ għada, li fiha t-talenti kollha jitrawmu u jiġu apprezzati. Nirringrazzja lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-istedina tiegħu. Huwa biss billi ningħaqdu flimkien, u billi naqsmu l-għarfien espert u l-aħjar prassi, li nistgħu niksbu “Unjoni ta’ Ugwaljanza”. Dan jista’ jgħammarna, fid-diversità kollha tagħna, biex nieħdu sehem fis-soċjetà fuq bażi ugwali u niżguraw li nistgħu mmexxu, nirnexxu, u nkunu ħielsa.”
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 April 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta